Ġeremija
27 Fil-bidu tas-saltna taʼ Ġeħojakim* bin Ġosija,+ is-sultan taʼ Ġuda, ġiet din il-kelma għand Ġeremija mingħand Ġeħova, tgħid: 2 “Hekk qalli Ġeħova, ‘Agħmel għalik irbit u staneg tal-madmad,+ u qegħedhom fuq għonqok.+ 3 U ibgħathom lis-sultan t’Edom+ u lis-sultan taʼ Mowab+ u lis-sultan taʼ wlied Għammon+ u lis-sultan taʼ Tir+ u lis-sultan taʼ Sidon+ permezz tal-messaġġiera li ġejjin Ġerusalemm għand Sedekija, is-sultan taʼ Ġuda. 4 U agħtihom dan il-kmand għas-sidien tagħhom:
“‘“Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel;+ hekk għidulhom lis-sidien tagħkom, 5 ‘Jien għamilt l-art,+ il-bnedmin+ u l-annimali+ li hawn fuq wiċċ l-art bil-qawwa kbira tiegħi+ u bi driegħi maħruġ ’il barra;+ u jien tajtha lil min deherli li hu tajjeb f’għajnejja.+ 6 U issa tajt dawn l-artijiet kollha f’idejn Nebukadnessar,* is-sultan taʼ Babilonja,+ il-qaddej tiegħi;+ sal-bhejjem salvaġġi tar-rabaʼ tajtu biex jaqduh.+ 7 U l-ġnus kollha jridu jaqdu lilu+ u lil ibnu u lil neputih sa ma jasal iż-żmien għal artu wkoll,+ u ħafna ġnus u slaten kbar jisfruttawh bħala qaddej.’+
8 “‘“‘U jiġri li l-ġens u s-saltna li ma jaqduhx, iva, lil Nebukadnessar, is-sultan taʼ Babilonja, u dak il-ġens li ma jqegħedx għonqu taħt il-madmad tas-sultan taʼ Babilonja, nikkastigah bis-sejf+ u bil-ġuħ+ u bil-pesta,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘sakemm intemmhom permezz tiegħu.’+
9 “‘“‘U intom, tisimgħux mill-profeti tagħkom+ u minn dawk li jeħbru u minn dawk li joħolmu+ u minn dawk li jipprattikaw il-maġija u mis-sħaħar tagħkom,+ li qed jgħidulkom: “M’intomx se taqdu lis-sultan taʼ Babilonja.”+ 10 Għax huma gideb qed jipprofetizzawlkom, sabiex iħallukom tittieħdu ’l bogħod minn artkom; u jien ikolli nxerridkom, u intom tgħibu.+
11 “‘“‘U dak il-ġens li jqiegħed għonqu taħt il-madmad tas-sultan taʼ Babilonja u jaqdih, jien inħallih jistrieħ f’artu,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘u jaħdimha u jgħammar fiha.’”’”+
12 U lil Sedekija,+ is-sultan taʼ Ġuda, ukoll għedtlu dan il-kliem kollu:+ “Qiegħdu għonqkom taħt il-madmad tas-sultan taʼ Babilonja u aqdu lilu u lin-nies tiegħu u tibqgħu tgħixu.+ 13 Għala għandkom tmutu, int u n-nies tiegħek, bis-sejf,+ bil-ġuħ+ u bil-pesta+ bħalma qal Ġeħova lill-ġens li ma jaqdix lis-sultan taʼ Babilonja? 14 U tisimgħux mill-kliem tal-profeti li qed jgħidulkom, ‘M’intomx se taqdu lis-sultan taʼ Babilonja,’+ għax gideb qed jipprofetizzawlkom.+
15 “‘Għax mhux jien bgħatthom,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘imma huma qed jipprofetizzaw falz f’ismi sabiex inxerridkom+ u tgħibu,+ intom u l-profeti li qed jipprofetizzawlkom.’”+
16 U kellimt lill-qassisin u lil dan il-poplu kollu, u għedtilhom: “Hekk qal Ġeħova, ‘Tisimgħux minn kliem il-profeti tagħkom li qed jipprofetizzawlkom u jgħidulkom: “Ara! L-għodod tad-dar taʼ Ġeħova dalwaqt jinġiebu lura minn Babilonja!”+ Għax huma gideb qed jipprofetizzawlkom.+ 17 Tisimgħux minnhom. Aqdu lis-sultan taʼ Babilonja u tibqgħu tgħixu.+ Għala għandha ssir ħerba din il-belt?+ 18 Imma jekk huma profeti u għandhom il-kelma taʼ Ġeħova, nitlobhom, ħa jissupplikaw* lil Ġeħova+ taʼ l-armati sabiex l-għodod li fadal fid-dar taʼ Ġeħova u fid-dar tas-sultan taʼ Ġuda u f’Ġerusalemm ma jmorrux f’Babilonja.’
19 “Għax hekk qal Ġeħova taʼ l-armati dwar il-kolonni+ u l-baħar+ u l-karrijiet+ u l-bqija taʼ l-għodod li għad fadal f’din il-belt,+ 20 li Nebukadnessar, is-sultan taʼ Babilonja, ma ħadhomx miegħu meta ġarr fl-eżilju lil Ġekonija+ bin Ġeħojakim, is-sultan taʼ Ġuda, minn Ġerusalemm lejn Babilonja, flimkien man-nobbli kollha taʼ Ġuda u Ġerusalemm;+ 21 għax hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, dwar l-għodod li fadal fid-dar taʼ Ġeħova u fid-dar tas-sultan taʼ Ġuda u Ġerusalemm,+ 22 ‘“Lejn Babilonja jittieħdu+ u hemmhekk jibqgħu sa dakinhar li niftakar fihom,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. “U ntellagħhom u nġibhom lura f’dan il-post.”’”+