Ġeremija
49 Hekk jgħid Ġeħova kontra l-Għammonin:
“Jaqaw il-poplu t’Iżrael m’għandux subien?
M’għandux min jiret?
Malkam* għala ħa lil Gad?
U n-nies tiegħu għala jgħixu fil-bliet t’Iżrael?”
2 “Ġeħova jgħid: ‘Għalhekk, ġej iż-żmien
Meta nġiegħel li jinstemaʼ s-sinjal tal-gwerra* kontra Rabba tal-Għammonin.
Hi se ssir għolja abbandunata,
U l-bliet li jiddependu minnha* se jingħataw in-nar.’
‘Iżrael se jieħu lura l-art li ħadulu,’ jgħid Ġeħova.
3 ‘Nies taʼ Ħesbon, ibku, għax Għaj inqerdet!
Nies li toqogħdu fil-bliet li jiddependu minn Rabba, għajtu.
Ilbsu l-ixkejjer.
Ibku u iġru ’l hemm u ’l hawn f’nofs l-imqawel tal-ġebel,
Għax Malkam se jittieħed fl-eżilju
Flimkien mal-qassisin u l-mexxejja tiegħu.
4 Nies* mhux leali, għala tiftaħru bil-widien,*
Bil-pjanura tagħkom li tipproduċi ħafna,
Tafdaw fit-teżori tagħkom,
U tgħidu: “Min se jiħodha kontrina?”’”
5 “Is-Sid taʼ Kollox,* Ġeħova tal-armati jgħid: ‘Qed inġib xi ħaġa tal-biżaʼ fuqkom
Minn dawk kollha taʼ madwarkom.
Intom se tinfirxu f’kull direzzjoni,
U ħadd minnkom mhu se jiġbor lil dawk li jaħarbu.’”
6 “Ġeħova jgħid: ‘Imma wara se niġbor l-Għammonin li huma lsiera.’”
7 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati kontra Edom:
“Jaqaw m’għadx hemm iktar għerf f’Teman?
Il-pariri tajbin mingħand dawk li jifhmu spiċċaw fix-xejn?
M’għadux tajjeb l-għerf tagħhom?
8 Nies taʼ Dedan!
Aħarbu u duru lura!
Morru nħbew fil-widien fondi.
Meta jasal iż-żmien li nitlob kont minn Għesaw,
Se nġib diżastru fuqu.
9 Jekk dawk li jaqtgħu l-għeneb jiġu għandek,
Ma jħallux huma xi ħaġa biex jiġborha ħaddieħor?
Jekk jidħlu l-ħallelin billejl,
Ma jagħmlux huma ħsara kemm iridu?
10 Imma jien se nneżżaʼ lil Għesaw għalkollox.
Se nikxef il-postijiet fejn jinħeba
Ħalli ma jkunx jistaʼ jinħeba.
It-tfal, ħutu, u sħabu, kollha se jiġu meqrudin,
U hu ma jibqax iktar.
12 Għax hekk jgħid Ġeħova: “Jekk dawk li ma ngħatawx is-sentenza biex jixorbu mit-tazza jkollhom jixorbu, għandek int tibqaʼ mingħajr ebda kastig? Int mhux se titħalla mingħajr kastig, għax se jkollok tixrob mit-tazza tar-rabja.”
13 Ġeħova jgħid: “Jien ħlift bija nnifsi li Bosra se ssir xi ħaġa tal-biżaʼ, ħerba, saħta, u tiġi mwaqqgħa għaċ-ċajt. Il-bliet kollha tagħha se jsiru ħerba għal dejjem.”
14 Jien smajt aħbar mingħand Ġeħova,
Intbagħat messaġġier għand il-popli li jgħid:
“Inġabru flimkien u morru kontra Edom;
Ippreparaw biex tiġġieldu kontrih.”
15 “Ġibtek ma tiswa xejn fost il-popli,
U l-bnedmin imaqdruk.
16 Int li tgħix fil-kenn tal-blat,
Li toqgħod fl-ogħla għolja,
Ġejt imqarraq, għax in-nies jibżgħu minnek u int kburi f’qalbek.
Għalkemm tagħmel il-bejta tiegħek fl-għoli bħal ajkla,
Jien se nniżżlek minn hemm,” jgħid Ġeħova.
17 “U Edom għandu jsir xi ħaġa tal-biżaʼ. Kull min jgħaddi minn ħdejh se jiċċassa bil-biżaʼ u se jxengel rasu minħabba l-kastigi kollha li ġew fuqu. 18 Bħalma nqerdu Sodoma u Gomorra u l-bliet taʼ madwarhom, ħadd mhu se jgħix hemm, u l-ebda bniedem mhu se jissetilja hemm,” jgħid Ġeħova.
19 “Bħalma ljun joħroġ mill-ħafna siġar li hemm fil-Ġordan, xi ħadd se jiġi u jattakka l-postijiet siguri fejn jirgħaw l-annimali f’Edom, imma f’daqqa waħda se nġiegħlu jaħrab minn hemm. U jien se ninkariga fuqu mexxej li nkun għażilt. Għax min hu bħali u min se jisfidani? Liema ragħaj jistaʼ jiħodha kontrija? 20 Għalhekk, isimgħu d-deċiżjoni li Ġeħova ħa kontra Edom, u x’ħaseb kontra n-nies taʼ Teman:
Il-frieħ tal-merħla żgur se jiġu mkaxkrin.
Hu se jagħmel il-post fejn jgħixu abbandunat minħabba dak li għamlu.
21 Meta jaqgħu, tant se jkun hemm ħoss li l-art titriegħed.
Hemm għajta!
U din instemgħet saħansitra sal-Baħar l-Aħmar.
22 Bħal ajkla, l-għadu se jinżel biex jattakka
U hu se jiftaħ ġwinħajh fuq Bosra.
Dakinhar, il-gwerriera t’Edom se jibżgħu
Bħalma tibżaʼ mara li qed twelled.”
23 Kontra Damasku:
“Ħamat u Arfad ġew imġiegħla jistħu,
Għax semgħu rapport ħażin.
Tant beżgħu li qatgħu qalbhom.
In-nies huma bħal baħar li ma jistax jiġi kkalmat.
24 In-nies taʼ Damasku m’għadhomx kuraġġużi.
Huma daru biex jaħarbu, imma bil-paniku ma setgħux.
Għandhom ħafna inkwiet u wġigħ,
Bħal mara li qed twelled.
25 Kif jistaʼ jkun li ma ġietx abbandunata l-belt li tiġi mfaħħra,
Il-belt mimlija ferħ?
26 “Dakinhar, iż-żgħażagħ se jmutu fil-pjazez tagħha,
U s-suldati kollha se jispiċċaw fix-xejn,” jgħid Ġeħova tal-armati.
27 “U nagħti n-nar lis-sur taʼ Damasku,
U dan se jaħraq it-torrijiet iffortifikati taʼ Ben-ħadad.”
28 Hekk jgħid Ġeħova kontra Kedar u s-saltniet taʼ Ħasor, li għelibhom ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja:
“Morru itilgħu għal Kedar,
U eqirdu lil dawk li hemm fil-Lvant.
29 It-tined u l-imrieħel tagħhom se jittiħdulhom,
Anki d-drappijiet tat-tined tagħhom u kulma għandhom.
L-iġmla tagħhom se jiħduhomlhom.
U se jgħajtu u jgħidulhom, ‘Il-biżaʼ qiegħda maʼ kullimkien!’”
30 “Nies taʼ Ħasor, aħarbu u morru ’l bogħod!
Morru nħbew fil-widien fondi,” jgħid Ġeħova.
“Għax ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja għandu strateġija kontrikom
U għamel pjan kontra tagħkom.”
31 “Morru itilgħu qalb il-poplu li hu fil-paċi,
Li qed jgħix fis-sigurtà!” jgħid Ġeħova.
“M’għandhomx bibien jew staneg; huma jgħixu fl-imwarrab.
32 L-iġmla tagħhom se jinsterqulhom,
U l-ħafna bhejjem li għandhom se jittiħdulhom.
Dawk li jqaxxru x-xagħar tal-ġenb taʼ rashom
Se nxerridhom f’kull direzzjoni,*
U se nġib diżastru fuqhom minn kullimkien,” jgħid Ġeħova.
33 “Ħasor se ssir post fejn joqogħdu l-klieb slavaġ,
Post abbandunat għal dejjem.
Ħadd mhu se jgħix hemm,
U l-ebda bniedem mhu se jissetilja fiha.”
34 Jien, il-profeta Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova dwar Għelam fil-bidu li beda jmexxi r-Re Sedekija taʼ Ġuda: 35 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, ‘Qed inkisser il-qaws t’Għelam, il-qawwa tas-saħħa tagħhom. 36 Se nattakka lil Għelam bl-erbat irjieħ mill-erbaʼ trufijiet tas-sema, u se nxerridhom mad-direzzjonijiet kollha.* Mhux se jkun hemm poplu li n-nies t’Għelam ma jinxterdux fih.’”
37 “Se nġiegħel lill-Għelamin jibżgħu quddiem l-għedewwa tagħhom u quddiem dawk li qed ifittxu biex joqtluhom. Se nġib diżastru fuqhom, ir-rabja kbira tiegħi,” jgħid Ġeħova. “U se nibgħat ix-xabla warajhom sakemm neqridhom.”
38 “Se nqiegħed it-tron tiegħi f’Għelam, u minn hemm se neqred ir-re u l-mexxejja tiegħu,” jgħid Ġeħova.
39 “Imma fl-aħħar parti tal-jiem se niġbor lill-ilsiera t’Għelam,” jgħid Ġeħova.