Is-Sibt, 30 t’Awwissu
“Bl-inkuraġġiment li nirċievu mingħand Alla, aħna nkunu nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn.”—2 Kor. 1:4.
Ġeħova jsaħħaħ u jinkuraġġixxi lil dawk li jkunu mdejqin. Kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi nħossu għal oħrajn u ninkuraġġuhom? Mod wieħed hu billi naħdmu biex ikollna kwalitajiet li jgħinuna nħossu għal oħrajn u ninkuraġġuhom. X’inhuma ftit minn dawn il-kwalitajiet? X’ħa jgħinna biex inkomplu nħobbu u ninkuraġġixxu lil xulxin kuljum? (1 Tess. 4:18) Aħna rridu naħdmu biex inħossu għal xulxin, nuru affezzjoni, u qalb tajba lejn xulxin. (Kol. 3:12; 1 Pt. 3:8) Dan kif se jgħinna? Meta nħossu għal ħutna u veru jkun jinteressana minnhom, se nkunu nixtiequ ħafna ninkuraġġuhom meta jkollhom problemi kbar. Bħalma qal Ġesù: “In-nies jitkellmu dwar dak li hemm f’qalbhom. Raġel tajjeb jgħid affarijiet tajbin għax affarijiet tajbin għandu f’qalbu.” (Mt. 12:34, 35) Li ninkuraġġixxu lil ħutna hu mod importanti kif nuru li aħna nħobbuhom. w23.11 10 ¶10-11
Il-Ħadd, 31 t’Awwissu
“Dawk li għandhom id-dehen jifhmu.”—Dan. 12:10.
Biex nifhmu l-profeziji tal-Bibbja għandna bżonn l-għajnuna. Aħseb dwar dan l-eżempju. Immaġinak mort f’post ġdid, imma ħabib tiegħek li qiegħed miegħek jafu sew il-post. Hu jaf eżatt fejn qegħdin u minn fejn għandkom tgħaddu. Int żgur tkun ferħan li l-ħabib ġie miegħek! Ġeħova hu bħal dak il-ħabib. Hu jaf x’se jiġri fil-futur tagħna. Għalhekk, biex nifhmu l-profeziji tal-Bibbja għandna nkunu umli u nitolbu lil Ġeħova għall-għajnuna. (Dan. 2:28; 2 Pt. 1:19, 20) Bħal kull ġenitur tajjeb, Ġeħova jixtieq li t-tfal tiegħu jkollhom futur sabiħ. (Ġer. 29:11) Imma Ġeħova hu aħjar minn ġenitur uman, għax hu jistaʼ jgħidilna x’se jiġri fil-futur, u dak li jgħid dejjem jiġri. Ġeħova uża rġiel biex jiktbu l-profeziji fil-Kelma tiegħu ħalli nkunu nafu affarijiet importanti qabel jiġru.—Is. 46:10. w23.08 8 ¶3-4
It-Tnejn, 1 taʼ Settembru
“Il-ħniena tiegħu mis-sema se tiddi fuqna bħax-xemx tielgħa.”—Lq. 1:78.
Alla ta lil Ġesù l-qawwa biex isolvi l-problemi kollha tan-nies. Meta Ġesù għamel il-mirakli, hu wera li jistaʼ jirranġa l-problemi kollha li aħna ma nistgħux nirranġaw weħidna. Pereżempju, hu għandu l-qawwa li jeħlisna mid-dnub u l-effetti tiegħu, bħall-mard u l-mewt. (Mt. 9:1-6; Rum. 5:12, 18, 19) Il-mirakli tiegħu juru li hu jistaʼ jfejjaq “kull tip taʼ mard” u jqajjem il-mejtin. (Mt. 4:23; Ġw. 11:43, 44) Għandu wkoll il-qawwa li jikkontrolla l-maltempati u jkeċċi d-demonji. (Mk. 4:37-39; Lq. 8:2) Kemm hu inkuraġġanti li nafu li Ġeħova ta din il-qawwa lil Ibnu! Nistgħu nkunu ċerti li l-wegħdi t’affarijiet tajbin li se ġġib is-Saltna t’Alla se jiġru żgur. Il-mirakli li għamel Ġesù meta kien fuq l-art juruna dak li se jagħmel mad-dinja kollha bħala r-Re tas-Saltna t’Alla. w23.04 3 ¶5-7