APPENDIĊI
L-Isem Divin—L-Użu u t-Tifsira Tiegħu
FIL-KOPJA tiegħek tal-Bibbja, kif inhu tradott Salm 83:19? In-New World Translation of the Holy Scriptures tagħti dan il-vers li jinsab f’Salm 83:18: “Biex in-nies ikunu jafu li int, li jismek Ġeħova, Int waħdek l-Iktar Għoli għal fuq l-art kollha.” Għadd taʼ traduzzjonijiet oħra jagħtu verżjonijiet simili. Madankollu, ħafna traduzzjonijiet iħallu l-isem Ġeħova barra, u minfloku jagħmlu titli bħal “Mulej” jew “Etern.” X’suppost li jkun hemm f’dan il-vers? Xi titlu jew l-isem Ġeħova?
Dan il-vers jitkellem dwar isem. Fl-Ebrajk oriġinali, il-lingwa li ntużat biex inkitbet il-maġġuranza tal-Bibbja, f’din l-iskrittura jidher isem persunali uniku. Dan hu spellut יהוה (JĦWH) bl-alfabet Ebrajk. Bil-Malti, it-traduzzjoni komuni taʼ dan l-isem hi “Ġeħova.” Dan l-isem jidher biss f’vers wieħed tal-Bibbja? Le. Fit-test oriġinali taʼ l-Iskrittura Ebrajka dan jidher kważi 7,000 darba.
Kemm hu importanti l-isem t’Alla? Ikkunsidra t-talba mudell li tana Ġesù Kristu. Din tibda: “Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Iktar tard Ġesù talab lil Alla: “Missier, igglorifika lil ismek.” Bi tweġiba nstemaʼ leħen Alla mis-sema li qal: “Jien igglorifikajtu u nerġaʼ nigglorifikah.” (Ġwanni 12:28) Jidher ċar li l-isem t’Alla hu taʼ l-akbar importanza. Allura xi tradutturi għala ħallew dan l-isem barra mit-traduzzjonijiet tagħhom tal-Bibbja u minfloku għamlu titli?
Jidher li hemm żewġ raġunijiet prinċipali. L-ewwel, ħafna jsostnu li dan l-isem m’għandux jintuża għaliex illum ħadd ma jaf eżatt kif kienu jippronunzjawh fil-bidu. L-Ebrajk antik kien jinkiteb mingħajr vokali. Għalhekk, ħadd illum ma jistaʼ jgħid fiċ-ċert kif in-nies fiż-żminijiet Bibliċi kienu jippronunzjaw eżatt JĦWH. Madankollu, għandu dan iżommna milli nużaw l-isem t’Alla? Fiż-żminijiet Bibliċi, l-isem Ġesù għandu mnejn kien jiġi pronunzjat Jesugħa jew forsi Jeħosugħa—ħadd ma jistaʼ jgħid fiċ-ċert. Madankollu, illum in-nies fid-dinja kollha jużaw forom differenti taʼ l-isem taʼ Ġesù, u jippronunzjawh bil-mod li hu komuni fil-lingwa tagħhom. Ma joqogħdux jibżgħu jużaw l-isem sempliċement għax ma jafux kif kienu jippronunzjawh fl-ewwel seklu. Bl-istess mod, kieku kellek tmur f’art barranija, int għandek mnejn issib li ismek hu differenti ħafna b’lingwa oħra. Għaldaqstant, il-fatt li ħadd ma jaf eżatt kif kien jiġi pronunzjat l-isem t’Alla fl-antik m’huwiex raġuni biżżejjed għala dan m’għandux jintuża.
It-tieni raġuni li spiss tingħata għat-tneħħija taʼ l-isem t’Alla mill-Bibbja hi t-tradizzjoni li ġejja minn żmien il-qedem u li għandhom il-Lhud. Ħafna minnhom isostnu li l-isem t’Alla qatt m’għandu jitlissen. Jidher ċar li huma jemmnu hekk għaliex japplikaw ħażin waħda mil-liġijiet fil-Bibbja li tgħid: “La ssemmix l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek, fix-xejn: għaliex lil min isemmi l-isem tiegħu fix-xejn, il-Mulej ma jħallihx bla kastig.”—Eżodu 20:7.
Din il-liġi tipprojbixxi l-użu ħażin taʼ l-isem t’Alla. Imma tipprojbixxi l-użu bir-rispett taʼ ismu? Lanqas xejn. Il-kittieba tal-Bibbja Ebrajka (it-“Testment il-Qadim”) kienu lkoll irġiel leali li għexu skond il-Liġi li Alla ta lill-Iżraelin tal-qedem. Madankollu, huma użawh spiss l-isem t’Alla. Per eżempju, huma inkludewh f’ħafna mis-salmi li kienu jitkantaw b’leħen għoli minn folol sħaħ t’aduraturi. Alla Ġeħova saħansitra qal lill-aduraturi tiegħu biex isejħu ismu, u wħud leali obdewh. (Ġoel 3:5 [2:32, NW]; Atti 2:21) Għaldaqstant, il-Kristjani llum ma joqogħdux lura milli jużaw l-isem t’Alla bir-rispett, bħalma żgur li użah Ġesù.—Ġwanni 17:26.
Meta t-tradutturi tal-Bibbja jneħħu l-isem t’Alla u minfloku jagħmlu t-titli, huma jkunu qed jagħmlu żball serju. Ikunu qed iġagħlu lil Alla jidher ’il bogħod u ma jinteressahx minna, filwaqt li l-Bibbja tħeġġeġ lill-bnedmin biex isiru ‘midħla tal-Mulej.’ (Salm 25:14) Aħseb ftit dwar ħabib tal-qalb. Kemm tkun verament qribu jekk lanqas biss sirt taf x’jismu? Bl-istess mod, meta n-nies jitħallew fl-injoranza dwar l-isem t’Alla, Ġeħova, kif jistgħu verament jersqu qrib lejn Alla? Barra minn hekk, meta n-nies ma jużawx l-isem t’Alla, ma jkunux jafu t-tifsira taʼ l-għaġeb li għandu dan l-isem. Xi jfisser l-isem divin?
Alla nnifsu spjega t-tifsira taʼ ismu lill-qaddej leali tiegħu, Mosè. Meta Mosè staqsa dwar l-isem t’Alla, Ġeħova wieġbu: “Jien se nuri li nkun dak li se nuri li nkun.” (Eżodu 3:14, NW) It-traduzzjoni taʼ Rotherham tittraduċi dan il-kliem: “Jien Insir dak kollu li jogħġobni.” Għalhekk, Ġeħova jistaʼ jsir kwalunkwe ħaġa li jkun hemm bżonn sabiex iwettaq l-iskopijiet tiegħu.
Immaġina li int tistaʼ ssir kwalunkwe ħaġa li trid issir. Kieku x’tagħmel għal ħbiebek? Jekk xi ħadd minnhom jimrad serjament, int tistaʼ ssir tabib eċċellenti u tfejqu. Kieku ħabib ieħor iġarrab telf finanzjarju, int tistaʼ ssir benefattur sinjur u tgħinu jsolvi l-problema tiegħu. Iżda, il-verità hi li int limitat f’dak li tistaʼ ssir. Ilkoll kemm aħna limitati. Hekk kif tistudja l-Bibbja, int se tibqaʼ skantat meta tara kif Ġeħova jsir kwalunkwe ħaġa li hemm bżonn sabiex iwettaq il-wegħdi tiegħu. U hu jieħu gost juża l-qawwa tiegħu għan-nom taʼ dawk li jħobbuh. (2 Kronaki 16:9) Dawk li ma jafux ismu lanqas biss jindunaw b’dawn l-aspetti sbieħ tal-personalità taʼ Ġeħova.
Jidher ċar li l-isem Ġeħova għandu postu fil-Bibbja. Biex nersqu eqreb lejn Missierna tas-sema, Ġeħova, ikun t’għajnuna kbira li nkunu nafu xi jfisser ismu u li nużawh liberament.a
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni fuq l-isem t’Alla, it-tifsira tiegħu, u r-raġunijiet għala għandu jintuża fil-qima, ara l-browxer The Divine Name That Will Endure Forever (L-Isem Divin li Se Jibqaʼ għal Dejjem) pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 195]
L-isem t’Alla bl-alfabet Ebrajk