LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • od kap. 7 pp. 59-70
  • Laqgħat li jqanqlu “għall-imħabba u l-għemejjel tajbin”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Laqgħat li jqanqlu “għall-imħabba u l-għemejjel tajbin”
  • Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​LAQGĦAT TAL-​KONGREGAZZJONI
  • IL-​LAQGĦA TAʼ TMIEM IL-​ĠIMGĦA
  • IL-​LAQGĦA TAʼ MATUL IL-​ĠIMGĦA
  • IL-​LAQGĦAT GĦAS-​SERVIZZ TAL-​GĦALQA
  • ARRANĠAMENTI GĦAL-​LAQGĦAT GĦAL KONGREGAZZJONIJIET ĠODDA JEW ŻGĦAR
  • L-​ASSEMBLEAT TAS-​CIRCUIT
  • KONVENZJONIJIET REĠJONALI
  • L-​IKLA TAʼ FILGĦAXIJA TAL-​MULEJ
  • Niltaqgħu flimkien għall-qima
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Laqgħat għas-servizz tal-għalqa li jwettqu x-xogħol tagħhom
    Il-Ministeru tas-Saltna—2015
  • Ibbenefika bis-Sħiħ mil-Laqgħat għas-Servizz taʼ l-Għalqa
    Il-Ministeru tas-Saltna—2006
  • Tieħu Sehem f’li Tagħmel il-Laqgħat Kristjani Inkuraġġanti?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
od kap. 7 pp. 59-70

KAPITLU 7

Laqgħat li jqanqlu “għall-imħabba u l-għemejjel tajbin”

MATUL is-​sekli, in-​nies taʼ Ġeħova ltaqgħu flimkien b’mod organizzat. Fl-​Iżrael tal-​qedem, l-​irġiel kollha vvjaġġaw lejn Ġerusalemm għat-​tliet festi kbar. (Dt. 16:16) Fl-​ewwel seklu, il-​Kristjani ltaqgħu flimkien regolarment, spiss fid-​dar taʼ xi ħadd minnhom. (Flm. 1, 2) Illum, nieħdu pjaċir bil-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet. Il-​qaddejja t’Alla għala jiltaqgħu flimkien? Primarjament għax dan hu parti importanti mill-​qima tagħna.—Salm 95:6; Kol. 3:16.

2 Il-​laqgħat huma taʼ benefiċċju għal dawk li jattendu. Rigward kull sebaʼ Festa tal-​Għerejjex, lill-​Iżraelin intqalilhom: “Laqqaʼ l-​poplu, l-​irġiel, in-​nisa, iċ-​ċkejknin, u r-​resident barrani li qiegħed ’il ġewwa minn bwiebek, sabiex jisimgħu u sabiex jitgħallmu, għax iridu jibżgħu minn Ġeħova Alla tagħkom u joqogħdu attenti li jwettqu l-​kliem kollu taʼ din il-​liġi.” (Dt. 31:12) Jidher ċar li raġuni importanti għaliex niltaqgħu flimkien hi biex inkunu “mgħallmin minn Ġeħova.” (Is. 54:13) Il-​laqgħat ukoll jipprovdulna l-​opportunità biex insiru nafu lil xulxin, biex nirċievu l-​inkuraġġiment, u biex nissaħħu permezz taʼ sħubija.

IL-​LAQGĦAT TAL-​KONGREGAZZJONI

3 Id-​dixxipli li kienu miġburin flimkien wara Pentekoste tas-​sena 33 WK baqgħu jingħataw għat-​tagħlim tal-​appostli, u “jum wara l-​ieħor kienu jqattgħu ħafna ħin fit-​tempju b’fehma waħda.” (Atti 2:42, 46) Iktar tard meta l-​Kristjani ltaqgħu flimkien għall-​qima, kienu jaqraw mill-​kitbiet ispirati, inkluż ittri miktubin mill-​appostli u dixxipli Kristjani oħrajn. (1 Kor. 1:1, 2; Kol. 4:16; 1 Tess. 1:1; Ġak. 1:1) Kienu wkoll jitolbu bħala kongregazzjoni. (Atti 4:24-​29; 20:36) Kultant, kienu jiġu rakkontati esperjenzi mill-​qasam missjunarju. (Atti 11:5-​18; 14:27, 28) Kien jiġi kunsidrat tagħlim Bibliku u t-​twettiq taʼ profeziji ispirati. Kienet tingħata istruzzjoni dwar imġiba Kristjana approvata u devozzjoni lejn Alla. Kulħadd kien jiġi mħeġġeġ ikun proklamatur żeluż tal-​aħbar tajba.—Rum. 10:9, 10; 1 Kor. 11:23-​26; 15:58; Efes. 5:1-​33.

