Ġeremija
42 Imbagħad il-kapijiet kollha tal-armata, Ġoħanan bin Kareja, Ġeżanija bin Ħosajja, u n-nies kollha, miż-żgħir sal-kbir, ġew 2 għandi, il-profeta Ġeremija, u qaluli: “Jekk jogħġbok, ismaʼ t-talb bil-ħniena tagħna u itlob lil Ġeħova l-Alla tiegħek għalina u għal dawk kollha li fadal, għax bħalma tistaʼ tara fadal biss ftit għalkemm konna ħafna. 3 Jalla Ġeħova l-Alla tiegħek jgħidilna minn fejn għandna ngħaddu u x’għandna nagħmlu.”
4 Jien, il-profeta Ġeremija, wiġibthom: “Smajtkom, u qed nitlob lil Ġeħova l-Alla tagħkom skont m’għedtuli, u se ngħidilkom dak kollu li Ġeħova jgħidli biex inwiġibkom. Xejn mhu se nżomm lura.”
5 Imbagħad wiġbuni: “Jekk ma nagħmlux eżatt bħalma jgħidilna Ġeħova l-Alla tiegħek permezz tiegħek, jalla Ġeħova jkun xhud veru u leali kontra tagħna. 6 Jgħidilna x’jgħidilna, tajjeb jew ħażin, aħna se nobdu dak li jgħidilna Ġeħova l-Alla tagħna li qed nibagħtuk għandu. B’hekk jaħbtilna tajjeb, għax nobdu dak li jgħidilna Ġeħova l-Alla tagħna.”
7 Għaxart ijiem wara, jien, Ġeremija, ingħatajt messaġġ mingħand Ġeħova. 8 Allura għajjatt lil Ġoħanan bin Kareja, lill-kapijiet kollha tal-armata li kienu miegħu, u lin-nies kollha, miż-żgħir sal-kbir. 9 Jien għedtilhom: “Hekk jgħid Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, li bgħattuni għandu biex nitolbu bil-ħniena għalikom: 10 ‘Jekk vera se tibqgħu f’dan il-pajjiż, allura jien se ngħinkom tirnexxu u mhux inkissirkom, se nħawwilkom u mhux naqlagħkom, għax jien se jiddispjaċini* dwar id-diżastru li ġibt fuqkom. 11 Tibżgħux mir-re taʼ Babilonja li qed tibżgħu minnu.’
“Ġeħova jgħid, ‘Tibżgħux minnu, għax jien magħkom biex insalvakom u neħliskom minn taħt idejh. 12 U jien se nurikom ħniena, u hu se jkollu ħniena minnkom u jibgħatkom fl-art tagħkom stess.
13 “‘Imma jekk tgħidu, “Le, mhux se nibqgħu f’din l-art!” u ma tobdux dak li jgħid Ġeħova l-Alla tagħkom, 14 billi tgħidu, “Le, minflok se mmorru fl-art tal-Eġittu, fejn mhux se naraw gwerer, nisimgħu l-ħoss tal-qarn, jew inkunu bil-ġuħ, u se ngħixu hemm,” 15 jekk dan hu l-ħsieb tagħkom, allura isimgħu x’jgħid Ġeħova, fdal taʼ Ġuda. Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael: “Jekk intom determinati li tmorru l-Eġittu biex tgħixu hemm,* 16 imbagħad l-għadu li qed tibżgħu minnu se jiġi u jattakkakom bix-xabla waqt li tkunu l-Eġittu, u hemmhekk se jkollkom ukoll il-ġuħ li qed tibżgħu minnu, u tmutu hemm. 17 U dawk kollha li huma determinati li jmorru jgħixu l-Eġittu se jmutu bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard.* Ħadd minnhom mhu se jibqaʼ ħaj jew jeħlisha mid-diżastru li se nġib fuqhom.”’
18 “Għax hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael: ‘Bħalma jien urejt ir-rabja u l-korla tiegħi maʼ dawk li joqogħdu Ġerusalemm, hekk se nuri r-rabja kbira tiegħi magħkom jekk tmorru l-Eġittu, u intom issiru misħutin u xi ħaġa tal-biżaʼ, u tiġu ddiżonorati u mwaqqgħin għaċ-ċajt. U qatt iktar ma terġgħu taraw dan il-post.’
19 “Fdal taʼ Ġuda, Ġeħova tkellem kontrikom. Tmorrux l-Eġittu. Tinsewx li llum qed inwissikom 20 li l-iżball tagħkom se jiswielkom ħajjitkom. Għax intom bgħattuni għand Ġeħova l-Alla tagħkom, billi għedtuli, ‘Itlob għalina lil Ġeħova l-Alla tagħna, u għidilna dak kollu li jgħid Ġeħova l-Alla tagħna, u aħna nagħmluh.’ 21 U llum jien għedtilkom x’qalilkom Ġeħova l-Alla tagħkom, imma intom mhux se tobduh u mhu ħa tagħmlu xejn milli qalli biex ngħidilkom. 22 Allura kunu afu li intom żgur se tmutu bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard fil-post fejn tixtiequ tmorru tgħixu.”