Il-Ġimgħa, 29 t’Awwissu
“Jien għallimthom dwar ismek.”—Ġw. 17:26.
Ġesù għamel iktar milli sempliċement qal lin-nies li l-isem t’Alla hu Ġeħova. Il-Lhud fi żmien Ġesù diġà kienu jafu x’kien l-isem t’Alla, imma Ġesù kien minn taʼ quddiem f’li ‘jispjega min hu.’ (Ġw. 1:17, 18) Pereżempju, l-Iskrittura Ebrajka tgħid li Ġeħova hu Alla ħanin u qalbu tajba. (Eżo. 34:5-7) Ġesù għamel din il-verità iżjed ċara meta ġab l-eżempju tal-iben il-ħali u missieru. Dan l-eżempju jurina li meta l-missier ra lil ibnu ġej lura ddispjaċut, “waqt li kien għadu ’l bogħod,” hu telaq jiġri lejh, għannqu, u biesu b’tenerezza u ħafirlu mill-qalb. (Lq. 15:11-32) B’dan l-eżempju, Ġesù għen lil oħrajn jifhmu aħjar il-kwalitajiet taʼ Ġeħova. w24.02 10 ¶8-9
Is-Sibt, 30 t’Awwissu
“Bl-inkuraġġiment li nirċievu mingħand Alla, aħna nkunu nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn.”—2 Kor. 1:4.
Ġeħova jsaħħaħ u jinkuraġġixxi lil dawk li jkunu mdejqin. Kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi nħossu għal oħrajn u ninkuraġġuhom? Mod wieħed hu billi naħdmu biex ikollna kwalitajiet li jgħinuna nħossu għal oħrajn u ninkuraġġuhom. X’inhuma ftit minn dawn il-kwalitajiet? X’ħa jgħinna biex inkomplu nħobbu u ninkuraġġixxu lil xulxin kuljum? (1 Tess. 4:18) Aħna rridu naħdmu biex inħossu għal xulxin, nuru affezzjoni, u qalb tajba lejn xulxin. (Kol. 3:12; 1 Pt. 3:8) Dan kif se jgħinna? Meta nħossu għal ħutna u veru jkun jinteressana minnhom, se nkunu nixtiequ ħafna ninkuraġġuhom meta jkollhom problemi kbar. Bħalma qal Ġesù: “In-nies jitkellmu dwar dak li hemm f’qalbhom. Raġel tajjeb jgħid affarijiet tajbin għax affarijiet tajbin għandu f’qalbu.” (Mt. 12:34, 35) Li ninkuraġġixxu lil ħutna hu mod importanti kif nuru li aħna nħobbuhom. w23.11 10 ¶10-11
Il-Ħadd, 31 t’Awwissu
“Dawk li għandhom id-dehen jifhmu.”—Dan. 12:10.
Biex nifhmu l-profeziji tal-Bibbja għandna bżonn l-għajnuna. Aħseb dwar dan l-eżempju. Immaġinak mort f’post ġdid, imma ħabib tiegħek li qiegħed miegħek jafu sew il-post. Hu jaf eżatt fejn qegħdin u minn fejn għandkom tgħaddu. Int żgur tkun ferħan li l-ħabib ġie miegħek! Ġeħova hu bħal dak il-ħabib. Hu jaf x’se jiġri fil-futur tagħna. Għalhekk, biex nifhmu l-profeziji tal-Bibbja għandna nkunu umli u nitolbu lil Ġeħova għall-għajnuna. (Dan. 2:28; 2 Pt. 1:19, 20) Bħal kull ġenitur tajjeb, Ġeħova jixtieq li t-tfal tiegħu jkollhom futur sabiħ. (Ġer. 29:11) Imma Ġeħova hu aħjar minn ġenitur uman, għax hu jistaʼ jgħidilna x’se jiġri fil-futur, u dak li jgħid dejjem jiġri. Ġeħova uża rġiel biex jiktbu l-profeziji fil-Kelma tiegħu ħalli nkunu nafu affarijiet importanti qabel jiġru.—Is. 46:10. w23.08 8 ¶3-4