LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Storja li tagħmel differenza
    It-Torri tal-Għassa (Pubbliku)—2016 | Nru. 4
    • SUĠĠETT PRINĊIPALI | IL-​BIBBJA—L-ISTORJA TAʼ KIF BAQGĦET TEŻISTI

      Storja li tagħmel differenza

      Raġel iżomm il-Bibbja f’idu u jidher dubjuż

      Il-​Bibbja hija unika fost il-​kitba reliġjuża. L-​ebda ktieb ieħor ma fforma t-​twemmin taʼ daqstant nies fuq medda daqshekk kbira taʼ żmien. Min-​naħa l-​oħra, l-​ebda ktieb ieħor ma ġie eżaminat u kkritikat daqshekk.

      Pereżempju, xi studjużi jiddubitaw jekk il-​Bibbji moderni humiex kopji taʼ min joqgħod fuqhom tal-​kitbiet oriġinali. “Ma nistgħux inkunu kompletament ċerti jekk erġajniex bnejna t-​test oriġinali b’eżattezza,” jgħid professur tal-​istudji reliġjużi. “Għandna biss kopji mimlijin żbalji, u l-​biċċa l-​kbira minnhom ġew magħmulin sekli wara l-​oriġinali u huma differenti minnhom, evidentement b’eluf taʼ modi.”

      Oħrajn jiddubitaw l-​awtentiċità tal-​Bibbja minħabba l-​isfond reliġjuż tagħhom. Pereżempju, Faizal ġie mgħallem mill-​familja mhux Kristjana tiegħu li l-​Bibbja hi ktieb sagru imma li kienet ġiet mibdula. “B’hekk, kont inkun xi ftit suspettuż meta n-​nies riedu jkellmuni dwar il-​Bibbja,” hu jgħid. “Wara kollox, ma kellhomx il-​Bibbja oriġinali. Kienet tbiddlet!”

      Jagħmel differenza jekk il-​Bibbja ġietx mibdula? Ħeqq, ikkunsidra dawn il-​mistoqsijiet: Tistaʼ tafda fil-​wegħdi taʼ faraġ għall-​futur li qegħdin fil-​Bibbja jekk ma tafx jekk dawn il-​wegħdi kinux fit-​test oriġinali? (Rumani 15:4) Kont tuża prinċipji Bibliċi biex tieħu deċiżjonijiet importanti dwar l-​impjieg, il-​familja, jew il-​qima tiegħek kieku l-​Bibbji moderni kienu biss kopji mimlijin żbalji dokumentati mill-​bniedem?

      Għalkemm il-​kotba oriġinali tal-​Bibbja sparixxew, aħna nistgħu nirreferu għal kopji antiki—inkluż eluf taʼ manuskritti Bibliċi. Dawn il-​manuskritti kif irnexxielhom jibqgħu jeżistu minkejja tmermir, oppożizzjoni, u attentati biex jitbiddel it-​test? L-​eżistenza tagħhom kif tistaʼ tibnilek il-​fiduċja fl-​awtentiċità tal-​Bibbja moderna disponibbli għalik? Ikkunsidra t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet fl-​istorja li ġejja ta’ kif il-​Bibbja baqgħet teżisti.

  • Il-Bibbja baqgħet teżisti minkejja tmermir
    It-Torri tal-Għassa (Pubbliku)—2016 | Nru. 4
    • SUĠĠETT PRINĊIPALI | IL-​BIBBJA—L-ISTORJA TAʼ KIF BAQGĦET TEŻISTI

      Il-​Bibbja baqgħet teżisti minkejja tmermir

      IT-​THEDDIDA: Il-​papiru u l-​parċmina kienu l-​ewwel żewġ materjali użati biex fuqhom inkitbet u ġiet ikkopjata l-​Bibbja.a (2 Timotju 4:13) Dawn il-​materjali kif poġġew f’periklu l-​eżistenza tal-​Bibbja?

