BIJOGRAFIJA
Nitlaq l-affarijiet warajja biex immur wara s-Sid
Meta kelli 16-il sena, missieri qalli: “Jekk tmur tipprietka, tersaqx ’l hawn. Jekk tiġi, niksirlek saqajk it-tnejn.” Allura ddeċidejt li nitlaq mid-dar. Din kienet l-ewwel darba li tlaqt l-affarijiet warajja biex immur wara Ġesù, is-Sid tagħna.
MISSIERI għala kien daqshekk irrabjat? Ħalli nispjega. Twelidt fid-29 taʼ Lulju 1929, u trabbejt f’raħal fil-provinċja taʼ Bulacan fil-Filippini. Ma kellniex ħafna flus, u ħajjitna kienet sempliċi. Meta kont għadni żgħir, l-armata Ġappuniża invadiet il-Filippini u bdiet il-gwerra. Iżda r-raħal tagħna kien iżolat, allura l-gwerra m’affettwatniex direttament. La kellna radju, la televixin, u lanqas gazzetti, allura smajna bil-gwerra permezz tan-nies biss.
Kelli sebaʼ aħwa subien u bniet, u meta kelli tmien snin, in-nanniet ħaduni ngħix magħhom. Għalkemm konna Kattoliċi, in-nannu kien lest li jiddiskuti r-reliġjon u aċċetta letteratura reliġjuża li kienu jagħtuh il-ħbieb. Niftakar li wrieni l-kotba żgħar Protection, Safety, u Uncovered bil-lingwa Tagalog,a (ara n-nota taʼ taħt) kif ukoll Bibbja. Kont nieħu pjaċir naqra l-Bibbja, speċjalment l-erbaʼ Evanġelji. Dan ġegħelni nkun irrid nimxi fuq l-eżempju taʼ Ġesù.—Ġwanni 10:27.
NITGĦALLEM NIMXI WARA S-SID
L-armata Ġappuniża telqet mill-Filippini fl-1945. Kien madwar dak iż-żmien meta l-ġenituri qaluli mmur lura d-dar. Nannuwi inkuraġġieni mmur, allura mort.
F’Diċembru 1945, xi Xhieda taʼ Ġeħova mill-belt taʼ Angat ġew jippritkaw fir-raħal tagħna. Xhud imdaħħal fiż-żmien ġie d-dar tagħna u spjegalna x’tgħid il-Bibbja dwar “l-aħħar jiem.” (2 Timotju 3:1-5) Hu stidinna mmorru fuq studju tal-Bibbja f’raħal qrib. Għalkemm il-ġenituri ma marrux, jien mort. Kien hemm madwar 20 ruħ, u xi wħud staqsew mistoqsijiet dwar il-Bibbja.
Ma kontx qed nifhem eżattament x’kien qed jingħad, allura ddeċidejt li nitlaq. Imma mbagħad bdew ikantaw għanja tas-Saltna. Tant għoġbitni li bqajt hemm. Wara l-għanja u t-talba, ilkoll konna mistidnin nattendu laqgħa f’Angat il-Ħadd taʼ wara.
Din il-laqgħa saret fid-dar tal-familja Cruz, u wħud minna mxew kważi tmien kilometri biex jaslu. Kien hemm miġburin madwar 50 persuna, u bqajt impressjonat li anke t-tfal żgħar wieġbu mistoqsijiet dwar suġġetti Bibliċi diffiċli. Wara li attendejt diversi laqgħat oħra, Damian Santos, pijunier imdaħħal fiż-żmien u li qabel kien sindku, stidinni ngħaddi l-lejl għandu. Qattajna l-biċċa l-kbira tal-lejl niddiskutu l-Bibbja.
Dak iż-żmien, in-nies kienu jitgħammdu ftit wara li jkunu tgħallmu affarijiet bażiċi mill-Bibbja. Wara li kont attendejt ftit laqgħat biss, l-aħwa rġiel staqsew lili u lil oħrajn, “Trid titgħammed?” Jien weġibt, “Iva, irrid.” Kont naf li rrid ‘nitjassar għas-Sid, Kristu.’ (Kolossin 3:24) Morna ħdejn xmara fil-viċin, u tnejn minna tgħammidna fil-15 taʼ Frar 1946.
Irrealizzajt li l-Kristjani mgħammdin kellhom jippritkaw regolarment bħal Ġesù. Missieri ħaseb li kont għadni żgħir wisq biex nipprietka u li l-fatt li sempliċement kont mgħammed ma kienx ifisser li stajt nipprietka. Spjegajtlu li Alla jrid li aħna nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. (Mattew 24:14) Għedtlu wkoll li ridt inżomm il-wegħda tiegħi lil Alla. Kien dak il-ħin li missieri heddidni, bħalma semmejt fil-bidu. Kien determinat li jwaqqafni milli nipprietka. Din kienet l-ewwel darba li kelli nitlaq l-affarijiet warajja, jew nagħmel sagrifiċċji, biex naqdi lil Ġeħova.
Il-familja Cruz stidnitni ngħix magħhom f’Angat. Ukoll, huma inkuraġġew lili u lit-tifla ż-żgħira tagħhom, Nora, biex nibdew naqdu bħala pijunieri. It-tnejn li aħna bdejna x-xogħol taʼ pijunier fl-1 taʼ Novembru 1947. Nora ħadmet bħala pijuniera f’belt oħra, imma jiena bqajt f’Angat.
OPPORTUNITÀ OĦRA BIEX NITLAQ L-AFFARIJIET WARAJJA
Wara li kont ilni sentejn naħdem bħala pijunier, Earl Stewart, ħu mill-Betel, ta taħdita lil iktar minn 500 ruħ fil-pjazza tal-belt taʼ Angat. Hu tkellem bl-Ingliż, u wara għamilt sommarju tat-taħdita tiegħu bit-Tagalog. Din kienet l-ewwel waħda minn ħafna taħditiet li ttraduċejt matul is-snin. Kif kont kapaċi nagħmel dan? Għalkemm mort l-iskola għal sebaʼ snin biss, l-għalliema tiegħi kienu jużaw l-Ingliż regolarment. Ukoll, jien studjajt ħafna pubblikazzjonijiet tagħna bl-Ingliż għax kienu veru ftit il-pubblikazzjonijiet Bibliċi bit-Tagalog. Dawn l-affarijiet għenuni nifhem l-Ingliż tajjeb biżżejjed biex nittraduċi t-taħditiet.
Ħuna Stewart informa lill-kongregazzjoni lokali li l-missjunarji kienu se jitilqu biex jattendu t-Theocracy’s Increase Assembly tal-1950 fi New York, l-Istati Uniti tal-Amerika. Allura, l-uffiċċju tal-fergħa ried li wieħed jew żewġ pijunieri jmorru jgħinu fil-Betel. Jien kont wieħed mill-aħwa li ġew mistidnin. Għal darb’oħra, tlaqt warajja l-affarijiet li kont imdorri bihom, din id-darba biex naqdi fil-Betel.
Wasalt il-Betel fid-19 taʼ Ġunju 1950. Il-binja taʼ Betel kienet dar antika kbira mdawra b’siġar kbar fuq medda art taʼ disaʼ tomniet (madwar 10 kilometri kwadri). Kien hemm xi 12-il ħu single jaħdmu hemm. Filgħodu kmieni kont ngħin fil-kċina. Imbagħad, minn xi d-disgħa, kont ngħaddi l-ħwejjeġ fil-laundry. Waranofsinhar kont nagħmel l-istess affarijiet. Anke wara li l-missjunarji ġew lura mill-assemblea internazzjonali, jien bqajt fil-Betel. Għamilt kulma l-aħwa rġiel kienu jqabbduni. Kont nippakkja r-rivisti biex jiġu impostati, nieħu ħsieb l-abbonamenti, u naħdem bħala receptionist.
NITLAQ MILL-FILIPPINI BIEX IMMUR L-ISKOLA TAʼ GILEGĦAD
Fl-1952, jien u sitt aħwa rġiel mill-Filippini ġejna mistidnin nattendu l-20 klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad. Kont ferħan se ntir! Waqt li konna l-Istati Uniti rajna u esperjenzajna ħafna affarijiet li kienu ġodda għalina. Il-ħajja kienet differenti ħafna minn dak li kont imdorri bih fil-villaġġ żgħir fejn trabbejt.
Maʼ wħud mill-klassi tiegħi taʼ Gilegħad
Pereżempju, kellna nitgħallmu kif nużaw apparat u għodod li qatt ma konna rajna qabel. Anke t-temp kien differenti! Darba minnhom, xħin qomt filgħodu, kullimkien kien abjad barra. Din kienet l-ewwel darba li rajt il-borra. Xi ġmiel kien hemm! Imma malajr irrealizzajt li kien ħafna u ħafna ksieħ!
Tant apprezzajt it-taħriġ meraviljuż taʼ Gilegħad li dawn l-aġġustamenti xejn ma dejquni. L-għalliema kienu tassew tajbin u wrewna kif nistudjaw u nagħmlu riċerka. It-taħriġ taʼ Gilegħad żgur li għenni nsaħħaħ ir-relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova.
Wara li ggradwajt, ġejt assenjat bħala pijunier speċjali għal xi żmien fil-Bronx fil-Belt taʼ New York. Għalhekk, f’Lulju 1953, stajt nattendi n-New World Society Assembly li saret hemm. Wara l-assemblea ġejt assenjat lura l-Filippini.
NITLAQ IL-KUMDITAJIET TAL-BELT
L-aħwa rġiel taʼ Betel inkarigawni nagħmel xogħol tas-circuit. Dan tani iżjed opportunitajiet biex nimita lil Ġesù, li vvjaġġa lejn bliet u rħula mbegħdin biex jgħin lin-nies taʼ Ġeħova. (1 Pietru 2:21) Is-circuit tiegħi kopra erja kbira minn Luzon ċentrali, li hi l-akbar gżira fil-Filippini. Inkluda l-provinċji taʼ Bulacan, Nueva Ecija, Tarlac, u Zambales. Sabiex inżur xi bliet, kelli naqsam mill-Muntanji Sierra Madre, li kienu kollha blat. Ebda karozza tal-linja jew ferrovija ma kienet tmur f’dawk il-postijiet, allura kien ikolli nistaqsi lix-xufiera tat-trakkijiet jekk stajtx noqgħod bilqiegħda fuq iz-zkuk tas-siġar li kienu jġorru. Ħafna drabi kienu jħalluni, imma dan kien mod skomdu ħafna biex nivvjaġġa.
Fil-biċċa l-kbira, il-kongregazzjonijiet kienu żgħar u ġodda. Allura, l-aħwa kienu grati meta għenthom jorganizzaw aħjar il-laqgħat u s-servizz tal-għalqa.
Iktar tard, ġejt assenjat għal circuit li kopra r-reġjun kollu taʼ Bicol. F’dawn l-inħawi, kien hemm ħafna gruppi iżolati li kellhom pijunieri speċjali jippritkaw f’postijiet li x-Xhieda qatt ma kienu marru fihom qabel. F’dar minnhom, it-toilet kien biss toqba fl-art b’żewġ injamiet impoġġijin fin-nofs fuqha. Meta qgħadt fuqhom, dawn waqgħu fil-ħofra, u jien waqajt magħhom. Kont domt ħafna biex nitnaddaf u llesti għall-kolazzjon!
Meta kont qed naqdi f’dan is-circuit, bdejt naħseb dwar Nora, li kienet bdiet taqdi bħala pijuniera fl-istess żmien tiegħi. Sa dak iż-żmien, kienet pijuniera speċjali f’Dumaguete City, u mort naraha. Wara dan, ktibna ittri lil xulxin għal xi żmien, u fl-1956 iżżewwiġna. Qattajna l-ewwel ġimgħa wara t-tieġ tagħna nżuru kongregazzjoni f’Rapu Rapu Island. Hemm kellna nitilgħu maʼ muntanji u nimxu distanzi twal, imma konna ferħanin li nkunu flimkien u ngħinu lill-aħwa f’postijiet imbegħdin.
MISTIEDEN NERĠAʼ NAQDI FIL-BETEL
Wara li konna fix-xogħol tas-circuit għal madwar erbaʼ snin, l-aħwa stidnuna mmorru l-uffiċċju tal-fergħa. Bdejna naħdmu hemm f’Jannar 1960. Matul il-ħafna snin li domna l-Betel, tgħallimt ħafna għax ħdimt m’aħwa li għandhom responsabbiltajiet kbar fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. U Nora gawdiet ħafna inkarigi differenti fil-Betel.
Waqt taħdita li tajt f’konvenzjoni maʼ traduttur Cebuano
Kienet barka li nara iktar u iktar nies jaqdu lil Ġeħova fil-Filippini. Meta ġejt il-Betel bħala ħu żagħżugħ single, kien hawn madwar 10,000 pubblikatur fil-pajjiż kollu. Issa hawn iżjed minn 200,000 pubblikatur fil-Filippini, u mijiet t’aħwa rġiel u nisa jaħdmu fil-Betel biex jappoġġjaw ix-xogħol tal-ippritkar.
Hekk kif għadda ż-żmien, kellna bżonn iżjed spazju biex nagħmlu x-xogħol fil-Betel. Imbagħad il-Ġemgħa li Tiggverna talbitna biex infittxu propjetà fejn inkunu nistgħu nibnu uffiċċju tal-fergħa ikbar. Jien u l-indokratur tal-istamperija morna minn dar għal dar fl-inħawi tal-fergħa u staqsejna lin-nies jekk ridux ibigħu l-propjetà tagħhom. Ħadd ma ried. Wieħed raġel saħansitra qalilna: “Iċ-Ċiniżi ma jbigħux. Aħna nixtru.”
Nittraduċi taħdita għal Ħuna Albert Schroeder
Madankollu, darba waħda bdew jiġru affarijiet li ma bsarnihomx. Wieħed mill-ġirien tagħna kien se jmur jgħix l-Istati Uniti, allura staqsiena jekk ridniex nixtru l-propjetà tiegħu. Imbagħad, ġar ieħor iddeċieda li jbigħ il-propjetà tiegħu, u inkuraġġixxa lil oħrajn madwaru biex jagħmlu l-istess. Aħna saħansitra stajna nixtru l-propjetà mingħand ir-raġel li kien qal li “ċ-Ċiniżi ma jbigħux.” F’ħakka t’għajn, il-propjetà tal-fergħa kienet tliet darbiet ikbar. Ninsab ċert li Ġeħova ried li jiġri dan.
Fl-1950 kont l-iżgħar persuna li kienet qed taħdem il-Betel. Issa, jien u marti sirna l-ixjeħ persuni. M’għandi l-ebda dispjaċir li mxejt wara Ġesù, kien fejn kien li dderiġieni. Għalkemm il-ġenituri keċċewni minn darhom, Ġeħova tani familja kbira taʼ nies li jħobbuh. Minn qalbi nemmen li Ġeħova jagħtina dak kollu li neħtieġu, ikun xi jkun l-inkarigu tagħna. Jien u Nora ninsabu grati ħafna lejn Ġeħova għall-provvedimenti kollha taʼ mħabba tiegħu, u ninkuraġġixxu lil oħrajn ukoll biex jafdaw fih.—Malakija 3:10.
Ġesù darba stieden lil kollettur tat-taxxi jismu Mattew Levi biex ikun segwaċi tiegħu. Mattew x’għamel? Hu “telaq kollox, qam, u mar warajh.” (Luqa 5:27, 28) Jien ukoll kelli l-opportunità li nitlaq l-affarijiet warajja biex immur wara Ġesù, u ninkuraġġixxi lil oħrajn biex jagħmlu l-istess u jesperjenzaw ħafna barkiet.
Kuntent li nibqaʼ naqdi fil-Filippini
a Ippubblikati mix-Xhieda taʼ Ġeħova imma issa m’għadhomx jiġu stampati.