Ġeremija
27 Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova meta r-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda bin Ġosija beda jmexxi: 2 “Ġeħova qalli, ‘Orbot xi ħbula maʼ madmad u poġġihom fuq għonqok. 3 Imbagħad ibgħathom lir-re t’Edom, lir-re taʼ Mowab, lir-re t’Għammon, lir-re taʼ Tir, u lir-re taʼ Sidon mal-messaġġiera li ġew Ġerusalemm għand ir-Re Sedekija taʼ Ġuda. 4 Agħtihom dan il-kmand biex jgħiduh lis-sidien tagħhom:
“‘“Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael; għandkom tgħidulhom hekk lis-sidien tagħkom, 5 ‘Jien għamilt l-art, in-nies, u l-annimali li hawn fuq wiċċ l-art bil-qawwa kbira u bl-id b’saħħitha tiegħi, u tajtha lil kull min ridt.* 6 U issa tajt dawn l-artijiet kollha f’idejn il-qaddej tiegħi r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, anki l-bhejjem slavaġ tajtu biex jaqduh. 7 U l-popli kollha se jaqdu lilu, lil ibnu, u lin-neputi tiegħu sakemm jasal iż-żmien li tispiċċa s-saltna tiegħu, fejn ħafna popli u rejiet kbar se jagħmluh il-qaddej tagħhom.’
8 “‘“‘U jekk ikun hemm xi poplu jew saltna li ma tkunx trid taqdi lir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja u ma tkunx trid tpoġġi għonqha taħt il-madmad tar-re taʼ Babilonja, jien se nikkastiga lil dan il-poplu bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard* sakemm neqridhom permezz tiegħu,’ jgħid Ġeħova.
9 “‘“‘Għalhekk, tisimgħux mill-profeti, minn dawk li jbassru l-futur, minn dawk li jfissru l-ħolm, minn dawk li jagħmlu l-maġija, u mis-sħaħar tagħkom, li qed jgħidulkom: “Intom mhux se taqdu lir-re taʼ Babilonja.” 10 Għax huma qed jipprofetizzawlkom il-gideb ħalli intom tittieħdu ’l bogħod minn artkom u jien inferrixkom u tispiċċaw fix-xejn.
11 “‘“‘Imma l-poplu li jqiegħed għonqu taħt il-madmad tar-re taʼ Babilonja u jaqdih, jien se nħallih jibqaʼ* f’artu biex jieħu ħsiebha u jgħix fiha,’ jgħid Ġeħova.’”’”
12 Jien għedt l-istess ukoll lir-Re Sedekija taʼ Ġuda, u għedtlu: “Qiegħdu għonqkom taħt il-madmad tar-re taʼ Babilonja u aqdu lilu u lill-poplu tiegħu, u tibqgħu tgħixu. 13 Għala int u l-poplu tiegħek għandkom tmutu bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard bħalma Ġeħova qal dwar il-poplu li mhux se jaqdi lir-re taʼ Babilonja? 14 Tisimgħux mill-profeti li qed jgħidulkom, ‘Intom mhux se taqdu lir-re taʼ Babilonja,’ għax dawn qed jipprofetizzaw il-gideb.
15 “Ġeħova jgħid, ‘Għax jien ma bgħatthomx u huma qed jipprofetizzaw il-gideb f’ismi. Minħabba f’hekk, jien se nferrixkom u intom se tispiċċaw fix-xejn, intom u l-profeti li qed jipprofetizzawlkom.’”
16 U lill-qassisin u lill-poplu kollu għedtilhom: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Tisimgħux mill-profeti tagħkom li qed jipprofetizzawlkom: “L-għodod tad-dar taʼ Ġeħova dalwaqt se jerġgħu jinġiebu lura minn Babilonja.” Għax huma qed jipprofetizzawlkom il-gideb. 17 Tisimgħux minnhom. Aqdu lir-re taʼ Babilonja u tibqgħu tgħixu. Għala għandha ssir ħerba din il-belt? 18 Imma jekk huma profeti u Ġeħova verament kellimhom, ħa jitolbu bil-ħniena lil Ġeħova tal-armati biex il-bqija tal-għodod li hemm fid-dar taʼ Ġeħova, fil-palazz tar-re taʼ Ġuda, u f’Ġerusalemm ma jittiħdux f’Babilonja.’
19 “Għax hekk jgħid Ġeħova tal-armati dwar il-kolonni, il-Baħar,* il-karrijiet, u l-bqija tal-għodda li baqaʼ fil-belt, 20 li r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja ma ħadhomx miegħu meta ħa fl-eżilju, minn Ġerusalemm lejn Babilonja, lir-Re Ġekonija taʼ Ġuda bin Ġeħojakim, flimkien man-nies importanti taʼ Ġuda u Ġerusalemm. 21 Iva, hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, dwar l-għodod li baqaʼ fid-dar taʼ Ġeħova, fil-palazz tar-re taʼ Ġuda, u f’Ġerusalemm: 22 ‘“Dawn se jittieħdu Babilonja u se jibqgħu hemm sa dakinhar li niftakar fihom,” jgħid Ġeħova. “Imbagħad inġibhom lura u nerġaʼ nqegħedhom f’dan il-post.”’”