      Il-​papiru faċilment jitqattaʼ, jitlef il-​kulur, u jiddgħajjef. “Folja tistaʼ eventwalment titmermer u tiġi fi ftit fibri u qabda trab,” jgħidu żewġ studjużi tal-​antikità Eġizzjana, Richard Parkinson u Stephen Quirke. “Meta jkun maħżun, romblu jistaʼ jrabbi l-​moffa jew jitmermer bl-​umdità u jistaʼ jittiekel minn annimali u insetti gerriema, partikularment min-​nemel abjad, meta jitpoġġa taħt l-​art.” Xi papiri, wara li ġew skoperti, ġew esposti għal dawl qawwi jew umdità, u dan żied id-​deterjorazzjoni tagħhom.

      Il-​parċmina sservi iktar mill-​papiru, imma anke din tistaʼ titfarrak jekk ma tiġix trattata tajjeb jew tiġi esposta għal temperaturi estremi, umdità, jew dawl.b Il-​parċmina hija wkoll fil-​mira tal-​insetti. B’hekk, rigward dokumenti antiki, il-​ktieb Everyday Writing in the Graeco-​Roman East jgħid: “Li jibqgħu jeżistu hija l-​eċċezzjoni minflok ir-​regola.” Kieku l-​Bibbja tmermret b’dan il-​mod, il-​messaġġ tagħha kien jispiċċa magħha.

      KIF IL-​BIBBJA BAQGĦET TEŻISTI: Il-​liġi Lhudija obbligat lil kull sultan biex “jikteb fi ktieb kopja taʼ din il-​liġi għalih innifsu,” l-​ewwel ħames kotba tal-​Bibbja. (Dewteronomju 17:18) Iktar minn hekk, kopisti professjonali tant ipproduċew manuskritti li sal-​ewwel seklu wara Kristu (WK), l-​Iskrittura setgħet tinstab fis-​sinagogi fl-​Iżrael kollu u saħansitra fil-​Maċedonja mbiegħda! (Luqa 4:16, 17; Atti 17:11) Xi manuskritti antiki ħafna kif baqgħu jeżistu sal-​lum?

      1. Ġarra tal-fuħħar; 2. Parti mir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet

      Manuskritti magħrufin bħala r-Rombli tal-Baħar il-Mejjet baqgħu jeżistu għal sekli sħaħ maħżunin f’għerien f’ġarar tal-fuħħar fi klima xotta

      Għar fejn instabu xi manuskritti tal-Bibbja

      “Il-​Lhud kienu magħrufin għal li jpoġġu l-​iskrolli bil-​kitba tal-​Iskrittura f’reċipjenti jew ġarar sabiex jippreservawhom,” jgħid studjuż tat-​Testment il-​Ġdid, Philip W. Comfort. Milli jidher, il-​Kristjani komplew b’din it-​tradizzjoni. B’hekk, xi manuskritti bikrin tal-​Bibbja nstabu f’ġarar tal-​fuħħar, kif ukoll fi kmamar żgħar mudlama u għerien u f’reġjuni eċċezzjonalment nexfin.

      IR-​RIŻULTAT: Eluf taʼ partijiet minn manuskritti Bibliċi—uħud minnhom għandhom iktar minn 2,000 sena—għadhom jeżistu sal-​lum. L-​ebda kitba oħra tal-​qedem m’għandha daqstant manuskritti minn daqshekk żmien ilu.

      a Il-​papiru hu materjal li ssir kitba fuqu, magħmul minn pjanta bl-​istess isem li tikber fl-​ilma jew ħdejh. Il-​parċmina hi magħmula mill-​ġlud tal-​annimali.

      b Pereżempju, il-​kopja ffirmata uffiċjali tad-​Dikjarazzjoni tal-​Indipendenza tal-​Istati Uniti kienet miktuba fuq il-​parċmina. Issa, inqas minn 250 sena wara,tant iċċarat li bilkemm setgħet tinqara.

