LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 12/8 pp. 20-23
  • Aċċettajt il-Ħarsa t’Alla dwar id-Demm

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Aċċettajt il-Ħarsa t’Alla dwar id-Demm
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nidħol fil-​Qasam tal-​Patoloġija
  • Ebda Mard jew Mewt
  • Naċċetta l-​Ħarsa t’Alla dwar id-​Demm
  • Niddefendi l-​Ħarsa t’Alla dwar id-​Demm
  • Nuri r-​Rispett Tiegħi Lejn id-​Demm
  • Inkompli Nitgħallem mill-​Aqwa Tabib
  • Insalvaw il-Ħajja bid-Demm—Kif?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Alternattivi taʼ Kwalità Għal Trasfużjoni
    Id-Demm Kif Jista’ Jsalvalek Ħajtek?
  • Trasfużjonijiet tad-Demm-Kemm Huma bla Periklu?
    Id-Demm Kif Jista’ Jsalvalek Ħajtek?
  • Mistoqsijiet għall-Istudju tal-Browxer Id-Demm Kif Jistaʼ Jsalvalek Ħajtek?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2008
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 12/8 pp. 20-23

Aċċettajt il-​Ħarsa t’Alla dwar id-​Demm

Tabib jgħid l-​istorja tiegħu

KONT fl-​awditorju taʼ l-​isptar, niġbor fil-​qosor ir-​riżultati t’awtopsja lil grupp taʼ tobba. Il-​pazjent li miet kellu tumur mhux kontrollabbli li wasslu għall-​mewt, u għedtilhom, “Nistgħu nikkonkludu li l-​kaġun immedjat tal-​mewt tal-​pazjent kien l-​emolisi [meta jinqerdu ċ-​ċelluli ħomor tad-​demm] u ħsara renali [fil-kliewi] gravi kaġunata minn trasfużjoni tad-​demm qawwija.”

Wieħed mill-​professuri qam u għajjat b’rabja fuqu, “Trid tgħid li tajnieh tip żbaljat taʼ demm?” Weġibtu, “Mhux hekk ridt ngħid.” Waqt li wrejtu xi stampi taʼ sezzjonijiet żgħar tal-​kilwa tal-​pazjent, komplejt ngħidlu, “Nistgħu naraw lisi [diżintegrazzjoni] taʼ ħafna ċelluli ħomor tad-​demm fil-​kilwa u għalhekk nistgħu nikkonkludu li dan wassal għal ħsara gravi fil-​kliewi.”a Bdiet tiżdied it-​tensjoni, u ħalqi xxottali. Għalkemm jien kont tabib żagħżugħ u hu kien professur, ħassejt li ma stajtx noqgħod lura.

Meta seħħet din il-​ġrajja, ma kontx wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Twilidt fl-​1943 f’Sendai, belt fil-​parti tat-​tramuntana tal-​Ġappun. Peress li missieri kien patologu u psikjatra, jien iddeċidejt li nistudja l-​mediċina. Fl-​1970, fit-​tieni sena tiegħi fl-​iskola medika, iżżewwiġt tfajla jisimha Masuko.

Nidħol fil-​Qasam tal-​Patoloġija

Masuko ħadmet biex tmantnina sakemm spiċċajt l-​iskola. Il-​qasam tal-​mediċina kien jaffaxxinani. Kont nibqaʼ skantat meta nara kemm hu magħmul tajjeb il-​ġisem tal-​bniedem! Xorta waħda, qatt ma ħsibt li jeżisti Ħallieq. Kont naħseb li r-​riċerka medika setgħet tagħti sinifikat lil ħajti. Allura, wara li sirt tabib, għażilt li nkompli bl-​istudji tiegħi fil-​mediċina billi dħalt fil-​qasam tal-​patoloġija—l-​istudju tal-​karatteristiċi, il-​kaġuni, u l-​effetti tal-​mard.

Waqt li bdejt nagħmel l-​awtopsja fuq il-​pazjenti li jmutu bil-​kanċer, bdejt niddubita kemm huma effettivi t-​trasfużjonijiet tad-​demm. Il-​pazjenti li jkollhom il-​kanċer kiber ħafna, jistgħu jkunu anemiċi minħabba li jitilfu d-​demm. Minħabba li l-​kemoterapija tiggrava l-​anemija, it-​tobba spiss iduru għat-​trasfużjonijiet tad-​demm bħala kura. Madankollu, bdejt nissuspetta li t-​trasfużjonijiet jistgħu sempliċement iġagħlu l-​kanċer jinfirex. Hu x’inhu l-​każ, illum huwa fatt magħruf li t-​trasfużjonijiet tad-​demm jikkaġunaw l-​immunosoppressjoni, li tistaʼ żżid il-​possibbiltà li tumur jerġaʼ jfeġġ u tnaqqas il-​probabbiltà li l-​pazjenti bil-​kanċer isalvaw.b

Fl-1975, iffaċċjajt is-​sitwazzjoni li semmejt fil-​bidu. Il-​professur kien qed jieħu ħsieb il-​każ u kien speċjalista fl-​ematoloġija, l-​istudju xjentifiku tad-​demm u l-​mard tiegħu. Allura, mhux taʼ b’xejn li rrabja ħafna meta semaʼ lili ngħid li l-​mewt tal-​pazjent kienet kaġunata minn trasfużjoni tad-​demm! Madankollu, jien komplejt il-​preżentazzjoni tiegħi, u bil-​mod il-​mod hu beda jikkalma.

Ebda Mard jew Mewt

Kien madwar dan iż-​żmien li marti kellha żjara minn mara anzjana li kienet Xhud taʼ Jehovah. Hi użat il-​kelma “Jehovah” fil-​preżentazzjoni tagħha, u marti staqsietha xi tfisser din. Ix-​Xhud wiġbitha, “Jehovah hu isem l-​Alla veru.” Masuko kienet ilha taqra l-​Bibbja minn meta kienet tifla, imma l-​Bibbja li użat hi kellha “MULEJ” minflok l-​isem t’Alla. Issa saret taf li Alla hu persuna li għandha isem!

Masuko mill-​ewwel bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhud anzjana. Meta ġejt lura mill-​isptar f’xi s-​siegħa taʼ fil-​għodu, marti bil-​ħeġġa kollha qaltli, “Il-​Bibbja tgħid li l-​mard u l-​mewt se jispiċċaw!” Jien weġibtha, “Kieku tkun xi ħaġa meraviljuża!” Hi kompliet, “Peress li d-​dinja l-​ġdida dalwaqt se tasal, ma rridekx taħli l-​ħin.” Jien ħsibtha li riditni nieqaf minn tabib, allura rrabjajt u r-​relazzjoni taʼ bejnietna marret għall-​agħar.

Madankollu, marti ma qatgħetx qalbha minni. Bit-​talb hi fittxet skritturi addattati u writhomli. Il-​kliem taʼ Koħèlet 2:​22, 23 laqatli qalbi b’mod speċjali: “X’se jmissu l-​bniedem mit-​taħbit u l-​kedda li jkun ħa taħt ix-​xemx? . . . Lanqas billejl ma jserraħ rasu. Dan ukoll hu frugħa.” Dan kien japplika għal dak li kont qed nagħmel—niddedika ruħi għax-​xjenza medika lejl u nhar mingħajr ma sibt sodisfazzjon veru.

Il-Ħadd fil-​għodu f’Lulju taʼ l-​1975, meta marti ħarġet biex tmur is-​Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Jehovah, f’daqqa waħda ddeċidejt li mmur jien ukoll. Marti baqgħet verament skantata meta ratni hemmhekk, u x-​Xhieda laqgħuni, minn qalbhom. Minn dakinhar bqajt nattendi kull laqgħa taʼ nhar taʼ Ħadd. Xi xahar wara wieħed Xhud beda jikkonduċi studju tal-​Bibbja miegħi. Tliet xhur wara l-​ewwel żjara li kellha mix-​Xhieda taʼ Jehovah, marti tgħammdet.

Naċċetta l-​Ħarsa t’Alla dwar id-​Demm

Malajr tgħallimt li l-​Bibbja tgħid lill-​Kristjani biex ‘jitbiegħdu mid-​demm.’ (Atti 15:​28, 29; Ġenesi 9:4) Peress li diġà kelli xi dubji dwar kemm huma effettivi t-​trasfużjonijiet tad-​demm, ma sibthiex diffiċli biex naċċetta l-​ħarsa t’Alla dwar id-​demm.c Ħsibt, ‘Jekk hemm Ħallieq u dan hu dak li jgħid, allura żgur li għandu raġun.’

Tgħallimt ukoll li d-​dnub t’Adam jikkaġuna l-​mard u l-​mewt. (Rumani 5:12) Dak iż-​żmien kont qed nistudja dwar l-​arterjosklerosi. Meta nibdew nikbru, l-​arterji tagħna jibbiesu u jidjiequ, u jikkaġunaw mard bħall-​mard tal-​qalb, mard fil-​vini li jagħtu għall-​moħħ, u mard tal-​kliewi. Kien jagħmel sens li l-​kaġun taʼ dan hu l-​imperfezzjoni li writna. Wara dan, iż-​żelu tiegħi għall-​istudji mediċi beda jmajna. Alla Jehovah biss jistaʼ jelimina l-​mard u l-​mewt!

F’Marzu taʼ l-​1976, sebaʼ xhur wara li bdejt nistudja l-​Bibbja, waqqaft l-​istudji tiegħi fl-​isptar taʼ l-​università. Bżajt li mhux se nkun nistaʼ nerġaʼ naħdem bħala tabib, imma sibt xogħol fi sptar ieħor. Tgħammidt f’Mejju taʼ l-​1976. Iddeċidejt li l-​aħjar mod kif nuża ħajti hu billi naqdi bħala evanġelizzatur full-time, jew pijunier, u bdejt nagħmel dan f’Lulju taʼ l-​1977.

Niddefendi l-​Ħarsa t’Alla dwar id-​Demm

F’Novembru taʼ l-​1979, jien u Masuko morna naqdu f’kongregazzjoni fil-​Prefettura taʼ Chiba fejn kien hemm bżonn kbir taʼ predikaturi. Sibt sptar fejn stajt naħdem part-time. Fl-​ewwel jum tiegħi li bdejt naħdem hemm, grupp taʼ kirurgi daru miegħi. Huma riedu jkunu jafu, “Bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah, x’se tagħmel jekk jasal pazjent li għandu bżonn trasfużjoni tad-​demm?”

Bir-rispett kollu, spjegajtilhom li kont se nsegwi dak li jgħid Alla dwar id-​demm. Spjegajtilhom li kien hemm alternattivi li jistgħu jintużaw minflok trasfużjoni tad-​demm u li kont se nagħmel l-​aħjar li nistaʼ biex ngħin lill-​pazjenti tiegħi. Wara li domna xi siegħa niddiskutu, il-​kap tal-​kirurġija wieġeb, “Qed nifhmek. Imma jekk jinġieb pazjent li jkun tilef ħafna demm, nieħdu ħsieb is-​sitwazzjoni aħna.” Il-​kap tal-​kirurġija kien magħruf bħala bniedem strett, imma wara din id-​diskussjoni żviluppajna relazzjoni tajba, u hu dejjem irrispetta t-​twemmin tiegħi.

Nuri r-​Rispett Tiegħi Lejn id-​Demm

Waqt li konna qed naqdu f’Chiba, fil-​belt taʼ Ebina kienu qed jinbnew kwartieri ġenerali ġodda għax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Ġappun. Darba fil-​ġimgħa, jien u marti konna ninżlu f’dan il-​post, li jissejjaħ Betel, fejn konna nieħdu ħsieb is-​saħħa tax-​Xhieda volontiera li kienu qed jgħinu fil-​bini. Wara ftit xhur, ġejna mistidnin naqdu fil-​Betel taʼ Ebina full-time. Għalhekk, f’Marzu taʼ l-​1981 bdejna ngħixu fil-​bini temporanju li fih kienu joqogħdu 500 ħaddiema volontieri. Fil-​għodu kont ngħin fit-​tindif tal-​banjijiet u t-​tojlits taʼ fejn kien qed isir il-​bini, u wara nofsinhar kont neżamina lill-​aħwa bħala tabib.

Waħda mill-​pazjenti tiegħi kienet Ilma Iszlaub, li ġiet il-​Ġappun mill-​Awstralja bħala missjunarja fl-​1949. Hi kienet tbati bil-​lewkimja u t-​tobba tagħha qalulha li kien fadlilha biss ftit xhur ħajja. Ilma ma riditx tieħu trasfużjonijiet tad-​demm biex ittawwal ħajjitha u għażlet li tgħix l-​aħħar jiem taʼ ħajjitha f’Betel. Dak iż-​żmien, mediċini li jqanqlu l-​produzzjoni taċ-​ċelluli ħomor tad-​demm, bħall-​erythropoietin, kienu għadhom m’humiex disponibbli. Allura kultant, l-​emoglobina tagħha kienet titbaxxa sa 3 jew 4 grammi! (Dik normali hi taʼ minn 12 sa 15.) Imma għamilt kulma stajt biex nagħtiha l-​kura. Ilma kompliet turi l-​fidi soda tagħha fil-​Kelma t’Alla sakemm mietet f’Jannar taʼ l-​1988—xi sebaʼ snin wara!

Matul is-​snin, għadd taʼ volontieri mill-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Ġappun kellhom bżonn xi operazzjoni. Taʼ min ifaħħar lit-​tobba fl-​isptarijiet fil-​qrib li kkooperaw billi operaw mingħajr ma użaw id-​demm. Spiss stidnuni nidħol fis-​sala taʼ l-​operazzjoni biex nosserva xi jkun qed jiġri, u kultant, tajt l-​għajnuna fl-​operazzjoni. Jien grat lejn dawn it-​tobba li jirrispettaw l-​opinjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah dwar id-​demm. Peress li ħdimt magħhom kelli ħafna opportunitajiet biex inkellimhom dwar it-​twemmin tiegħi. Wieħed mit-​tobba dan l-​aħħar sar Xhud mgħammed.

Huwa interessanti l-​fatt li l-​isforzi li għamlu t-​tobba biex jikkuraw lix-​Xhieda taʼ Jehovah mingħajr l-​użu tad-​demm wasslu għal kontributi sinifikanti fil-​qasam tal-​mediċina. Il-​kirurġija mingħajr demm ipprovdiet evidenza tal-​benefiċċji li jiġu meta dak li jkun jevita t-​trasfużjonijiet tad-​demm. L-​istudji wrew li l-​pazjenti jfiqu iktar malajr u jkollhom inqas problemi wara l-​operazzjoni.

Inkompli Nitgħallem mill-​Aqwa Tabib

Jien nipprova nżomm ruħi aġġornat dwar l-​aħħar avanzi fil-​mediċina. Però, inkompli wkoll nitgħallem minn Jehovah, l-​aqwa Tabib. Hu ma jarax biss x’hemm fuq barra imma jarana bħala persuna sħiħa. (1 Samwel 16:7) Bħala tabib, jien nipprova nittratta maʼ kull pazjent bħala individwu kollu kemm hu, mhux niffoka biss fuq il-​marda li jkollu. Dan jippermettili nagħti lill-​pazjent kura medika aħjar.

Jien għadni qed naqdi f’Betel, u li ngħin lil oħrajn jitgħallmu dwar Jehovah—inkluż il-​ħarsa tiegħu dwar id-​demm—għadha waħda mill-​iktar affarijiet li jferrħuni. Jien nitlob li l-​Aqwa Tabib, Alla Jehovah, dalwaqt itemm il-​mard u l-​mewt.—Kif rakkontat minn Yasushi Aizawa.

[Noti taʼ taħt]

a Fi ktieb tagħha, Dr. Denise M. Harmening tgħid li f’pazjent li jkun sar sensittiv minħabba xi trasfużjoni, tqala, jew trapjant, iċ-​ċelluli ħomor tad-​demm jistgħu jitkissru u minnhom toħroġ l-​emoglobina. Imbagħad wara xi żmien issir ħsara lill-​kliewi. (Modern Blood Banking and Transfusion Practices) F’każijiet bħal dawn, l-​antibodies li jġagħlu lil pazjent jirreaġixxi ħażin għat-​trasfużjoni “ma jintgħarfux mill-​eżamijiet li jsiru s-​soltu qabel it-​trasfużjoni.” Skond Dailey’s Notes on Blood, il-​ħsara liċ-​ċelluli ħomor tad-​demm ‘tistaʼ ssir anki meta jingħata biss ammont żgħir taʼ demm li ma jkunx jaqbel. Meta l-​kliewi ma jibqgħux jaħdmu l-​pazjent jiġi avvelenat bil-​mod il-​mod għaliex il-​kliewi ma jkunux jistgħu jsaffu d-​demm.’

b Il-​Journal of Clinical Oncology, t’Awissu 1988, irrapporta li l-​pazjenti li jingħataw trasfużjoni tad-​demm qabel jew wara l-​operazzjoni x’aktarx li jkollhom inqas prospetti li jfiqu minn dawk li ma jiħdux demm qabel jew wara li jiġu operati minħabba l-​kanċer.

c Għal iktar informazzjoni dwar it-​tagħlim tal-​Bibbja fejn jidħol id-​demm, ara l-​browxer Id-​Demm Kif Jistaʼ Jsalvalek Ħajtek? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Kumment f’paġna 22]

“Spjegajtilhom li kien hemm alternattivi li jistgħu jintużaw minflok trasfużjoni tad-​demm u li kont se nagħmel l-​aħjar li nistaʼ biex ngħin lill-​pazjenti tiegħi”

[Kumment f’paġna 23]

“Il-​kirurġija mingħajr demm ipprovdiet evidenza tal-​benefiċċji li jiġu meta dak li jkun jevita t-​trasfużjonijiet tad-​demm”

[Stampi f’paġna 23]

Fuq: Nagħti taħdita mill-​Bibbja

Lemin: Maʼ marti, Masuko, illum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja