Esdra
5 Imbagħad il-profeti Ħaggaj u Żakkarija li nannuh kien Iddo pprofetizzaw lil-Lhud li kienu f’Ġuda u f’Ġerusalemm f’isem l-Alla t’Iżrael li kien magħhom. 2 F’dan iż-żmien, Żerubbabel bin Saltijel u Ġeswa bin Ġeħosadak bdew jibnu mill-ġdid id-dar t’Alla, li kienet f’Ġerusalemm. Il-profeti t’Alla kienu magħhom u appoġġawhom. 3 Imbagħad marru għandhom Tattenaj il-gvernatur tar-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara* u Setar-bożnaj u sħabhom, u staqsewhom: “Min takom il-permess biex tibnu din id-dar u tlestu dan il-bini?* 4 X’jisimhom l-irġiel li qed jaħdmu fuq dan il-bini?” 5 Madankollu, peress li Alla kien qed jieħu ħsieb* l-anzjani* tal-Lhud, Tattenaj u sħabu ma waqqfuhomx, imma bagħtu rapport lil Darju u stennew li jirċievu dokument uffiċjali dwar dan.
6 Din hi kopja tal-ittra li rċieva r-Re Darju mingħand Tattenaj il-gvernatur tar-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara u Setar-bożnaj u sħabu l-gvernaturi minuri taʼ dak ir-reġjun. 7 L-ittra kienet tgħid hekk:
“Lir-Re Darju:
“Il-paċi miegħek! 8 Aħna morna fl-art* taʼ Ġuda, lejn id-dar tal-Alla l-kbir, u din qed tinbena b’ġebel kbir u qed jitqiegħed l-injam fil-ħitan. Ix-xogħol qed isir bil-ħeġġa u miexi ’l quddiem. 9 Imbagħad staqsejna lill-anzjani tagħhom: ‘Min takom il-permess biex tibnu din id-dar u tlestu dan il-bini?’* 10 Staqsejniehom ukoll x’jisimhom, biex b’hekk inkunu nistgħu niktbu l-ismijiet taʼ dawk li qed jieħdu t-tmexxija u ngħidulek min huma.
11 “Din hi t-tweġiba li tawna: ‘Aħna l-qaddejja tal-Alla tas-sema u tal-art, u qed nerġgħu nibnu d-dar li kienet inbniet ħafna snin ilu minn re kbir t’Iżrael. 12 Madankollu, peress li missirijietna rrabjaw lill-Alla tas-sema, hu tahom f’id ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, il-Kaldew, u dan waqqaʼ din id-dar u ħa lin-nies fl-eżilju f’Babilonja. 13 Minkejja dan, fl-ewwel sena tar-Re Ċiru taʼ Babilonja, Ċiru ħareġ il-kmand biex terġaʼ tinbena din id-dar t’Alla. 14 Barra minn hekk, ir-Re Ċiru ħareġ mit-tempju taʼ Babilonja r-reċipjenti tad-deheb u l-fidda tad-dar t’Alla li Nebukadnessar kien ħa mit-tempju taʼ Ġerusalemm. Dawn ingħataw lil Sesbassar,* li Ċiru kien għamlu gvernatur. 15 Ċiru qallu: “Ħu dawn ir-reċipjenti Ġerusalemm ħalli jitpoġġew fit-tempju, jiġifieri d-dar t’Alla li se terġaʼ tinbena fejn kienet.” 16 Meta wasal Sesbassar, hu qiegħed il-pedamenti tad-dar t’Alla f’Ġerusalemm. Din ilha tinbena minn dak iż-żmien imma għadha mhix lesta.’
17 “Issa jekk jidhirlek li hu tajjeb, ibgħat lil xi ħadd biex jiċċekkja fir-rekords tal-post fejn jinżammu t-teżori tiegħek f’Babilonja. B’hekk tara jekk hux veru li r-Re Ċiru ta kmand biex terġaʼ tinbena din id-dar t’Alla f’Ġerusalemm. Imbagħad ibgħat għidilna x’inhi d-deċiżjoni tiegħek dwar dan.”