  • Il-Bibbja baqgħet teżisti minkejja oppożizzjoni
    It-Torri tal-Għassa (Pubbliku)—2016 | Nru. 4
    • SUĠĠETT PRINĊIPALI | IL-​BIBBJA—L-ISTORJA TAʼ KIF BAQGĦET TEŻISTI

      Il-​Bibbja baqgħet teżisti minkejja oppożizzjoni

      IT-​THEDDIDA: Ħafna mexxejja politiċi u reliġjużi ħadmu fuq pjanijiet kuntrarji għall-​messaġġ tal-​Bibbja. Spiss, huma użaw l-​awtorità tagħhom biex ma jħallux in-​nies ikollhom, jipproduċu, jew jittraduċu l-​Bibbja. Ikkunsidra żewġ eżempji:

      • Madwar is-​sena 167 qabel Kristu (QK): Is-​Sultan Selewkidu Antijoku Epifani, li inforza r-​reliġjon Griega fuq il-​Lhud, ordna li jinqerdu l-​kopji kollha tal-​Iskrittura Ebrajka. L-​uffiċjali tiegħu “qattgħu u ħarqu r-​rombli tal-​Liġi kull meta sabuhom,” kiteb l-​istorjografu Heinrich Graetz, “u qatlu lil dawk li nstabu jieħdu l-​qawwa u l-​faraġ mill-​qari tagħhom.”

      • Medju Evu: Xi mexxejja Kattoliċi, imbaqbqin minħabba li nies komuni kienu qed jippritkaw dak li tgħallem il-​Bibbja minflok id-​duttrina Kattolika, ittimbraw bħala eretiċi lil-​lajċi li kellhom xi kotba Bibliċi ħlief il-​ktieb tas-​Salmi bil-​Latin. Kunsill tal-​knisja impona l-​kmand billi ordna lill-​irġiel tiegħu biex “b’mod ħabrieki, leali, u taʼ spiss isibu lill-​eretiċi . . . billi jfittxu fid-​djar kollha u l-​kmamar taħt l-​art li jidhru suspettużi. . . . Id-​dar li fiha jinstab xi eretiku għandha tinqered.”

      Kieku l-​għedewwa tal-​Bibbja rnexxielhom jeqirduha, il-​messaġġ tagħha kien ikun mitluf.

      Paġna mit-traduzzjoni bl-Ingliż tal-Bibbja taʼ William Tyndale

      It-traduzzjoni tal-Bibbja bl-Ingliż taʼ William Tyndale baqgħet teżisti minkejja projbizzjoni, ħruq taʼ Bibbji, u l-esekuzzjoni taʼ Tyndale innifsu fl-1536

      KIF IL-​BIBBJA BAQGĦET TEŻISTI: Is-​Sultan Antijoku ffoka l-​kruċjata tiegħu fuq l-​Iżrael, imma l-​Lhud kienu fformaw komunitajiet f’għadd kbir taʼ pajjiżi oħra. Fil-​fatt, xi studjużi jikkalkulaw li sal-​ewwel seklu WK, iżjed minn 60 fil-​mija tal-​Lhud kienu joqogħdu barra mill-​Iżrael. Fis-​sinagogi tagħhom, il-​Lhud żammew kopji tal-​Iskrittura—l-​istess Skrittura li kienet tintuża mill-​ġenerazzjonijiet li ġew wara, inkluż il-​Kristjani.—Atti 15:21.

      Matul il-​Medju Evu, nies li kienu jħobbu l-​Bibbja wrew li kienu qalbenin u kuraġġużi waqt il-​persekuzzjoni u komplew jittraduċu u jikkopjaw l-​Iskrittura. Saħansitra qabel l-​istampar bit-​tipi taċ-​ċomb ġie vvintat f’nofs is-​seklu ħmistax, partijiet mill-​Bibbja setgħu kienu disponibbli b’xi 33 lingwa. Minn hemm ’il quddiem, il-​Bibbja ġiet tradotta u prodotta b’rata li qatt ma ntlaħqet qabel.

