sinceLF/E+ via Getty Images
IBQAʼ ATTENT!
Min Se Jsalva lill-Innoċenti fil-Gwerer?—X’Tgħid il-Bibbja?
Kif rapportat mill-Ġnus Magħquda:
Mis-7 t’Ottubru sat-23 t’Ottubru, 2023, fil-gwerra bejn Gaża u Iżrael, inqatlu iktar minn 6,400 persuna u kien hemm 15,200 feruti, il-maġġoranza tagħhom nies innoċenti. Barra minn hekk, mijiet t’eluf kellhom jaħarbu minn darhom.
Mill-24 taʼ Settembru, 2023, fil-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, fl-Ukrajna nqatlu 9,701 persuna innoċenti u kien hemm 17,748 feruti.
Il-Bibbja x’tama toffri lil dawk li qed isofru minħabba l-gwerra?
Għandna għal xiex nittamaw
Il-Bibbja tgħid li Alla se ‘jwaqqaf il-gwerer tad-dinja kollha.ʼ (Salm 46:9) Hu se jneħħi l-gvernijiet umani u minflokhom se juża gvern, jew saltna, li tmexxi mis-sema. (Danjel 2:44) Is-Saltna t’Alla se ġġib serħan lill-umanità.
Innota dak li se jagħmel Ġesù Kristu, ir-Re tas-Saltna t’Alla:
“Hu se jeħles lill-fqir li jgħajjatlu għall-għajnuna, u anki lill-batut u lil min m’għandux min jgħinu. Hu se jitħassar lill-batut u lill-fqir, u l-foqra se jsalvahom. Hu se jeħlishom mill-moħqrija u mill-vjolenza.”—Salm 72:12-14.
Permezz tas-Saltna tiegħu, Alla se jneħħi għalkollox il-miżerja u t-tbatija li ġabu l-gwerer u l-vjolenza.
“Jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—Rivelazzjoni 21:4.
Dalwaqt is-Saltna t’Alla se ġġib bidliet kbar fid-dinja. Il-Bibbja pprofetizzat li ‘se nisimgħu bi gwerer f’postijiet differenti,’ kif qed naraw illum. (Mattew 24:6) Dawn il-ġrajjiet u oħrajn jindikaw li qed ngħixu “fl-aħħar jiem” tat-tmexxija umana.—2 Timotju 3:1.