Matul dawn l-​aħħar jiem diffiċli, għandna bżonn l-​inkuraġġiment li jiġi milli niltaqgħu flimkien regolarment

4 Fi żmienna, il-​laqgħat Kristjani jsegwu l-​mudell li twaqqaf fi żmien l-​appostli. Aħna nisimgħu t-​twissija ispirata misjuba f’​Ebrej 10:24, 25: “Ħa nagħtu kas xulxin . . . , u ma nabbandunawx il-​laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-​jum.” Matul dawn l-​aħħar jiem diffiċli, għandna bżonn l-​inkuraġġiment li jiġi milli niltaqgħu flimkien regolarment sabiex nibqgħu f’saħħitna spiritwalment u nżommu l-​integrità Kristjana. (Rum. 1:11, 12) Bħala Kristjani, ngħixu fost ġenerazzjoni mgħawġa u maqluba. Ċħadna dak kollu li hu kontra r-​rieda t’Alla u x-​xewqat tad-​dinja. (Flp. 2:15, 16; Titu 2:12-​14) Tassew, fejn nippreferu nkunu jekk mhux fi sħubija mal-​poplu taʼ Ġeħova? (Salm 84:10) U x’jistaʼ jkun taʼ benefiċċju iktar milli tistudja u tiddiskuti l-​Kelma t’Alla? Ikkunsidra d-​diversi laqgħat li ġew organizzati għall-​benefiċċju tagħna.

IL-​LAQGĦA TAʼ TMIEM IL-​ĠIMGĦA

5 L-​ewwel parti tal-​laqgħa taʼ tmiem il-​ġimgħa tikkonsisti minn taħdita dwar il-​Bibbja li hi disinjata speċifikament għall-​pubbliku inġenerali, li fostu jistaʼ jkun hemm min qed jattendi laqgħa għall-​ewwel darba. It-​taħdita pubblika għandha rwol importanti f’li tissodisfa l-​bżonnijiet spiritwali kemm tal-​uħud ġodda li jkunu għadhom kemm bdew jassoċjaw u kif ukoll tal-​pubblikaturi tal-​kongregazzjoni.—Atti 18:4; 19:9, 10.

6 Kristu Ġesù, l-​appostli tiegħu, u dawk imseħbin magħhom kienu jikkonduċu laqgħat pubbliċi simili għal dawk li jitgawdew illum mill-​kongregazzjonijiet tan-​nies taʼ Ġeħova. Mingħajr dubju, Ġesù kien l-​aqwa kelliem pubbliku li qatt rat id-​dinja. Dwaru ntqal: “Qatt ma kien hawn bniedem ieħor li tkellem bħalu.” (Ġw. 7:46) Ġesù tkellem b’awtorità u mmeravilja lill-​udjenzi li semgħuh. (Mt. 7:28, 29) Ħafna kienu l-​barkiet li rċivew dawk li aċċettaw il-​messaġġ tiegħu. (Mt. 13:16, 17) L-​appostli segwew l-​eżempju li ħalla. F’​Atti 2:14-​36 naqraw it-​taħdita qawwija taʼ Pietru f’jum Pentekoste tas-​sena 33 WK. Eluf ġew imqanqlin biex jaġixxu b’riżultat taʼ dak li kienu semgħu. Iżjed tard, uħud saru jemmnu wara li semgħu t-​taħdita taʼ Pawlu f’Ateni.—Atti 17:22-​34.

7 Bl-​istess mod, fi żmienna miljuni bbenefikaw mit-​taħditiet pubbliċi taʼ kull ġimgħa li jkun hemm fil-​kongregazzjonijiet flimkien mat-​taħditiet pubbliċi li jiġu preżentati f’assembleat u konvenzjonijiet. Taħditiet bħal dawn jgħinuna nibqgħu għassa għal tagħlim Kristjan u nkunu sodi fis-​servizz tas-​Saltna. Billi nistiednu lill-​uħud interessati u lill-​pubbliku inġenerali, jistaʼ jsir ħafna ġid f’li ngħinu lin-​nies isiru familjari maʼ tagħlim bażiku tal-​Bibbja.

8 Is-​suġġetti li jiġu kunsidrati fit-​taħditiet pubbliċi jvarjaw. It-​taħditiet ikopru tagħlim u profeziji Bibliċi, prinċipji u pariri Skritturali rigward il-​ħajja tal-​familja u ż-​żwieġ, sitwazzjonijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-​żgħażagħ, u morali Kristjani. Xi taħditiet jiffokaw fuq ix-​xogħlijiet meraviljużi tal-​ħolqien taʼ Ġeħova. Oħrajn juru l-​fidi, il-​kuraġġ u l-​integrità eżemplari taʼ karattri Bibliċi, u jenfasizzaw lezzjonijiet għal żmienna.

9 Biex nibbenefikaw bis-​sħiħ mit-​taħditiet pubbliċi, hu essenzjali li noqogħdu attenti ferm, infittxu l-​iskritturi li jirreferi għalihom il-​kelliem, u nsegwu hekk kif jaqrahom u jispjegahom. (Lq. 8:18) Hekk kif naċċertaw ruħna mill-​affarijiet li jiġu diskussi, aħna nkunu determinati li nżommu sod maʼ dak li nitgħallmu u napplikawh.—1 Tess. 5:21.

10 Jekk ikun hemm biżżejjed kelliema, bla dubju l-​kongregazzjoni se jkollha taħdita pubblika kull ġimgħa. Dan spiss jitwettaq billi jkun hemm kelliema li jżuru minn kongregazzjonijiet fil-​qrib. Jekk ikun hemm nuqqas taʼ kelliema, dawn it-​taħditiet jingħataw spiss kemm jistaʼ jkun.

11 It-​tieni parti tal-​laqgħa taʼ tmiem il-​ġimgħa hi l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa, diskussjoni permezz taʼ mistoqsijiet u tweġibiet taʼ artikli pubblikati fl-​edizzjoni għall-​istudju tat-​Torri tal-​Għassa. Permezz tat-​Torri tal-​Għassa, Ġeħova jipprovdilna ikel spiritwali f’waqtu.

12 L-​artikli taʼ studju spiss ikunu dwar kif jiġu applikati prinċipji Bibliċi fil-​ħajja taʼ kuljum. Huma jsaħħu lill-​Kristjani kontra “l-​ispirtu tad-​dinja” u mġiba mhix nadifa. (1 Kor. 2:12) Permezz tat-​Torri tal-​Għassa jiġi dawl miżjud fuq tagħlim u profeziji Bibliċi, u b’hekk ilkoll inkunu nistgħu nżommu l-​pass mal-​verità u nibqgħu fil-​mogħdija tan-​nies sewwa. (Salm 97:11; Prov. 4:18) Li nattendu l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa u nipparteċipaw fih jistaʼ jgħinna nithennew bit-​tama tas-​sistema ġdida u ġusta taʼ Ġeħova. (Rum. 12:12; 2 Pt. 3:13) L-​assoċjazzjoni Kristjana tagħna tgħinna nikkultivaw il-​frott tal-​ispirtu u ssaħħilna x-​xewqa li naqdu lil Ġeħova biż-​żelu. (Gal. 5:22, 23) Aħna niġu msaħħin biex nissaportu l-​provi u biex nibnu “pedament tajjeb għall-​futur” ħalli ‘naqbdu qabda soda mal-​ħajja vera.’—1 Tim. 6:19; 1 Pt. 1:6, 7.

13 Kif nistgħu nieħdu vantaġġ sħiħ minn dan il-​provvediment taʼ ikel spiritwali? Għandna nippreparaw il-​lezzjoni minn qabel, separatament jew bħala familja, infittxu l-​iskritturi ċitati, u nikkummentaw fi kliemna waqt il-​laqgħa. Dan se jnaqqax il-​verità f’qalbna, u ħaddieħor se jibbenefika hekk kif jismagħna nesprimu l-​fidi tagħna. Billi nisimgħu b’attenzjoni l-​kummenti taʼ oħrajn, se nibbenefikaw mil-​lezzjoni taʼ kull ġimgħa.