      IR-​RIŻULTAT: Minkejja theddid minn slaten setgħana u membri tal-​kleru żvijati, il-​Bibbja hija l-​iktar ktieb li ġie mqassam u tradott fl-​istorja. Hi fformat il-​liġijiet u l-​lingwi taʼ xi pajjiżi, kif ukoll il-​ħajjiet taʼ miljuni taʼ nies.

  • Il-Bibbja baqgħet teżisti minkejja attentati biex jinbidel il-messaġġ tagħha
    It-Torri tal-Għassa (Pubbliku)—2016 | Nru. 4
    • Kopista tal-Bibbja jaħdem

      Il-Masoreti kkopjaw l-Iskrittura bir-reqqa

      SUĠĠETT PRINĊIPALI | IL-​BIBBJA—L-ISTORJA TAʼ KIF BAQGĦET TEŻISTI

      Il-​Bibbja baqgħet teżisti minkejja attentati biex jinbidel il-​messaġġ tagħha

      IT-​THEDDIDA: Theddid bħal tmermir u oppożizzjoni ma qerdux il-​Bibbja. Madankollu, xi kopisti u tradutturi pprovaw ibiddlu l-​messaġġ tal-​Bibbja. Kultant, huma pprovaw jagħmlu l-​Bibbja taqbel mat-​twemmin tagħhom minflok ma ġabu t-​twemmin tagħhom fi qbil mal-​Bibbja. Ikkunsidra xi eżempji:

      • Post taʼ qima: Bejn ir-​rabaʼ u t-​tieni seklu QK, il-​kittieba tal-​Pentatewku Samaritan daħħlu l-​kliem “f’Aargaareezem. U hemm għandek tibni artal” wara Eżodu 20:17. B’hekk, is-​Samaritani ttamaw li jagħmlu l-​Iskrittura tappoġġjahom fil-​bini taʼ tempju fuq “Aargaareezem,” jew il-​Muntanja Geriżim.

      • Id-​duttrina tat-​Trinità: Inqas minn 300 sena wara li l-​Bibbja kienet kompluta, kittieb Trinitarjan żied mal-​1 Ġwanni 5:7 l-​kliem “fis-​sema, il-​Missier, il-​Kelma, u l-​Ispirtu s-​Santu: u dawn it-​tlieta huma wieħed.” Din l-​istqarrija ma kinitx fit-​test oriġinali. “Mis-​sitt seklu ’l quddiem,” jinnota l-​istudjuż tal-​Bibbja Bruce Metzger, dan il-​kliem kien “misjub iżjed u iżjed taʼ spiss f’manuskritti tal-​Latin Antik u l-​Vulgata [Latina].”

      • L-​isem divin: Billi kkwotaw superstizzjoni Lhudija bħala l-​awtorità tagħhom, ħafna tradutturi tal-​Bibbja ddeċidew li jneħħu l-​isem divin mill-​Iskrittura. Minflok dan l-​isem, huma poġġew titli bħal “Alla” jew “Mulej,” espressjonijiet li fil-​Bibbja jiġu applikati mhux biss għall-​Ħallieq imma wkoll għal nies, oġġetti taʼ qima falza, u saħansitra x-​Xitan.—Ġwanni 10:34, 35; 1 Korintin 8:5, 6; 2 Korintin 4:4.a

      KIF IL-​BIBBJA BAQGĦET TEŻISTI: L-​ewwel, għalkemm xi kopisti tal-​Bibbja kienu traskurati jew saħansitra qarrieqa, ħafna oħrajn kienu tas-​sengħa u taʼ reqqa kbira f’xogħolhom. Bejn is-​seklu sitta u s-​seklu għaxra WK, il-​Masoreti kkopjaw l-​Iskrittura Ebrajka u pproduċew dak li hu magħruf bħala t-​test Masoretiku. Jintqal li huma għoddew il-​kliem u l-​ittri biex jagħmlu ċert li l-​ebda żball ma ddaħħal. Kull fejn issuspettaw żbalji fit-​test li kienu qed jikkopjaw minnu, huma għamlu nota taʼ dan fil-​ġenb. Il-​Masoreti rrifjutaw li jbagħbsu t-​test Bibliku. “Tibdil intenzjonat,” kiteb il-​Professur Moshe Goshen-​Gottstein, “kien ikun għalihom l-​agħar reat possibbli.”

      It-​tieni, l-​ammont kbir taʼ manuskritti li jeżistu llum fil-​fatt jgħin lill-​istudjużi tal-​Bibbja biex isibu l-​iżbalji. Pereżempju, mexxejja reliġjużi għal sekli sħaħ għallmu li l-​verżjonijiet tagħhom bil-​Latin kien fihom it-​test Bibliku awtentiku. Iżda, fl-​1 Ġwanni 5:7, huma kienu daħħlu l-​kliem mhux awtentiku li rreferejna għalih iktar kmieni f’dan l-​artiklu. Saħansitra, l-​iżball daħal ukoll fil-​Bibbja influwenti bl-​Ingliż tal-​King James Version! Iżda meta nstabu manuskritti oħra, xi wrew? Bruce Metzger kiteb: “Is-​silta [fl-​1 Ġwanni 5:7] ma kinitx tinstab fil-​manuskritti tal-​verżjonijiet kollha antiki (is-​Sirjak, il-​Koptu, l-​Armen, l-​Etjopiku, l-​Għarbi, is-​Slavoniku), ħlief fil-​Latin.” B’hekk, edizzjonijiet riveduti tal-​King James Version u Bibbji oħra neħħew il-​frażi żbaljata.

      Chester Beatty P46, manuskritt tal-papiru minn madwar is-sena 200 WK

      Chester Beatty P46, manuskritt tal-Bibbja tal-papiru minn madwar is-sena 200 WK

      Juru l-​manuskritti iżjed antiki li l-​messaġġ tal-​Bibbja ġie protett? Fl-​1947, meta nstabu r-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet, l-​istudjużi fl-​aħħar setgħu jqabblu t-​test Masoretiku Ebrajk maʼ dak li kien hemm fl-​iskrolli tal-​Bibbja li kienu nkitbu iktar minn elf sena qabel. Membru tat-​tim editorjali tar-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet ikkonkluda li skroll wieħed “jagħti prova li ma tistax tiċħadha li t-​test bibliku mgħoddi lilna minn idejn kopisti Lhud f’perijodu taʼ iżjed minn elf sena kien estremament leali u magħmul b’attenzjoni.”

      Iċ-​Chester Beatty Library f’Dublin, l-​Irlanda, fiha ġabra taʼ papiri li tirrappreżenta kważi kull ktieb tal-​Iskrittura Griega Kristjana, inkluż manuskritti datati mit-​tieni seklu WK—madwar 100 sena biss wara li l-​Bibbja ġiet kompluta. “Għalkemm il-​Papiri jipprovdu teżor taʼ informazzjoni ġdida dwar dettalji testwali,” josserva The Anchor Bible Dictionary, “huma juru wkoll stabbiltà rimarkevoli tal-​istorja taʼ kif it-​test bibliku ġie mgħoddi lilna.”

      “Nistgħu ngħidu bla biżaʼ li l-ebda xogħol tal-qedem ma twasslilna b’tant eżattezza”

      IR-​RIŻULTAT: Minflok ma kkorrompew it-​test Bibliku, iż-​żmien u l-​għadd kbir taʼ manuskritti Bibliċi attwalment tejbuh. “L-​ebda ktieb tal-​qedem ieħor m’għandu xhieda abbundanti u bikrija bħal din għat-​test tiegħu,” kiteb Sir Frederic Kenyon dwar l-​Iskrittura Griega Kristjana, “u l-​ebda studjuż li għandu ħarsa bilanċjata mhu se jiċħad li t-​test li twasslilna hu fil-​biċċa l-​kbira sħiħ.” U dwar l-​Iskrittura Ebrajka, l-​istudjuż William Henry Green qal: “Nistgħu ngħidu bla biżaʼ li l-​ebda xogħol tal-​qedem ma twasslilna b’tant eżattezza.”

      a Għal iktar informazzjoni, ara Appendiċi Nru. 1 fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa, paġni 1638-1639 u l-appendiċi tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?, paġni 195-197, disponibbli wkoll fuq il-Websajt jw.org/mt.

