LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Il-“Kristjani” Kollha Huma Kristjani?
    It-Torri tal-Għassa—2012 | Lulju 1
    • Il-​“Kristjani” Kollha Huma Kristjani?

      KEMM hemm Kristjani? Skont ktieb wieħed (Atlas of Global Christianity), fl-​2010 kien hemm kważi 2.3 biljun Kristjan madwar id-​dinja. Iżda l-​istess pubblikazzjoni indikat ukoll li dawn il-​Kristjani jappartjenu lil iktar minn 41,000 denominazzjoni, jew grupp reliġjuż—kull wieħed bid-​duttrina u r-​regoli taʼ kondotta tiegħu stess. Wieħed jistaʼ jifhem għala xi osservaturi jibdew iħossuhom konfużi jew saħansitra diżappuntati meta huma ffaċċjati b’din il-​kwantità li tgħaġġeb taʼ reliġjonijiet “Kristjani.” Għandhom mnejn jistaqsu lilhom infushom, ‘Huma dawk kollha li jistqarru li huma “Kristjani” verament Kristjani?ʼ

      Ejja naraw il-​kwistjoni minn lenti differenti. Vjaġġatur normalment ikun meħtieġ minnu li jgħid x’inhi ċ-​ċittadinanza tiegħu lil uffiċjal. Ikollu wkoll jagħti prova taʼ dak li qed jgħid li hu billi juri xi identifikazzjoni, forsi xi passaport. Bl-​istess mod, Kristjan veru jeħtieġ li jagħmel iżjed milli jgħid li jemmen fi Kristu. Ikollu bżonn taʼ iktar identifikazzjoni. Din xi tkun?

      It-​terminu “Kristjan” beda jintuża l-​ewwel xi żmien wara s-​sena 44 W.K. Luqa, storjografu tal-​Bibbja, kiteb: “Kien f’Antjokja li għall-​ewwel darba d-​dixxipli, bid-​direzzjoni divina, bdew jissejħu Kristjani.” (Atti 11:26) Innota li dawk li ssejħu Kristjani kienu d-​dixxipli taʼ Kristu. X’jagħmel lil persuna dixxiplu taʼ Ġesù Kristu? Dizzjunarju dwar it-​teoloġija (The New International Dictionary of New Testament Theology) jispjega: “Li wieħed isegwi lil Ġesù bħala dixxiplu jfisser sagrifiċċju mingħajr kundizzjoni tal-​ħajja kollha kemm hi [tiegħu] . . . għal ħajtu kollha.” Għalhekk, Kristjan veru hu wieħed li jsegwi t-​tagħlim u l-​istruzzjonijiet taʼ Ġesù, il-​Fundatur tal-​Kristjanità, għalkollox u mingħajr kundizzjoni.

      Huwa possibbli li ssib nies bħal dawn fost il-​ħafna li jgħidu li huma Kristjani llum? Skont il-​kliem taʼ Ġesù stess, x’kellu jidentifika lis-​segwaċi veri tiegħu? Nistidnuk tara kif il-​Bibbja twieġeb dawn il-​mistoqsijiet. Fl-​artikli li ġejjin, se neżaminaw ħames stqarrijiet minn Ġesù li jikkaratterizzaw u jgħinu biex nidentifikaw is-​segwaċi veri tiegħu. Se nikkunsidraw kemm il-​Kristjani fl-​ewwel seklu wrew tajjeb li kellhom dawn il-​karatteristiki. U se nipprovaw naraw min fost il-​ħafna li jgħidu li huma Kristjani llum għandu dawn il-​karatteristiki.

  • ‘Ibqgħu fil-Kelma Tiegħi’
    It-Torri tal-Għassa—2012 | Lulju 1
    • ‘Ibqgħu fil-​Kelma Tiegħi’

      “Jekk tibqgħu fil-​kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tkunu tafu l-​verità, u l-​verità teħliskom.”—ĠWANNI 8:31, 32.

      Xi Tfisser: Il-​“kelma” taʼ Ġesù tfisser it-​tagħlim tiegħu, li ġie minn sors iktar għoli. “Il-​Missier li bagħatni, hu stess ordnali x’għandi ngħid u x’għandi nitkellem,” qal Ġesù. (Ġwanni 12:49) F’talba lil Missieru tas-​sema, Alla Ġeħova, Ġesù qal: “Kelmtek hi l-​verità.” Hu spiss ikkwota l-​Kelma t’Alla biex jappoġġa t-​tagħlim tiegħu. (Ġwanni 17:17; Mattew 4:4, 7, 10) Il-​Kristjani veri, mela, ‘jibqgħu fil-​kelma tiegħu,’ jiġifieri, jaċċettaw il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, bħala “verità” u l-​ogħla awtorità għat-​twemmin u l-​prattiki tagħhom.

      Din il-​Karatteristika fil-​Kristjani tal-​Bidu: Il-​kittieb Kristjan li l-​iktar kiteb kotba tal-​Bibbja, l-​appostlu Pawlu, kellu l-​istess rispett għall-​Kelma t’Alla bħal Ġesù. Hu kiteb: “L-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa.” (2 Timotju 3:16) L-​irġiel li nħatru biex jgħallmu lil Kristjani sħabhom kellhom “iżommu sod mal-​Kelma t’Alla li hi żgura u taʼ min jafdaha.” (Titu 1:7, 9, The Amplified Bible) Il-​Kristjani tal-​bidu kienu mwissijin biex jiċħdu “filosofija u qerq fieragħ skond it-​tradizzjoni tal-​bnedmin, skond l-​affarijiet elementari tad-​dinja u mhux skond Kristu.”—Kolossin 2:8.

      Min Għandu Din il-​Karatteristika Llum? Skont il-​kostituzzjoni tal-​Vatikan (Dogmatic Constitution on Divine Revelation), adottata fl-​1965 u kwotata fil-​ktieb Il-​Katekiżmu tal-​Knisja Kattolika: “Il-​Knisja [Kattolika] . . . ma tiksibx iċ-​ċertezza tagħha dwar kull ma ġie rrivelat mill-​Iskrittura Mqaddsa biss. Għalhekk kemm it-​Tradizzjoni u kemm l-​Iskrittura Mqaddsa għandhom jiġu milqugħin u miqjuma bl-​istess sentiment taʼ tjieba u taʼ qima.” Artiklu fir-​rivista2201 Maclean’s ikkwota ministru tar-​reliġjon f’Toronto, il-​Kanada, li staqsiet: “Għala għandna bżonn taʼ leħen ‘rivoluzzjonarju’ minn żewġ millennji ilu biex jiggwidana? Għandna ideat meraviljużi tagħna stess li qed jiddgħajfu l-​ħin kollu peress li aħna mistennijin li nġibuhom fi qbil maʼ Ġesù u l-​Iskrittura.”

      Enċiklopedija minnhom (New Catholic Encyclopedia) tistqarr dan dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova: “Huma jqisu l-​Bibbja bħala l-​uniku sors tagħhom taʼ twemmin u regoli taʼ kondotta.” Dan l-​aħħar, raġel fil-​Kanada interrompa waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova hekk kif kienet qed tintroduċi lilha nfisha. “Naf min int,” qalilha waqt li pponta lejn il-​Bibbja, “mill-​firma tiegħek.”

  • ‘Mhux Parti mid-Dinja’
    It-Torri tal-Għassa—2012 | Lulju 1
    • ‘Mhux Parti mid-​Dinja’

      “Id-​dinja bagħdithom, għax m’humiex parti mid-​dinja.”—ĠWANNI 17:14.

      Xi Tfisser: Billi Ġesù ma kien ebda parti mid-​dinja, hu kien newtrali fil-​kwistjonijiet soċjali u politiċi taʼ dak iż-​żmien. Hu spjega: “Kieku s-​saltna tiegħi kienet parti minn din id-​dinja, il-​qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-​Lhud. Imma, tabilħaqq, is-​saltna tiegħi mhix ġejja minn hawn.” (Ġwanni 18:36) Hu ħeġġeġ ukoll lis-​segwaċi tiegħu biex jiċħdu attitudnijiet, diskors, u kondotta li huma kundannati fil-​Kelma t’Alla.—Mattew 20:25-​27.

      Din il-​Karatteristika fil-​Kristjani tal-​Bidu: Skont il-​kittieb tar-​reliġjon Jonathan Dymond, il-​Kristjani tal-​bidu “rrifjutaw li jieħdu sehem fi [gwerer]; kienu x’kienu l-​konsegwenzi, sew jekk kienu tmaqdir, tfigħ il-​ħabs, jew mewt.” Huma għażlu li jbatu minflok ma jikkompromettu l-​waqfa newtrali tagħhom. Il-​livell morali tagħhom ukoll għamilhom differenti. Lill-​Kristjani ntqalilhom: “Peress li ma tkomplux tiġru magħhom f’din it-​triq lejn l-​istess livell baxx taʼ ħajja sfrattata, huma jitħawdu u jibdew jgħajrukom.” (1 Pietru 4:4) L-​istorjografu Will Durant kiteb li l-​Kristjani, “bil-​qdusija u d-​deċenza tagħhom, kienu qishom il-​kuxjenza li kienet qed tinkwieta lid-​dinja pagana li kien ħsiebha biss fil-​pjaċiri.”

      Min Għandu Din il-​Karatteristika Llum? Dwar in-​newtralità Kristjana, enċiklopedija (New Catholic Encyclopedia) tgħid: “Oġġezzjoni kuxjenzjuża mhix moralment aċċettabbli.” Artiklu f’gazzetta Svizzera (Reformierte Presse) jgħid li rapport mid-​Drittijiet Afrikani, organizzazzjoni tad-​drittijiet umani, dwar il-​ġenoċidju tal-​Irwanda fl-​1994, stabbilixxa l-​parteċipazzjoni tal-​knejjes kollha, “bl-​eċċezzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.”

      F’diskussjoni dwar l-​Olokawst Nazista, għalliem taʼ skola sekondarja qal b’dispjaċir li “l-​ebda grupp jew organizzazzjoni taʼ ċittadini ordinarji ma tkellmet kontra l-​qabda gideb u krudeltajiet li eventwalment wasslu għal atroċitajiet.” Wara li tkellem mal-​Mużew tat-​Tifkira tal-​Olokawst fl-​Istati Uniti, hu kiteb: “Issa ħadtha t-​tweġiba tiegħi.” Hu tgħallem li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu sodi fit-​twemmin  tagħhom minkejja l-​ħruxija li ġew trattati biha.

      Xi ngħidu dwar il-​livell morali tagħhom? Rivista (U.S. Catholic) tgħid: “Il-​biċċa l-​kbira mill-​Kattoliċi adulti żgħażagħ tal-​lum ma jaqblux mat-​tagħlim tal-​knisja fuq kwistjonijiet bħall-​ko-​abitazzjoni [u] sess qabel iż-​żwieġ.” Ir-​rivista tikkwota lil djaknu tal-​knisja li qal: “Nara li hemm persentaġġ kbir—naħseb ħafna ’l fuq minn 50 fil-​mija—li diġà jkunu jgħixu flimkien meta jiġu biex jiżżewġu.” Enċiklopedija (The New Encyclopædia Britannica) tgħid li x-​Xhieda taʼ Ġeħova “jinsistu fuq livell morali għoli taʼ mġiba personali.”

  • ‘Ħa Jkollkom l-Imħabba Bejnietkom’
    It-Torri tal-Għassa—2012 | Lulju 1
    • ‘Ħa Jkollkom l-​Imħabba Bejnietkom’

      “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin. B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.”—ĠWANNI 13:34, 35.

      Xi Tfisser: Kristu qal lis-​segwaċi tiegħu biex iħobbu lil xulxin bħalma ħabbhom hu. Kif ħabbhom Ġesù? Imħabbtu kienet tinkludi lin-​nies kollha minkejja l-​attitudnijiet kontra ġnus oħrajn u kontra n-​nisa fi żmienu. (Ġwanni 4:7-​10) L-​imħabba qanqlet lil Ġesù biex jiċċaħħad mill-​kumdità personali tiegħu u juża l-​ħin u l-​enerġija tiegħu sabiex jgħin lil oħrajn. (Marku 6:30-​34) Fl-​aħħar, Kristu wera l-​imħabba bl-​ikbar mod possibbli. Hu qal: “Jien ir-​ragħaj mill-​aħjar; ir-​ragħaj mill-​aħjar jagħti ruħu għan-​nagħaġ.”—Ġwanni 10:11.

      Din il-​Karatteristika fil-​Kristjani tal-​Bidu: Fl-​ewwel seklu, il-​Kristjani sejħu lil xulxin “ħija” u “oħti.” (Filemon 1, 2) Nies minn kull ġens ngħataw merħba fil-​kongregazzjoni Kristjana, għaliex huma emmnu li “m’hemmx distinzjoni bejn Lhudi u Grieg, iżda fuq kulħadd hemm l-​istess Mulej.” (Rumani 10:11, 12) Wara Pentekoste tas-​sena 33 W.K., id-​dixxipli f’Ġerusalemm “kienu jbigħu l-​affarijiet u l-​proprjetajiet tagħhom u jaqsmu l-​flus li jdaħħlu bejn kulħadd, skond il-​bżonn taʼ dak li jkun.” Għal liema skop? Biex dawk li kienu għadhom kif tgħammdu setgħu jibqgħu f’Ġerusalemm u jkomplu “jingħataw għat-​tagħlim taʼ l-​appostli.” (Atti 2:41-​45) X’qanqal azzjonijiet bħal dawn? Inqas minn 200 sena wara l-​mewt tal-​appostli, Tertuljanu kkwota dak li oħrajn qalu dwar il-​Kristjani: “Kemm iħobbu lil xulxin . . . u kemm huma lesti anki li jmutu għal xulxin.”

      Min Għandu Din il-​Karatteristika Llum? Ktieb tal-​istorja pubblikat fl-​1837 (The History of the Decline and Fall of the Roman Empire) osserva li matul is-​sekli, dawk li kienu jgħidu li huma Kristjani “kkaġunaw ħafna iktar krudeltajiet lil xulxin milli kienu esperjenzaw miż-​żelu tal-​infidili [dawk li ma jemmnux].” Studju reċenti fl-​Istati Uniti sab li ħafna li jgħidu li huma reliġjużi—li l-​biċċa l-​kbira minnhom identifikaw lilhom infushom bħala Kristjani—huma wkoll razzisti. Nies li jmorru l-​knisja f’pajjiż wieħed spiss jevitaw oħrajn tal-​istess grupp reliġjuż f’pajjiż ieħor, u b’hekk ma jistgħux jew ma jridux jgħinu lil sħabhom fit-​twemmin meta jinqalaʼ l-​bżonn.

      Fl-​2004, wara li Florida ġiet milquta minn serje taʼ erbaʼ uragani f’xahrejn, iċ-​chairman tal-​Kumitat tal-​Ħidma t’Emerġenza taʼ Florida ċċekkja biex jiżgura li l-​provvisti tagħhom kienu qed jiġu użati b’mod xieraq. Hu qal li ebda grupp ieħor ma kien organizzat tajjeb daqs ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u offra li jipprovdi kwalunkwe provvista li x-​Xhieda kellhom bżonn. Qabel dan, fl-​1997, grupp taʼ Xhieda taʼ Ġeħova vvjaġġaw lejn ir-​Repubblika Demokratika tal-​Kongo u ħadu magħhom mediċina, ikel, u lbies biex jgħinu lil ħuthom Kristjani u oħrajn fil-​bżonn. Xhieda oħrajn fl-​Ewropa taw provvisti li laħqu mas-​734,000 ewro.

  • ‘Għarraft Ismek’
    It-Torri tal-Għassa—2012 | Lulju 1
    • ‘Għarraft Ismek’

      “Urejt ismek lill-​bnedmin li tajtni mid-​dinja. . . . U għarrafthom ismek u nibqaʼ ngħarrfu.”—ĠWANNI 17:6, 26.

      Xi Tfisser: Ġesù għarraf l-​isem t’Alla billi użah fil-​ministeru tiegħu. Meta Ġesù qara mill-​Iskrittura, bħalma għamel taʼ spiss, hu ppronunzjah l-​isem personali t’Alla. (Luqa 4:16-​21) Hu għallem lis-​segwaċi tiegħu jitolbu: “Missier, ħa jitqaddes ismek.”—Luqa 11:2.

      Din il-​Karatteristika fil-​Kristjani tal-​Bidu: L-​appostlu Pietru qal lill-​irġiel ixjeħ f’Ġerusalemm li Alla kien ħa “poplu għal ismu” mill-​ġnus. (Atti 15:14) L-​appostli u oħrajn xandru li “kulmin isejjaħ isem Ġeħova jkun salvat.” (Atti 2:21; Rumani 10:13) Huma użaw ukoll l-​isem divin fil-​kitbiet tagħhom stess. Ġabra taʼ liġijiet Lhud (The Tosefta), li tlestiet madwar is-​sena 300 W.K., tgħid dwar il-​ħruq taʼ kitbiet Kristjani minn dawk li jopponu: “Il-​kotba tal-​Evanġelisti u l-​kotba tal-​minim (maħsubin li huma Kristjani Lhud) ma jiskansawhomx min-​nar. Imma jitħallew jinħarqu fejn ikunu, . . . huma u r-​referenzi għall-​Isem Divin li jidhru fihom.”

      Min Għandu Din il-​Karatteristika Llum? Id-​daħla f’verżjoni taʼ Bibbja (Revised Standard Version) awtorizzata mill-​Kunsill Nazzjonali tal-​Knejjes taʼ Kristu fl-​Istati Uniti tgħid: “L-​użu taʼ kwalunkwe isem proprju għall-​uniku Alla, bħallikieku kien hemm allat oħrajn minn min kellu jiġi distint, ma kompliex isir fil-​Ġudaiżmu qabel l-​era Kristjana u huwa kompletament mhux xieraq għat-​twemmin universali tal-​Knisja Kristjana.” B’hekk, din il-​Bibbja ssostitwiet l-​isem divin b’titlu, “MULEJ.” Iżjed reċenti, il-​Vatikan idderieġa lill-​isqfijiet tiegħu: “L-​isem t’Alla fil-​forma tat-​tetragrammaton JĦWHa la għandu jintuża u lanqas jitlissen fl-​għanjiet u fit-​talb.”

      Min illum juża u jagħmel magħruf l-​isem personali t’Alla? Fil-​Kirgiżstan, meta Sergey kien għadu adoloxxent, hu ra film li fih issemma l-​isem t’Alla, Ġeħova. Għal xi għaxar snin, ma reġax semaʼ l-​isem divin. Iktar tard, wara li Sergey mar joqgħod fl-​Istati Uniti, tnejn mix-​Xhieda taʼ Ġeħova żaruh f’daru u wrewh l-​isem t’Alla mill-​Bibbja. Sergey kien ferħan se jtir li sab grupp li kien juża l-​isem Ġeħova. Taʼ interess, taħt il-​kelmtejn “Alla Ġeħova,” dizzjunarju magħruf (Webster’s Third New International Dictionary) jagħti d-​definizzjoni “alla suprem rikonoxxut u l-​uniku alla meqjum mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.”

      [Nota ta’ taħt]

      a Bil-​Malti, l-​isem divin huwa ġeneralment tradott bħala “Ġeħova.”

  • “Din l-Aħbar Tajba tas-Saltna Tiġi Pridkata”
    It-Torri tal-Għassa—2012 | Lulju 1
    • “Din l-​Aħbar Tajba tas-​Saltna Tiġi Pridkata”

      “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.”—MATTEW 24:14.

      Xi Tfisser: Il-​kittieb tal-​Evanġelju Luqa ddokumenta li Ġesù “beda jivvjaġġa minn belt għal belt u minn raħal għal raħal, jippriedka u jxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla.” (Luqa 8:1) Ġesù stess qal: ‘Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla, għax għal dan intbgħatt.’ (Luqa 4:43) Hu bagħat lid-​dixxipli tiegħu biex jippritkaw l-​aħbar tajba fil-​bliet u l-​irħula u iktar tard qalilhom: “Tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.”—Atti 1:8; Luqa 10:1.

      Din il-​Karatteristika fil-​Kristjani tal-​Bidu: Id-​dixxipli taʼ Ġesù ma ħlewx żmien biex jagħmlu dak li qalilhom Ġesù. “Kuljum fit-​tempju u minn dar għal dar baqgħu jgħallmu u jxandru bla heda l-​aħbar tajba dwar il-​Kristu.” (Atti 5:42) L-​ippritkar kien isir minn kull membru tal-​kongregazzjoni, mhux minn grupp żgħir speċjali. L-​istorjografu Neander osserva li “Ċelsu, l-​ewwel kittieb kontra l-​Kristjanità, iddieħaq bil-​fatt li n-​nissieġa, l-​iskrapan, dawk li jippreparaw il-​ġlud, l-​iktar bnedmin illetterati u komuni, kienu predikaturi żelużi tal-​evanġelju.” Fil-​ktieb tiegħu (The Early Centuries of the Church), Jean Bernardi kiteb: “[Il-​Kristjani] kellhom joħorġu u jitkellmu kullimkien u maʼ kulħadd. Fit-​toroq u fil-​bliet, fil-​pjazez u fid-​djar. Kemm jekk milqugħin jew le. . . . Sa truf l-​art.”

      Min Għandu Din il-​Karatteristika Llum? Il-​qassis Anglikan David Watson jikteb: “Il-​fatt li l-​knisja naqset milli tieħu l-​ippritkar u t-​tagħlim bis-​serjetà hu raġuni waħda għat-​telqa spiritwali ġenerali tal-​lum.” Fil-​ktieb tiegħu (Why Are the Catholics Leaving?), José Luis Pérez Guadalupe kiteb dwar l-​attivitajiet tal-​Evanġeliċi, l-​Avventisti, u oħrajn u osserva li “huma ma jmorrux minn dar għal dar.” Dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, hu kiteb: “Imorru b’mod sistematiku minn dar għal dar.”

      Osservazzjoni interessanti u realistika minn Jonathan Turley tinsab f’pubblikazzjoni annwali (Cato Supreme Court Review, 2001-​2002): “Semmi lix-​Xhieda taʼ Ġeħova u l-​biċċa l-​kbira tan-​nies mill-​ewwel jaħsbu fi predikaturi li jżuruna fi djarna f’ħinijiet inkonvenjenti. Għax-​Xhieda taʼ Ġeħova, li jipperswadu lin-​nies minn bieb għal bieb ma jsirx biss biex javanzaw il-​fidi tagħhom imma wkoll hu essenzjali għall-​fidi tagħhom stess.”

      [Kaxxa f’paġna 9]

      Identifikajt il-​Kristjanità Vera?

      Meta nqisu l-​iskritturi li ddiskutejna f’din is-​serje t’artikli, min illum, taħseb int, qed jipprattika l-​Kristjanità vera? Għalkemm hemm għaxriet t’eluf taʼ gruppi reliġjużi li jgħidu li huma Kristjani, żomm f’moħħok dak li Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Mhux kulmin jgħidli, ‘Mulej, Mulej,’ jidħol fis-​saltna tas-​smewwiet, imma min jagħmel ir-​rieda taʼ Missieri li hu fis-​smewwiet.” (Mattew 7:21) Li wieħed jidentifika lil dawk li qed jagħmlu r-​rieda tal-​Missier—u b’hekk għandhom il-​karatteristiki tal-​Kristjanità vera—u jassoċja magħhom, jistaʼ jwassal għal barkiet eterni taħt is-​Saltna t’Alla. Nistidnuk tistaqsi lix-​Xhieda taʼ Ġeħova, li ġabulek din ir-​rivista, għal iktar informazzjoni dwar is-​Saltna t’Alla u l-​barkiet li se ġġib.—Luqa 4:43.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja