Ġeremija
48 Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, hekk jgħid dwar Mowab:
“Ħażin għal Nebo, għax hi ġiet meqruda!
Kirjatajm ġiet imwaqqgħa għaċ-ċajt u ntrebħet.
Il-post taʼ protezzjoni* ġie mwaqqaʼ għaċ-ċajt u mkisser.
2 M’għadhomx ifaħħru lil Mowab.
F’Ħesbon ippjanaw kif jeqirduh:
‘Ejja neqirduh ħalli ma jibqax poplu.’
Int ukoll, Madmen, trid tibqaʼ kwiet.
Għax ix-xabla ġejja warajk.
3 Qed jinstemaʼ għajjat minn Ħoronajm,
Għax dan il-post inqered u waqaʼ għalkollox.
4 Mowab sar ħerba.
It-tfal tiegħu qed jibku.
5 Huma jkomplu jibku fit-telgħa lejn Luħit.
U huma u neżlin minn Ħoronajm, jisimgħu n-nies jibku minħabba d-diżastru.
6 Aħarbu u salvaw lilkom infuskom!
Siru bħal siġra tal-ġnibru fid-deżert.
7 Mowab, int tafda fl-affarijiet li tagħmel u fit-teżori tiegħek,
Minħabba f’hekk li int se tintrebaħ.
U Kemos se jmur fl-eżilju,
Flimkien mal-qassisin u l-uffiċjali tiegħu.
8 Dak li se jeqred se jidħol f’kull belt,
U l-ebda belt mhu se teħlisha.
9 Agħmlu marka għal Mowab,
Għax se jaħrab u jsir ħerba,
U l-bliet tiegħu se jsiru xi ħaġa tal-biżaʼ,
U ħadd ma jgħix fihom.
10 Misħut hu dak li jwettaq l-inkarigu li tah Ġeħova bi traskuraġni!
Misħut hu dak li jżomm lura x-xabla milli joqtol!
11 Il-Mowabin tħallew jgħixu għall-kwiet minn mindu kienu żgħar,
Bħal inbid li tħalla joqgħod fuq it-tartru tiegħu.
Huma qatt ma marru fl-eżilju,
Bħal inbid li qatt ma tferraʼ minn reċipjent għal ieħor.
Hu għalhekk li t-togħma tagħhom baqgħet l-istess,
U r-riħa tagħhom ma nbidlitx.
12 “Ġeħova jgħid: ‘Għalhekk, ġej iż-żmien meta jien se nibagħtilhom irġiel biex jaqilbuhom. Huma se jdawruhom, ibattlu r-reċipjenti tagħhom, u jfarrku l-ġarar kbar tagħhom. 13 U l-Mowabin se jistħu minħabba Kemos, bħalma l-Iżraelin jistħu għax f’Betel kienu jafdaw fil-qima falza tagħhom.
14 Kif tażżardaw tgħidu: “Aħna gwerriera b’saħħitna lesti għall-gwerra”?’
Jgħid ir-Re, li ismu hu Ġeħova tal-armati.
16 Id-diżastru fuq il-Mowabin dalwaqt ġej,
U r-rovina tagħhom ġejja malajr.
17 Dawk kollha taʼ madwarhom u dawk kollha li jafu bir-reputazzjoni tagħhom,
Żgur se jħossu għalihom.
Għidilhom, ‘Kif tkisser il-bastun b’saħħtu, il-ħatar tas-sbuħija!’
18 Neħħu l-glorja tagħkom,
U poġġu bilqiegħda bil-għatx,* nies taʼ Dibon,
Għax dak li se jeqred lil Mowab ġie kontrikom,
U se jġib ħerba mill-postijiet iffortifikati tagħkom.
19 Nies t’Għarogħer, ieqfu mat-triq u araw x’inhu jiġri.
Staqsu lir-raġel u lill-mara li qed jaħarbu, ‘X’ġara?’
20 Mowab ġie mġiegħel jistħi u hu mwerwer.
Ibku u għajtu.
Xandru fl-Arnon li Mowab inqered.
21 “Il-ġudizzju wasal fuq l-art ċatta,* kontra Ħolon, Ġaħas, u Mefgħat; 22 kontra Dibon, Nebo, u Bet-diblatajm; 23 kontra Kirjatajm, Bet-gamul, u Bet-megħon; 24 kontra Kerjot u Bosra; u kontra l-bliet kollha tal-art taʼ Mowab, dawk li huma fil-bogħod u fil-viċin.
26 ‘Agħtuh x’jixrob ħa jisker, għax tkabbar u ħadha kontra Ġeħova.
Mowab jitmiegħek fir-remettar tiegħu,
U lilu jwaqqgħuh għaċ-ċajt.
27 Ma kontx int twaqqgħu għaċ-ċajt lil Iżrael?
Jaqaw inqabad jisraq,
Biex qed ixxengel rasek u titkellem kontrih?
28 Nies taʼ Mowab, itilqu mill-bliet u għixu fuq il-blat għoli,
U siru bħall-ħamiema li tbejjet f’xifer l-irdum.’”
29 “Smajna bil-kburija taʼ Mowab, u hu supperv ħafna.
Smajna kemm hu arroganti, kburi, supperv, u jaħseb li hu xi ħaġa.”
30 “Ġeħova jgħid, ‘Jien naf x’rabja għandu,
Imma l-paroli fil-vojt tiegħu ħa jiġi fix-xejn.
Huma mhu se jagħmlu xejn.
31 Hu għalhekk li se nibki għal Mowab,
Ngħajjat għal Mowab kollu,
U nagħmel id-dwejjaq għan-nies taʼ Kir-ħeres.
32 Dielja taʼ Sibma, ħa nibkik
Iktar milli bkejt għal Ġagħżer.
Il-friegħi tiegħek kibru ħafna u qasmu l-baħar.
Waslu sal-baħar, sa Ġagħżer.
Ġie l-għadu u qered
Il-frott tas-sajf u l-għeneb li ġbart.
33 Il-ferħ u l-kuntentizza tneħħew mill-ġnien tas-siġar tal-frott
U mill-art taʼ Mowab.
Ma ħallejtx iktar inbid fejn jagħsru l-għeneb.
Ħadd mhu se jagħsar l-għeneb u jgħajjat bil-ferħ.
Se jkun hemm għajjat, imma mhux se jkun taʼ ferħ.’”
34 “‘Qed jgħajtu minn Ħesbon u qed jinstemgħu s’Elegħale.
Qed jgħollu leħinhom u jinstemaʼ sa Ġaħas,
L-għajta minn Sogħar tinstemaʼ sa Ħoronajm u s’Għeglat-selisija.
Saħansitra l-ilmijiet taʼ Nimrim se jinxfu.’
35 Ġeħova jgħid, ‘Jien se neqred minn Mowab
Lil min qed iġib offerta fil-post għoli
U lil min qed jagħmel sagrifiċċji lill-alla tiegħu.
Għax il-ġid kollu li kisbu se jispiċċa.
37 Kull ras hi bil-qargħa,
U kull daqna mqaxxra.
L-idejn kollha huma mimlijin qtugħ,
U lebsin il-ħwejjeġ tal-ixkora madwar ġenbejhom!’”
Għax jien kissirt lil Mowab,
Bħal reċipjent mormi,’ jgħid Ġeħova.
39 ‘Kemm hu mwerwer Mowab! Ibku!
Mowab dar lura bil-mistħija!
Mowab qed jiġi mwaqqaʼ għaċ-ċajt,
U sar xi ħaġa tal-biżaʼ għal dawk kollha taʼ madwaru.’”
40 “Għax hekk jgħid Ġeħova:
‘Bħalma ajkla tinżel għall-priża,
L-għadu se jiftaħ ġwinħajh fuq Mowab.
41 Il-bliet se jintrebħu,
U l-postijiet iffortifikati tiegħu se jinqerdu.
Dakinhar, il-gwerriera taʼ Mowab
Se jibżgħu bħal mara li qed twelled.’”
42 “‘Mowab se jinqered għalkollox u ma jibqax poplu,
Għax tkabbar u ħadha kontra Ġeħova.
43 Nies taʼ Mowab, il-biżaʼ, il-ħofra, u n-nassa
Qegħdin quddiemkom,’ jgħid Ġeħova.
44 ‘Kull min jaħrab bil-biżaʼ se jaqaʼ fil-ħofra;
U kull min jitlaʼ mill-ħofra se jinqabad fin-nassa.’
‘Għax ġejja s-sena li jien se nikkastiga lil Mowab,’ jgħid Ġeħova.
45 ‘Dawk li jaħarbu f’Ħesbon għall-protezzjoni* mhux se jirċievu għajnuna.
Għax minn Ħesbon se joħroġ nar,
U minn Siħon se toħroġ fjamma.
Dan se jaħraq ras Mowab
U l-iskutella tar-ras taʼ nies vjolenti.’
46 ‘Ħażin għalik, Mowab!
In-nies li jqimu lill-alla Kemos inqerdu.
Is-subien tiegħek ittieħdu bħala lsiera,
U l-bniet tiegħek marru fl-eżilju.
47 Imma fl-aħħar parti tal-jiem, jien se niġbor lill-ilsiera taʼ Mowab,’ jgħid Ġeħova.
‘Hawnhekk jispiċċa l-messaġġ tal-ġudizzju kontra Mowab.’”