  • Għala l-Bibbja baqgħet teżisti
    It-Torri tal-Għassa (Pubbliku)—2016 | Nru. 4
    • Raġel jaqra l-Bibbja

      SUĠĠETT PRINĊIPALI | IL-​BIBBJA—L-ISTORJA TAʼ KIF BAQGĦET TEŻISTI

      Għala l-​Bibbja baqgħet teżisti

      Il-​Bibbja baqgħet teżisti. B’hekk, illum tistaʼ takkwista kopja u taqraha. U meta tagħżel traduzzjoni tajba tal-​Iskrittura, tistaʼ tibqaʼ ċert li tkun qed taqra kopja li tistaʼ tafdaha tal-​kitbiet oriġinali.a Imma l-​Bibbja għala għadha teżisti minkejja tmermir naturali, oppożizzjoni ħarxa, u qerq intenzjonat fil-​messaġġ tagħha, u dan spiss sar b’rakkonti tal-​għaġeb taʼ kif baqgħet teżisti? X’hemm daqshekk speċjali dwar dan il-​ktieb?

      “Jien issa konvint li l-​Bibbja li għandi hi rigal mingħand Alla”

      Ħafna studenti tal-​Bibbja ġew għall-​istess konklużjoni tal-​appostlu Pawlu, li kiteb: “L-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla.” (2 Timotju 3:16) Huma jemmnu li l-​Bibbja baqgħet teżisti għaliex hi l-​Kelma t’Alla unika u għaliex Alla pproteġieha sal-​lum. Faizal, li ssemma fl-​artiklu tal-​bidu taʼ din il-​ħarġa, fl-​aħħar iddeċieda li jeżamina dawn l-​istqarrijiet għalih innifsu billi jistudja l-​Bibbja. Dak li sab issorprendieh. Ma damx ma tgħallem li ħafna mit-​tagħlim li hu komuni fil-​Kristjaneżmu ma jinsabx fil-​Bibbja. Iktar minn hekk, ħassu kommoss bl-​iskop t’Alla għall-​art kif inhu muri fil-​Kelma Tiegħu.

      “Jien issa konvint li l-​Bibbja li għandi hi rigal mingħand Alla,” hu jgħid. “Wara kollox, jekk Alla jistaʼ jagħmel l-​univers, ma kienx hu se jkollu l-​qawwa li jagħtina ktieb u jżommu taħt il-​ħarsien tiegħu għalina? Jekk ngħidu mod ieħor inkunu qed nillimitaw il-​qawwa t’Alla. Li nillimitaw il-​qawwa taʼ Dak li Jistaʼ Kollox—u min jien biex nagħmel dan?”—Isaija 40:8.

      a Ara l-​artiklu “Kif Tistaʼ Tagħżel Traduzzjoni Tajba tal-​Bibbja?” fil-​ħarġa tal-​1 taʼ Lulju 2008 taʼ din ir-​rivista.

      Kif nistgħu nkunu ċerti li l-Bibbja hi vera?

      Din is-​serje taʼ artikli ddiskutiet il-​preservazzjoni tal-​Bibbja. Iżda kif tistaʼ tkun ċert li l-​Bibbja hi verament “il-​kelma t’Alla” u mhux sempliċement ġabra taʼ ħrejjef u leġġendi? (1 Tessalonikin 2:13) Ara l-​vidjow qasir Kif nistgħu nkunu ċerti li l-​Bibbja hi vera? fuq www.pr418.com/mt. (Ikklikkja fuq PUBBLIKAZZJONIJIET > VIDJOWS > SIB IKTAR VIDJOWS)

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja