Il-Ħajja Qatt Se Terġaʼ Lura għan-Normal? Il-Bibbja Kif Tistaʼ Tgħinna f’Dinja li Nbidlet bil-Pandemija?
“Ilkoll kemm aħna rridu li nerġgħu ngħixu ħajja normali.”—Angela Merkel, kanċillier Ġermaniż.
Il-pandemija tal-COVID-19 qed tkompli teffettwa lin-nies madwar id-dinja, allura jistaʼ jkun li int taqbel mal-kliem tagħha. Imma x’inhi ħajja “normali”? In-nies għal xiex qed iħarsu ‘l quddiem?
Li l-ħajja terġaʼ tiġi kif kienet qabel il-pandemija. Xi wħud jixtiequ li jerġgħu jibdew iqattgħu iktar ħin mal-ħbieb, u jkunu jistgħu jgħannquhom. Jixtiequ wkoll jerġgħu jibdew isiefru. Bħalma qal Dr. Anthony Faucia, in-nies iħossu illi li “jerġgħu lura għan-normal” ifisser li jmorru “r-restoranti, it-teatri, u affarijiet bħal dawn.”
Li l-ħajja titjieb. Xi wħud iħossu li issa huwa ċ-ċans li jgħixu ħajja aħjar milli kienu qabel. Iħossu li ċerti affarijiet iridu jinbidlu, bħal xogħol li jieħu wisq ħin u enerġija, inġustizzja soċjali, u l-fatt li iktar u iktar nies qed ibatu minn mard mentali. Klaus Schwab, il-fundatur tal-World Economic Forum, jgħid li “l-pandemija qed ittina opportunità unika biex naħsbu fuq kif inhi ħajjitna, kif nixtiquha tkun, u mbagħad naraw x’nistgħu nbiddlu.”
Għal xi wħud, il-pandemija tant effettwathom ħażin li jħossu li l-ħajja qatt ma tistaʼ terġaʼ tiġi normali kif kienet qabel. Pereżempju, xi nies tilfu x-xogħol, tilfu d-dar, mardu, jew agħar minn hekk, mitulhom il-maħbubin tagħhom.
M’hemmx dubju, ħadd ma jaf eżatt kif se tkun il-ħajja meta tispiċċa l-pandemija. (Ekkleżjasti 9:11) Madankollu, il-Bibbja tistaʼ tgħinna biex inkunu realistiċi dwar il-futur u nkampaw maʼ dak kollu li jistaʼ jiġri. Iktar minn hekk, il-Bibbja titkellem dwar futur li nistgħu nkunu ċerti minnu, u li forsi int qatt ma ħsibt dwaru.
Kif inħarsu lejn il-pandemija tal-COVID-19
Ħafna snin ilu, il-Bibbja bassret li matul il-“konklużjoni tas-sistema” kellu jkun hawn “mard li jittieħed” mad-dinja kollha. (Luqa 21:11; Mattew 24:3) Jekk inżommu dan f’moħħna meta naħsbu dwar il-COVID-19, se nħarsu lejn din il-pandemija bħala waħda mill-ġrajjiet importanti li l-Bibbja qalet li kellhom jiġru, inkluż il-gwerer, terremoti kbar, u nuqqas t’ikel.
Dan kif jistaʼ jgħinna: Għalkemm is-sitwazzjoni tal-pandemija tistaʼ tmur għall-aħjar, il-Bibbja twissi li aħna qegħdin ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Dan jistaʼ jgħinna biex inkunu realistiċi dwar il-ħajja f’dan iż-żmien diffiċli.
Il-Bibbja tgħidilna x’inhi l-ħarsa t-tajba: Il-ħajja qed issir iktar u iktar diffiċli, u d-dinja tagħna dalwaqt se tgħaddi minn bidla kbira. X’se tkun din il-bidla?
Futur aħjar minn dak li qed tistenna
Il-Bibbja ma bassritx biss il-problemi serji li qed naraw bħalissa, imma tgħid ukoll li dalwaqt se jkun hawn żmien aħjar. Titkellem dwar futur li se jkun ħafna aħjar minn dak li l-gvernijiet jistgħu qatt jittamaw li jġibu, futur li Alla biss jistaʼ jġib. “U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—Rivelazzjoni 21:4.
Alla Ġeħovab jwiegħed: “Ara! Qed nagħmel kollox ġdid.” (Rivelazzjoni 21:5) Hu se jsolvi l-problemi tad-dinja, inkluż dawk li ġabet il-pandemija. Hu se jagħmel dan li ġej:
Kulħadd se jkollu saħħa fiżika u mentali perfetta, mingħajr mard u mewt.—Isaija 25:8; 33:24.
Kulħadd se jkollu xogħol li jieħu pjaċir jagħmlu, u mhux xogħol stressanti li jħallik bla saħħa.—Isaija 65:22, 23.
Kulħadd se jkollu biżżejjed x’jiekol u mhux se jkun hawn iktar faqar.—Salm 72:12, 13; 145:16.
In-nies se jfiqu mill-uġigħ emozzjonali, u se jkollhom ukoll it-tama li jerġgħu jaraw il-maħbubin li mietu.—Isaija 65:17; Atti 24:15.
Dan kif jistaʼ jgħinna: Il-Bibbja tgħid: “Din it-tama li għandna hi bħal ankra għal ruħna.” (Ebrej 6:19) It-tama li se jiġi żmien aħjar tistaʼ tgħinna nibqgħu kalmi. Tistaʼ tgħinna nkampaw mas-sitwazzjonijiet diffiċli li għaddejjin minnhom, innaqqsu l-ansjetà, u nibqgħu kalmi u ferħanin.
Imma tistaʼ verament temmnu dak li twiegħed il-Bibbja? Ara l-artiklu bl-Ingliż “The Bible—A Reliable Source of Truth.”
Prinċipji tal-Bibbja li se jgħinuna nkampaw mal-bidliet li ġabet il-pandemija
Qis il-ħajja taʼ valur
Skrittura: “L-għerf iżomm ħaj lil sidu.”—Ekkleżjasti 7:12.
Xi jfisser għalik: Ħu deċiżjonijiet tajbin ħalli timrad inqas. Ara x’inhi s-sitwazzjoni fejn toqgħod. Ara x’inhuma r-regolamenti mill-awtoritajiet tas-saħħa, x’inhi r-rata tal-infezzjonijiet, u kemm hemm nies mill-popolazzjoni li ħadu l-vaċċin.
Oqgħod attent
Skrittura: “L-għaref jibżaʼ u jwarrab mill-ħażen, imma l-istupidu jirrabja u jafda fih innifsu.”—Proverbji 14:16.
Xi jfisser għalik: Ibqaʼ ħu prekawzjonijiet biex tipproteġi saħħtek. L-esperti jaħsbu li l-coronavirus se jibqaʼ jeżisti għal żmien twil.
Imxi fuq informazzjoni korretta
Skrittura: “Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ, imma min hu prudenti jqis il-passi tiegħu.”—Proverbji 14:15.
Xi jfisser għalik: Agħżel sew liema pariri se timxi fuqhom. L-għażla tiegħek tagħmel differenza, għax jekk tieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq informazzjoni żbaljata, tistaʼ tagħmel ħsara lil saħħtek.
Ibqaʼ pożittiv
Skrittura: “Tgħidx: ‘Kif inhi li l-jiem taʼ qabel kienu aħjar minn dawn?ʼ għax ma jkunx għaqli li tistaqsi dan.”—Ekkleżjasti 7:10.
Xi jfisser għalik: Kun determinat li tgħix bl-aħjar mod li tistaʼ fis-sitwazzjoni li qiegħed. Evita li toqgħod taħseb li l-ħajja qabel il-pandemija kienet perfetta, u tibqax taħseb fuq dawk l-affarijiet li ma rnexxilekx tagħmel minħabba l-pandemija.
Uri rispett lejn oħrajn
Skrittura: “Onoraw lil kull xorta taʼ bnedmin.”—1 Pietru 2:17.
Xi jfisser għalik: In-nies irreaġixxew b’modi differenti għall-pandemija u l-konsegwenzi li ġabet. Irrispetta l-opinjoni tagħhom, imma ibqaʼ żomm mad-deċiżjonijiet tajbin li tkun għamilt. Uri konsiderazzjoni għal dawk li ma ħadux il-vaċċin, dawk imdaħħlin fiż-żmien, u dawk li għandhom problemi kbar taʼ saħħa.
Kun paċenzjuż
Skrittura: “L-imħabba tistabar fit-tul u qalbha tajba.”—1 Korintin 13:4.
Xi jfisser għalik: Kun qalbek tajba maʼ dawk li jħossuhom inkwetati biex jerġgħu jagħmlu xi affarijiet li kienu jagħmlu qabel il-pandemija. Meta jibdew jonqsu r-restrizzjonijiet u tkun qed tippjana biex tieħu sehem f’xi attivitajiet, kun paċenzjuż.
Kif il-Bibbja qed tgħin lin-nies ikampaw mal-pandemija
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jsibu faraġ fil-wegħdi tal-Bibbja dwar futur aħjar, u dan jgħinhom biex ma jaħsbux biss fuq il-pandemija. Huma jgħinu wkoll lil xulxin billi jobdu l-kmand tal-Bibbja biex jiltaqgħu regolarment għall-qima. (Ebrej 10:24, 25) Kulħadd huwa mistieden biex jattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova, li waqt il-pandemija qed isiru b’mod virtwali.
Oħrajn jaqblu li sabuha t’għajnuna li matul dan iż-żmien diffiċli, jiltaqgħu għall-qima max-Xhieda taʼ Ġeħova. Pereżempju, waħda mara li mardet bil-COVID-19 aċċettat stedina biex tidħol f’laqgħa virtwali tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Dawn il-laqgħat għenuha emozzjonalment minkejja l-problemi taʼ saħħa li baqaʼ jkollha minħabba l-virus. Hi qalet: “Inħossni parti minn din il-familja. Il-qari tal-Bibbja jagħtini ċertu kalma u paċi tal-moħħ. Jgħinni niffoka fuq it-tama li għandi għall-futur minflok fuq il-problemi tiegħi. Grazzi talli għentuni nagħmel dak li minn dejjem xtaqt, li nersaq qrib lejn Alla.”
a Direttur tan-National Institute of Allergy and Infectious Diseases fl-Istati Uniti.
b Ġeħova huwa l-isem t’Alla skont il-Bibbja.—Salm 83:18.