IL-​LAQGĦA TAʼ MATUL IL-​ĠIMGĦA

14 Il-​kongregazzjoni tiltaqaʼ kull ġimgħa fis-​Sala tas-​Saltna għal programm bl-​isem taʼ Il-​Ħajja u l-​Ministeru Kristjan Tagħna. Din il-​laqgħa għandha tliet partijiet magħmulin biex jgħinuna nkunu “kwalifikati biżżejjed” bħala ministri t’Alla. (2 Kor. 3:5, 6) L-​iskeda u l-​materjal ikunu provduti fil-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa—Il-​Ħajja u l-​Ministeru Kristjan Tagħna li joħroġ kull xahar. Il-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna fih ukoll eżempji taʼ konversazzjonijiet għall-​ministeru.

15 L-​ewwel parti taʼ din il-​laqgħa, bl-​isem Teżori mill-​Kelma t’Alla, se tgħinna nkunu midħla mal-​isfond u l-​kuntest taʼ rakkonti Bibliċi u nitgħallmu kif jistgħu jiġu applikati. Il-​laqgħa tinkludi taħdita, qari, u diskussjoni bbażati fuq il-​qari tal-​Bibbja taʼ kull ġimgħa. Għajnuniet viżwali u eżerċizzji biex jgħinuna nitgħallmu dwar dawn ir-​rakkonti huma inklużi fil-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna. Din il-​konsiderazzjoni fil-​fond tal-​Bibbja hi taʼ benefiċċju għall-​ħajja personali tagħna u biex ngħallmu lil ħaddieħor, biex hekk ‘inkunu kapaċi għalkollox, armati bis-​sħiħ għal kull għemil tajjeb.’—2 Tim. 3:16, 17.

16 It-​tieni parti tal-​laqgħa, Irsisti fil-​Ministeru, hi magħmula biex tagħti l-​opportunità lill-​aħwa biex jipprattikaw għall-​ministeru u jtejbu l-​abbiltà tagħhom f’li jippritkaw u jgħallmu. Flimkien mal-​inkarigi tal-​istudenti, jiġu kkunsidrati vidjows tal-​eżempji taʼ konversazzjonijiet. Din is-​sezzjoni tal-​laqgħa tgħinna nakkwistaw “l-​ilsien taʼ wieħed li ġie mgħallem” sabiex ‘inkunu nafu kif inwieġbu lill-​għajjien b’kelma.’—Is. 50:4.

17 It-​tielet parti, Għix Bħala Kristjan, tikkunsidra l-​applikazzjoni prattika taʼ prinċipji Bibliċi fil-​ħajja taʼ kuljum. (Salm 119:105) Fattur primarju taʼ din il-​parti tal-​laqgħa hu l-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni. Bħall-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa, l-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni hu diskussjoni b’mistoqsija u tweġiba.

18 Kull xahar, meta l-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani, jew anzjan li jassistih, jirċievi l-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna ġdid, hu janalizzah bir-​reqqa u jagħmel skeda. Kull ġimgħa, anzjan li jkun kapaċi jgħallem u jkun approvat mill-​ġemgħa tal-​anzjani se jaqdi bħala ċ-​chairman tal-​laqgħa. Ix-​xogħol tiegħu jinkludi li jagħmel ċert li l-​laqgħa tibda u tispiċċa fil-​ħin u li jagħti tifħir u pariri lil dawk l-​istudenti li jkollhom xi inkarigu.

19 Hekk kif regolarment nippreparaw għal, nattendu, u nipparteċipaw fil-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna, aħna niksbu għarfien mill-​Iskrittura, fehma taʼ prinċipji Bibliċi, kunfidenza biex nippritkaw l-​aħbar tajba, u abbiltà biex nagħmlu dixxipli. Dawk li jattendu u li għadhom mhumiex Xhieda mgħammdin ukoll jibbenefikaw mill-​assoċjazzjoni tal-​aħwa u minn diskussjonijiet li jibnu spiritwalment. Biex niġu megħjunin nippreparaw għal din il-​laqgħa u laqgħat oħrajn, nistgħu nużaw il-​Watchtower Library, JW Library®, Torri tal-​Għassa LIBRERIJA ONLAJN™ (jekk disponibbli bil-​lingwa tiegħek), u l-​librerija li hemm fis-​Sala tas-​Saltna. Fil-​librerija tas-​Sala tas-​Saltna jkun hemm il-​pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li huma disponibbli, il-​Watch Tower Publications Index jew il-​Gwida għall-​Pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, flimkien m’għadd taʼ traduzzjonijiet tal-​Bibbja, konkordanza, dizzjunarju, u referenzi t’għajnuna oħrajn. Din il-​librerija tistaʼ tintuża minn min jixtieq qabel jew wara l-​laqgħat.

IL-​LAQGĦAT GĦAS-​SERVIZZ TAL-​GĦALQA

20 Diversi drabi matul il-​ġimgħa u fi tmiem il-​ġimgħa, gruppi taʼ pubblikaturi jiltaqgħu għal ħin qasir f’laqgħat għas-​servizz tal-​għalqa. Dawn il-​laqgħat normalment isiru fi djar privati jew postijiet konvenjenti oħra. Is-​Sala tas-​Saltna tistaʼ tintuża għal dan ukoll. Meta jkun hemm gruppi żgħar li jiltaqgħu f’diversi postijiet fit-​territorju, jistaʼ jkun iżjed faċli għall-​pubblikaturi biex jivvjaġġaw lejn il-​laqgħa għas-​servizz u lejn it-​territorju. Il-​pubblikaturi jistgħu jiġu organizzati malajr u jerħulha għal fuq it-​territorju mingħajr telf taʼ żmien. L-​indokratur tal-​grupp forsi jkun jistaʼ jagħti wkoll attenzjoni mill-​qrib lil dawk taħt il-​ħarsien tiegħu. Waqt li hemm il-​vantaġġi f’li l-​gruppi jiltaqgħu separatament, iċ-​ċirkustanzi jistgħu jiddettaw li diversi gruppi jiltaqgħu flimkien. Pereżempju, jekk joħorġu ftit pubblikaturi fil-​ministeru fost il-​ġimgħa, forsi jkun jaqbel li l-​gruppi jingħaqdu jew inkella li kulħadd jiltaqaʼ fis-​Sala tas-​Saltna jew f’post adattat ieħor. B’hekk, il-​pubblikaturi jkollhom lil xi ħadd maʼ min jaħdmu. Il-​kongregazzjoni għandha mnejn issibha konvenjenti wkoll li tiltaqaʼ fis-​Sala tas-​Saltna fil-​festi pubbliċi. Il-​kongregazzjoni tistaʼ wkoll tagħżel li jkollha laqgħa għas-​servizz tal-​għalqa għall-​gruppi kollha wara l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa.

21 Jekk il-​gruppi jiltaqgħu separatament, l-​indokratur tal-​grupp jikkonduċi l-​laqgħa għas-​servizz tal-​għalqa. Minn żmien għal żmien, indokratur tal-​grupp jistaʼ jassenja lill-​assistent tiegħu jew ħu kwalifikat ieħor biex jikkonduċi dawn il-​laqgħat. Min jikkonduċi għandu jkun preparat biex jiddiskuti xi ħaġa li se tkun prattika u t’għajnuna għall-​ministeru tal-​għalqa. Isiru l-​arranġamenti għas-​servizz tal-​għalqa, u xi ħadd mill-​grupp jgħid it-​talba. Il-​grupp imbagħad jitlaq fil-​pront biex imur fit-​territorju. Laqgħat bħal dawn idumu bejn ħames u sebaʼ minuti imma għandhom ikunu iqsar jekk ikunu wara laqgħa tal-​kongregazzjoni. Għandhom jipprovdu inkuraġġiment, istruzzjonijiet prattiċi, u direzzjoni lil dawk li ħerġin fix-​xogħol tal-​ippritkar. Dawk ġodda jew oħrajn li għandhom mnejn ikollhom bżonn l-​għajnuna jistgħu jaħdmu maʼ pubblikaturi t’esperjenza biex jitħarrġu.

ARRANĠAMENTI GĦAL-​LAQGĦAT GĦAL KONGREGAZZJONIJIET ĠODDA JEW ŻGĦAR

22 Hekk kif iktar nies isiru dixxipli, in-​numru taʼ kongregazzjonijiet jiżdied. Applikazzjoni biex tiġi fformata kongregazzjoni ġdida ġeneralment issir mill-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Madankollu, f’xi każi, gruppi żgħar jistgħu jsibuha iżjed taʼ vantaġġ jekk jissieħbu mal-​eqreb kongregazzjoni.

23 Kultant, kongregazzjonijiet żgħar jistgħu jkunu magħmulin minn aħwa nisa biss. Meta dan ikun il-​każ, oħt li titlob fil-​kongregazzjoni jew li tikkonduċi l-​laqgħat tagħmel dan b’rasha mgħottija, fi qbil mal-​arranġament Skritturali. (1 Kor. 11:3-​16) Ġeneralment, tibqaʼ bilqiegħda, wiċċha lejn il-​grupp. L-​aħwa nisa ma jagħtux taħditiet fil-​laqgħat. Minflok, jaqraw il-​materjal provdut mill-​organizzazzjoni u jikkummentaw fuqu, jew biex ivarjaw, jistgħu jikkunsidraw il-​materjal permezz taʼ diskussjoni jew turija. L-​uffiċċju tal-​fergħa se jitlob lil waħda mill-​aħwa nisa biex tieħu ħsieb il-​korrispondenza mal-​uffiċċju u biex tieħu ħsieb il-​laqgħat. Maż-​żmien, meta l-​aħwa rġiel jikkwalifikaw, jieħdu ħsieb dawn ir-​responsabbiltajiet huma.

L-​ASSEMBLEAT TAS-​CIRCUIT

24 Kull sena, isiru arranġamenti għall-​kongregazzjonijiet assenjati fl-​istess circuit biex jiltaqgħu għal żewġ assembleat taʼ ġurnata kull waħda. Dawn l-​okkażjonijiet taʼ ferħ jagħtu opportunitajiet lil kull min jattendi biex ‘iwessaʼ qalbu’ fi sħubija Kristjana. (2 Kor. 6:11-​13) Bi bżonn speċjali f’moħħha, l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tipprepara t-​temi Skritturali u diversi taħditiet f’dawn il-​programmi. L-​informazzjoni tiġi preżentata permezz taʼ taħditiet, turijiet, reċti, turijiet taʼ xi ħadd ilissen ħsibijietu, u intervisti. Tagħlim fil-​ħin bħal dan jibni lil kull min jattendi. F’dawn l-​assembleat, ikun hemm opportunità biex dixxipli ġodda jitgħammdu b’simbolu tad-​dedikazzjoni tagħhom lil Ġeħova.

KONVENZJONIJIET REĠJONALI

25 Darba fis-​sena, jinżammu laqgħat ikbar. Normalment dawn huma konvenzjonijiet reġjonali taʼ tlett ijiem, li fihom jinġabru kongregazzjonijiet minn diversi circuits. Fergħat żgħar jistgħu jsibuha iktar prattika għall-​kongregazzjonijiet kollha fit-​territorju tal-​fergħa biex jiltaqgħu f’post wieħed. F’xi pajjiżi, l-​arranġamenti għal dawn il-​laqgħat jistgħu jvarjaw skont iċ-​ċirkustanzi jew id-​direzzjoni mill-​organizzazzjoni. Perjodikament, konvenzjonijiet internazzjonali jew speċjali jsiru f’xi pajjiżi u jistgħu jattendu għalihom għaxriet taʼ eluf taʼ Xhieda minn numru taʼ pajjiżi differenti. Matul is-​snin, ħafna tgħallmu dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna minħabba l-​pubbliċità li tingħata lil dawn il-​laqgħat kbar tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

26 Għan-​nies dedikati taʼ Ġeħova, il-​konvenzjonijiet huma okkażjonijiet ferriħin taʼ qima flimkien. Servew biex jingħata dawl miżjud fuq il-​verità. F’xi konvenzjonijiet, jinħarġu pubblikazzjonijiet ġodda għal studju persunali u dak tal-​kongregazzjoni jew għall-​użu fil-​ministeru tal-​għalqa. Fil-​konvenzjonijiet issir ukoll il-​magħmudija. Il-​konvenzjonijiet huma taʼ importanza partikulari f’li jippromwovu tkabbir spiritwali. Jagħtu evidenza li n-​nies taʼ Ġeħova tabilħaqq jifformaw fratellanza internazzjonali taʼ Kristjani dedikati li jġorru l-​marka li tidentifikahom bħala d-​dixxipli taʼ Ġesù Kristu.—Ġw. 13:35.

27 Billi nattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni lokali kif ukoll l-​assembleat u l-​konvenzjonijiet tal-​poplu taʼ Ġeħova, aħna nissaħħu biex nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova. Niġu protetti wkoll kontra influwenzi dinjin li jistgħu jdgħajfulna l-​fidi Kristjana tagħna. Laqgħat bħal dawn kollha jġibu glorja u tifħir lil Ġeħova. (Salm 35:18; Prov. 14:28) Għandna għal xiex inkunu grati li Ġeħova pprovda okkażjonijiet bħal dawn taʼ serħan spiritwali għall-​poplu dedikat tiegħu f’dan iż-​żmien tat-​tmiem.

L-​IKLA TAʼ FILGĦAXIJA TAL-​MULEJ

28 Darba fis-​sena fl-​anniversarju tal-​mewt taʼ Ġesù Kristu, il-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja josservaw it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu, jew l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej. (1 Kor. 11:20, 23, 24) Din hija l-​iktar laqgħa importanti fis-​sena għall-​poplu taʼ Ġeħova. Aħna kmandati speċifikament biex nosservaw it-​Tifkira.—Lq. 22:19.

29 Id-​data tat-​Tifkira tikkorrispondi mad-​data tal-​Qbiż Bibliku, li hi identifikata ċar fil-​Bibbja. (Eżo. 12:2, 6; Mt. 26:17, 20, 26) Il-​Qbiż kien il-​kommemorazzjoni annwali tal-​Eżodu tal-​Iżraelin mill-​Eġittu fis-​sena 1513 QK. Dak iż-​żmien, Ġeħova mmarka l-​14-​il jum tal-​ewwel xahar qamri tagħhom bħala d-​data biex jieklu l-​ħaruf tal-​Qbiż u biex jitilqu mill-​jasar tagħhom fl-​Eġittu. (Eżo. 12:1-​51) Id-​data tiġi kalkulata billi jingħaddu 13-​il jum minn meta jidher il-​qamar ġdid li jkun l-​iktar qrib l-​ekwinozju tar-​rebbiegħa kif ikun jidher minn Ġerusalemm. Ġeneralment, l-​osservanza tat-​Tifkira tkun fid-​data tal-​ewwel qamar kwinta wara l-​ekwinozju tar-​rebbiegħa.

30 F’​Mattew 26:26-​28 insibu l-​proċedura, fi kliem Ġesù stess, li turi kif tiġi osservata t-​Tifkira. Dan mhuwiex xi ritwal li fih l-​inbid u l-​ħobż letteralment jinbidlu fid-​demm u l-​ġisem taʼ Kristu, imma ikla simbolika li fiha jieħdu sehem dawk li ssejħu biex ikunu werrieta bi sħab maʼ Ġesù Kristu fis-​Saltna tiegħu tas-​sema. (Lq. 22:28-​30) Il-​Kristjani dedikati l-​oħra kollha u nies interessati huma mħeġġin jattendu l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej bħala osservaturi. Bl-​attendenza tagħhom dawn juru l-​apprezzament tagħhom għall-​provvediment li għamel Alla Ġeħova għall-​benefiċċju tal-​umanità kollha permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. Qabel it-​Tifkira, tingħata taħdita pubblika speċjali li hi disinjata biex tqajjem entużjażmu għal dan l-​avveniment u biex tħeġġeġ iżjed interess fl-​istudju tal-​Bibbja.

31 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova bil-​ferħ iħarsu ’l quddiem għal okkażjonijiet biex jinġabru flimkien f’laqgħat, fejn “nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin.” (Ebr. 10:24) L-​ilsir leali u għaqli qiegħed attent biex jipprovdi laqgħat bħal dawn skont il-​bżonnijiet spiritwali tagħna. Il-​qaddejja taʼ Ġeħova kollha kif ukoll nies interessati huma mħeġġin jieħdu vantaġġ sħiħ mill-​arranġamenti biex jiltaqgħu flimkien regolarment. Billi juru apprezzament mill-​qalb lejn il-​provvedimenti taʼ Ġeħova permezz tal-​organizzazzjoni tiegħu, il-​qaddejja t’Alla huma magħqudin flimkien f’unità. Iżjed importanti, aħna nfaħħru u nigglorifikaw lil Ġeħova.—Salm 111:1.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja