-
Kien l-Għeden il-Post Fejn Għexu l-Ewwel Bnedmin?It-Torri tal-Għassa—2011 | April 1
-
-
Kien l-Għeden il-Post Fejn Għexu l-Ewwel Bnedmin?
IMMAĠINA li qiegħed fi ġnien. M’hemm xejn xi jtellfek, ebda ħsejjes tal-ħajja mgħaġġla taʼ xi belt li jinstemgħu fl-isfond minn wara xi ħajt fil-viċin. Dan il-ġnien kbir ġmielu; m’hemm xejn xi jfixkel il-paċi li tirrenja. Jerġaʼ aħjar minn hekk, moħħok hu ħieles minn ħsibijiet li jinkwetawk, u f’ġismek m’hemm ebda traċċa taʼ mard, allerġiji, jew uġigħ. Int tistaʼ tgawdi l-ambjent taʼ madwarek permezz tas-sensi tiegħek.
Għajnejk jitpaxxew jaraw l-ilwien vivaċi tal-fjuri, l-ilma ġieri jlellex f’nixxiegħa tal-ilma, u l-għadd kbir taʼ ħdura tal-pjanti u tal-ħaxix fix-xemx u fid-dell. Tħoss iż-żiffa ħelwa maʼ wiċċek u xxomm l-irwejjaħ ifuħu li din iġġorr magħha. Tismaʼ t-tħaxwix tal-weraq, iċ-ċafċif tal-ilma jgelgel mal-blat, it-tisfir u l-għana tal-għasafar, u ż-żanżin tal-insetti li għaddejjin beżlin b’xogħolhom. Int u ġġib ix-xena quddiem għajnejk, ma tixxennaqx li tkun f’post bħal dan?
In-nies mad-dinja kollha jemmnu li l-bidu tal-umanità kien f’post bħal dan. Għal sekli sħaħ, il-membri tal-Ġudaiżmu, tal-Kristjaneżmu, u tal-Iżlam, ġew mgħallmin dwar il-ġnien tal-Għeden, il-post fejn Alla ried li jgħixu Adam u Eva. Skont il-Bibbja, dawn kellhom ħajja mimlija paċi u ferħ. Huma kienu f’paċi maʼ xulxin, mal-annimali, u m’Alla, li b’qalb tajba tahom it-tama li jgħixu għal dejjem f’dan l-ambjent mill-isbaħ.—Ġenesi 2:15-24.
Anke l-Ħindu għandhom konċetti differenti dwar ġenna fi żminijiet tal-qedem. Il-Buddisti jemmnu li mexxejja reliġjużi importanti, jew Budda, jidhru fi żminijiet tad-deheb meta d-dinja tkun bħal ġenna. U għadd kbir taʼ reliġjonijiet tal-Afrika jgħallmu stejjer li għandhom xebh sinifikanti maʼ dik taʼ Adam u Eva.
Fil-fatt, il-ħsieb taʼ ġenna kmieni fl-istorja jistaʼ jinstab f’ħafna mir-reliġjonijiet u mit-tradizzjonijiet tal-bniedem. Ċertu awtur kiteb: “Ħafna ċivilizzazzjonijiet kienu jemmnu li kmieni fl-istorja kienet teżisti ġenna karatterizzata minn perfezzjoni, ħelsien, paċi, ferħ, abbundanza, ġenna li fiha ma kienx hemm pressjonijiet, tensjonijiet, u konflitti. . . . Dan it-twemmin ġiegħel lis-soċjetà inġenerali tkun ferm xewqana għall-ġenna li ntilfet, imma li ma ntesietx, u tipprova ssib mezz kif terġaʼ ssibha.”
Huwa possibbli li dawn l-istejjer u t-tradizzjonijiet kollha ġejjin minn sors wieħed? Jistaʼ jkun li “s-soċjetà inġenerali” hi influwenzata mit-tifkiriet taʼ xi ħaġa taʼ veru? Il-ġnien tal-Għeden tassew kien jeżisti żmien twil ilu, u Adam u Eva veru kienu jeżistu?
Ix-xettiċi jwaqqgħu din l-idea għaċ-ċajt. F’dan iż-żmien li fih ix-xjenza għamlet avanz kbir, ħafna nies jassumu li dawn ir-rakkonti huma sempliċi leġġendi u ħrejjef. Ħaġa tal-iskantament, mhux ix-xettiċi kollha huma nies sekulari. Ħafna mexxejja reliġjużi jgħallmu li ma kien hemm l-ebda ġnien tal-Għeden. Dawn jgħidu li dan il-post qatt ma eżista. Jgħidu wkoll li r-rakkont huwa sempliċi metafora, ħrafa, storja, jew parabbola.
M’għandniex xi ngħidu, fil-Bibbja nsibu parabboli. Ġesù nnifsu rrakkonta l-iktar parabboli magħrufin. Madankollu, il-Bibbja ma titkellimx dwar ir-rakkont tal-Għeden bħala parabbola, iżda bħala parti mill-istorja tal-umanità, u dan tgħidu ċar u tond. Madankollu, jekk il-ġrajjiet deskritti qatt ma seħħew, kif nistgħu nafdaw fil-kumplament tal-Bibbja? Ejja neżaminaw għala xi wħud huma xettiċi dwar il-ġnien tal-Għeden u naraw jekk ir-raġunijiet tagħhom humiex validi. Imbagħad se nikkunsidraw għala r-rakkont għandu jinteressa lil kull wieħed u waħda minna.
-
-
Veru Kien Jeżisti Ġnien tal-Għeden?It-Torri tal-Għassa—2011 | April 1
-
-
Veru Kien Jeżisti Ġnien tal-Għeden?
TAFHA l-istorja taʼ Adam u Eva u tal-ġnien tal-Għeden? Ħafna nies madwar id-dinja huma midħla tagħha. Għala ma taqrax din l-istorja? Din issibha f’Ġenesi 1:26–3:24. Dan hu l-qofol tal-istorja:
Alla Ġeħovaa sawwar raġel mit-trab, semmieh Adam, u poġġieh fi ġnien f’reġjun jismu Għeden. Alla stess kien ħawwel dan il-ġnien. Kien imsoqqi sew u miżgħud b’siġar sbieħ tal-frott. F’nofsu kien hemm “is-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin.” Alla pprojbixxa lill-bniedem milli jiekol minn din is-siġra u qal li d-diżubbidjenza kienet se twassal għall-mewt. Maż-żmien, Ġeħova għamillu sieħba lil Adam—il-mara, Eva—billi sawwarha minn waħda mill-kustilji taʼ Adam. Alla tahom l-inkarigu li jieħdu ħsieb il-ġnien u qalilhom biex joktru u jimlew l-art.
Meta Eva kienet waħedha kellimha serp u ħajjarha biex tiekol mill-frotta projbita. Dan għamlu billi insinwa li Alla kien gidbilha u kien qed iċaħħadha minn xi ħaġa tajba, xi ħaġa li kienet se tagħmilha bħal alla. Hi ċediet u kielet mill-frotta projbita. Iktar tard, Adam ngħaqad magħha fid-diżubbidjenza lejn Alla. Ġeħova rreaġixxa billi lissen kundanna fuq Adam, Eva, u s-serp. Wara li l-bnedmin tkeċċew mill-ġenna tal-art, l-anġli bdew jgħassu d-daħla tal-ġnien.
Fost l-istudjużi, l-intellettwali, u l-istorjografi, xi darba kien komuni li wieħed jgħid li l-ġrajjiet imniżżlin fil-ktieb Bibliku tal-Ġenesi kienu minnhom u li kienu storiċi. Illum, huwa iktar popolari x-xettiċiżmu dwar dawn il-kwistjonijiet kollha. Iżda x’inhi l-bażi għad-dubji rigward ir-rakkont tal-Ġenesi dwar Adam, Eva, u l-ġnien tal-Għeden? Ejja neżaminaw erbaʼ oġġezzjonijiet, jew dubji, komuni.
1. Kien il-ġnien tal-Għeden post taʼ veru?
Għala hemm dubju dwar dan is-suġġett? Jistaʼ jkun li l-filosofija kellha rwol importanti f’dan. It-teoloġi damu sekli sħaħ jispekulaw jekk il-ġnien t’Alla kienx għadu jeżisti xi mkien. Madankollu, il-Kristjaneżmu kien influwenzat minn filosfi Griegi bħalma kienu Platun u Aristotele, li kienu jemmnu li fuq l-art xejn ma setaʼ jkun perfett. Fis-sema biss kienet il-perfezzjoni. Għalhekk, it-teoloġi kienu jirraġunaw li l-Ġenna oriġinali kellha tkun eqreb lejn is-sema.b Xi wħud qalu li l-ġnien kien jinsab fuq il-quċċata taʼ muntanja tassew fl-għoli li kienet ’il fuq mill-konfini taʼ din il-pjaneta li qiegħda iktar ’l isfel; oħrajn kienu jemmnu li kienet fin-North Pole jew fis-South Pole; jerġaʼ oħrajn kienu jemmnu li kienet fuq il-qamar jew maġenbu. Mela mhix ħaġa tal-iskantament li l-konċett kollu tal-Għeden beda jidher bħala xi post tal-fantasija. Illum il-ġurnata, xi studjużi jemmnu li l-post ġeografiku tal-Għeden ma kienx jagħmel sens, u jaċċertaw li post bħal dan qatt ma eżista.
Madankollu, il-Bibbja ma tiddeskrivix il-ġnien b’dan il-mod. F’Ġenesi 2:8-14 nitgħallmu numru taʼ dettalji dwar dan il-post. Dan kien jinsab fil-Lvant, fir-reġjun li jismu Għeden. Minnu kienet tgħaddi xmara li saret is-sors taʼ erbaʼ xmajjar. Kull waħda minn dawn ix-xmajjar tissemma b’isimha u tingħata deskrizzjoni qasira dwar id-direzzjoni tagħha. Dawn id-dettalji ilhom jaffaxxinaw lill-istudjużi, li ħafna minnhom flew din is-silta Biblika għal xi ħjiel dwar fejn jinsab illum dan il-post tal-qedem. Madankollu, huma ħarġu b’numru bla għadd taʼ opinjonijiet kontradittorji. Ifisser dan li d-deskrizzjoni fiżika tal-Għeden, il-ġnien tiegħu, u x-xmajjar tiegħu hija falza jew tal-ħrejjef?
Ikkunsidra dan: Il-ġrajjiet tar-rakkont tal-ġnien tal-Għeden seħħew madwar 6,000 sena ilu. Dawn tniżżlu bil-miktub minn Mosè, li għandu mnejn għamel użu minn rakkonti orali jew forsi anki minn dokumenti li kienu jeżistu qabel. Xorta waħda, Mosè kien qed jikteb madwar 2,500 sena wara li seħħew dawn il-ġrajjiet deskritti. L-Għeden kien diġà jagħmel parti mill-istorja tal-qedem. Mela, huwa possibbli li xi ħaġa prominenti bħalma huma x-xmajjar jitbiddlu matul għexieren taʼ sekli? Wiċċ l-art hu dinamiku, dejjem jiċċaqlaq. Fir-reġjun fejn x’aktarx kien jinsab l-Għeden hemm it-tendenza li jseħħu ħafna terremoti. Huwa reġjun li s’issa fih saru madwar 17 fil-mija tal-akbar terremoti fid-dinja. Fi bnadi bħal dawn, il-bidla hija normali. Iktar minn hekk, id-Dilluvju taʼ żmien Noè setaʼ biddel it-topografija b’modi li aħna sempliċement ma nistgħux inkunu nafuhom illum.c
Iżda, dawn huma xi fatti li aħna nafu: Ir-rakkont tal-Ġenesi jitkellem dwar il-ġnien bħala post reali. Tnejn mill-erbaʼ xmajjar li jissemmew fir-rakkont—l-Ewfrat u t-Tigri, jew Ħiddekel—għadhom jeżistu sal-ġurnata tal-lum, u xi ftit mis-sorsi tagħhom tal-ilma jinsabu viċin ħafna taʼ xulxin. Ir-rakkont saħansitra jsemmi l-ismijiet tal-artijiet li minnhom kienu jgħaddu dawn ix-xmajjar u jispeċifika r-riżorsi naturali magħrufin sew fl-inħawi. Għan-nies taʼ Iżrael tal-qedem, li kienu l-ewwel nies li qraw dan ir-rakkont, dawn id-dettalji kienu informattivi.
Hekk jiżvolġu normalment il-ħrejjef u l-istejjer tat-tfal? Jew għandhom it-tendenza li jħallu barra xi dettalji li jistgħu faċilment jiġu verifikati jew miċħudin? Mod wieħed kif tibda ħrafa huwa b’dan il-kliem: “Darba waħda, f’pajjiż ’il bogħod ħafna.” Iżda, stejjer li seħħew fir-realtà għandhom it-tendenza li jinkludu dettalji rilevanti, bħal fil-każ tar-rakkont tal-Għeden.
2. Huwa tassew kredibbli li Alla sawwar lil Adam mit-trab u lil Eva minn waħda mill-kustilji taʼ Adam?
Ix-xjenza moderna kkonfermat li l-ġisem tal-bniedem hu kompost minn diversi elementi—bħalma huma l-idroġenu, l-ossiġnu, u l-karbonju—li lkoll jinsabu fuq wiċċ l-art. Iżda dawn l-elementi kif tgħaqqdu flimkien biex jifformaw ħlejqa ħajja?
Ħafna xjenzati jħaddnu t-teorija li l-ħajja bdiet waħedha minn forom sempliċi ħafna li bil-mod il-mod, fuq medda taʼ miljuni taʼ snin, saru iktar u iktar kumplessi. Madankollu, il-kelma “sempliċi” tistaʼ tkun qarrieqa, għax il-ħlejjaq ħajjin kollha—saħansitra l-organiżmi mikroskopiċi li għandhom ċellula waħda—huma kumplessi b’mod li ma jitwemminx. M’hemm l-ebda evidenza li kwalunkwe xorta taʼ ħajja qatt ġiet b’kumbinazzjoni jew li qatt jistaʼ jiġri hekk. Minflok, il-ħlejjaq ħajjin kollha jġorru evidenza konkreta li ġew disinjati minn esseri bil-wisq iktar intelliġenti minna.d—Rumani 1:20.
Tistaʼ timmaġina lilek innifsek tismaʼ xi sinfonija mill-isbaħ, tammira xi pittura li tpaxxi l-għajn, jew tistagħġeb b’xi skoperta teknoloġika, u mbagħad tinsisti li dawn l-affarijiet m’għamilhom ħadd? Dażgur li le! Iżda dawn il-kapolavuri lanqas biss jibdew mal-komplessità, mal-ġmiel, jew mal-inġenwità tal-mod kif inhu disinjat il-ġisem uman. Kif nistgħu nimmaġinaw li ma kellux Ħallieq? Iktar minn hekk, ir-rakkont tal-Ġenesi jispjega li mill-ħlejjaq ħajjin kollha tal-art, il-bnedmin biss kienu maħluqin fix-xbieha t’Alla. (Ġenesi 1:26) Mela mhux taʼ b’xejn li fuq l-art il-bnedmin biss huma kapaċi jirriflettu x-xewqa t’Alla li joħloq. Dan jagħmluh billi xi drabi jipproduċu xogħlijiet impressjonanti taʼ mużika, arti, u teknoloġija. Għandna għalfejn nistagħġbu li Alla huwa bil-wisq aħjar minna biex joħloq?
Il-fatt li Ġeħova ħalaq lill-mara permezz taʼ kustilja mir-raġel, għaliex għandu jitpoġġa f’dubju?e Alla setaʼ juża mezzi oħrajn, iżda l-mod tiegħu kif jagħmel il-mara kellu tifsir sabiħ. Hu ried li r-raġel u l-mara jiżżewġu u jifformaw rabta soda, bħallikieku kienu “ġisem wieħed.” (Ġenesi 2:24) Mhuwiex il-mod kif ir-raġel u l-mara jikkumplimentaw lil xulxin u jifformaw rabta stabbli bejniethom li tiffjorixxi, evidenza qawwija li hemm Ħallieq għaref u taʼ mħabba?
Iktar minn hekk, il-ġenetisti taʼ żmienna rrikonoxxew li l-bnedmin kollha x’aktarx oriġinaw minn raġel wieħed u mara waħda biss. Mela allura, ir-rakkont tal-Ġenesi huwa daqshekk diffiċli biex jitwemmen?
3. Is-siġra tal-għarfien u s-siġra tal-ħajja donnhom xi ħaġa tal-ħrejjef.
Ir-rakkont tal-Ġenesi ma jgħallimx li dawn is-siġar kellhom xi qawwiet strambi jew sopranaturali fihom infushom. Minflok, dawn kienu siġar li Ġeħova tahom tifsir simboliku.
Mhux anki l-bnedmin jagħmlu xi ħaġa simili xi kultant? Pereżempju, imħallef jistaʼ jwissi kontra li wieħed jikkommetti reat b’disprezz tal-qorti. Hija s-sistema taʼ ġustizzja rappreżentata mill-qorti li l-imħallef irid jipproteġi mid-diżrispett, u mhux l-għamara, l-affarijiet immobbli, u l-ħitan tal-awla nfisha. Diversi monarki wkoll użaw ix-xettru u l-kuruna bħala simboli tal-awtorità sovrana tagħhom.
Mela allura ż-żewġ siġriet x’kienu jissimbolizzaw? Ġew proposti bosta teoriji komplikati. It-tweġiba t-tajba, għalkemm sempliċi, hija pjuttost profonda. Is-siġra tal-għarfien it-tajjeb u l-ħażin kienet tirrappreżenta privileġġ li hu t’Alla biss—id-dritt li jiddeċiedi hu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Ġeremija 10:23) Mhux taʼ b’xejn li kien reat li wieħed jisraq minn din is-siġra! Mill-banda l-oħra, is-siġra tal-ħajja kienet tirrappreżenta għotja li Alla biss jistaʼ jagħti—il-ħajja taʼ dejjem.—Rumani 6:23.
4. Serp li jitkellem donnu għandu rabta mal-ħrejjef.
M’għandniex xi ngħidu, dan l-aspett tar-rakkont tal-Ġenesi jistaʼ jħawdek, speċjalment jekk ma żżommx f’moħħok il-kumplament tal-Bibbja. Madankollu, dan il-misteru intriganti l-Iskrittura tiċċarah ftit ftit.
Min jew x’kien li għamel lis-serp jidher bħallikieku qed jitkellem? In-nies taʼ Iżrael tal-qedem kienu jafu b’fatturi oħrajn li tefgħu bosta dawl fuq l-irwol taʼ dan is-serp. Pereżempju, huma kienu jafu li għalkemm l-annimali ma jitkellmux, spirtu jistaʼ jġiegħel annimal jidher bħallikieku qed jitkellem. Mosè kiteb ukoll ir-rakkont dwar Balgħam; Alla bagħat anġlu biex iġiegħel lill-ħmara taʼ Balgħam titkellem bħal bniedem.—Numri 22:26-31; 2 Pietru 2:15, 16.
Jistgħu spirti oħrajn, inkluż dawk li huma għedewwa t’Alla, iwettqu mirakli? Mosè kien ra lill-qassisin tal-Eġittu li jipprattikaw il-maġija jimitaw xi wħud mill-mirakli li wettaq Alla, bħal pereżempju, iġiegħlu ħatar jinbidel f’serp. Il-qawwa biex iwettqu għemejjel bħal dawn setgħet tiġi biss mill-għedewwa t’Alla fil-qasam tal-ispirti.—Eżodu 7:8-12.
Mosè kien ukoll il-kittieb ispirat tal-ktieb taʼ Ġob. Dan il-ktieb jgħallimna ħafna dwar l-għadu ewlieni t’Alla, Satana, li b’gidba sfida l-integrità tal-qaddejja kollha taʼ Ġeħova. (Ġob 1:6-11; 2:4, 5) Għalhekk, setgħu l-Iżraelin tal-qedem irraġunaw li Satana kien immanipula lis-serp fl-Għeden? Setgħu rraġunaw li Satana ġiegħlu jidher bħallikieku qed jitkellem, u b’hekk qarraq b’Eva sabiex tkisser l-integrità tagħha lejn Alla? X’aktarx hekk ġara.
Kien Satana l-qawwa wara s-serp? Iktar tard, Ġesù rrefera għal Satana bħala “giddieb u missier il-gidba.” (Ġwanni 8:44) “Missier il-gidba” jiġi l-oriġinatur tal-ewwel gidba li qatt intqalet, mhux hekk? L-ewwel gidba tinsab fil-kliem tas-serp lil Eva. Billi kkontradixxa t-twissija t’Alla, jiġifieri li jekk jieklu mill-frotta projbita kellhom imutu, is-serp qal: “Żgur li ma tmutux.” (Ġenesi 3:4) B’mod ċar, Ġesù kien jaf li Satana kien immanipula lis-serp. Ir-Rivelazzjoni li Ġesù ta lill-appostlu Ġwanni tiċċara l-kwistjoni u ssejjaħ lil Satana “s-serp oriġinali.”—Rivelazzjoni 1:1; 12:9.
Huwa tassew diffiċli li jitwemmen il-fatt li spirtu qawwi jistaʼ jimmanipula serp u jagħmlu jidher bħallikieku qed jitkellem? Anki l-bnedmin, għalkemm bil-wisq inqas setgħanin mill-ispirti, jistgħu jwettqu illużjonijiet taʼ ventrilokwiżmu li jġibulek għajnejk wara widnejk u joħolqu effetti speċjali konvinċenti.
L-Iktar Evidenza Konvinċenti
Ma taqbilx int li dan ix-xettiċiżmu dwar ir-rakkont tal-Ġenesi m’għandux bażi soda? Mill-banda l-oħra, hemm evidenza konkreta li r-rakkont hu storja vera.
Pereżempju, Ġesù Kristu jissejjaħ “ix-xhud leali u veru.” (Rivelazzjoni 3:14) Peress li kien raġel perfett, hu qatt ma gideb, u qatt u bl-ebda mod ma rrappreżenta ħażin il-verità. Iktar minn hekk, Ġesù għallem li hu kien ilu żmien twil jeżisti qabel ma għex bħala bniedem fuq l-art—fil-fatt, kien għex qrib taʼ Missieru, Ġeħova, “qabel ma kienet teżisti d-dinja.” (Ġwanni 17:5) Għalhekk, hu kien diġà jeżisti meta bdiet il-ħajja fuq l-art. L-iktar xhud li tistaʼ toqgħod fuqu, Ġesù, liema evidenza ta?
Ġesù tkellem dwar Adam u Eva bħala li kienu nies taʼ veru. Hu rrefera għaż-żwieġ tagħhom meta spjega l-livelli t’Alla rigward il-monogamija. (Mattew 19:3-6) Kieku qatt ma eżistew u l-ġnien li fih kienu jgħixu kien sempliċement ħrafa, mela allura jew Ġesù ġie mqarraq jew kien giddieb. L-ebda konklużjoni minn dawn mhi raġunevoli! Ġesù kien qiegħed fis-sema jara kollox hekk kif seħħet it-traġedja fil-ġnien. Liema evidenza iktar konvinċenti jistaʼ jkun hemm għajr din?
Fir-realtà, in-nuqqas taʼ twemmin fir-rakkont tal-Ġenesi jdgħajjef il-fidi f’Ġesù. Nuqqas taʼ twemmin bħal dan ukoll jagħmilha impossibbli li wieħed jifhem xi wħud mit-temi importanti u l-iktar wegħdiet rassiguranti tal-Bibbja. Ejja naraw kif dan hu minnu.
[Noti taʼ taħt]
a Fil-Bibbja, Ġeħova hu l-isem persunali t’Alla.
b Din l-idea mhix Skritturali. Il-Bibbja tgħallem li x-xogħol kollu t’Alla hu perfett; il-korruzzjoni tiġi minn sors ieħor. (Dewteronomju 32:4, 5) Meta Ġeħova temm il-ħolqien tiegħu tal-art, hu qal li dak kollu li għamel kien “tajjeb ħafna.”—Ġenesi 1:31.
c Id-Dilluvju, li kien att t’Alla, b’mod evidenti kines kull traċċa tal-ġnien tal-Għeden innifsu. Eżekjel 31:18 jindika li sas-seba’ seklu Q.E.K. is-“siġar tal-Għeden” kienu ilhom li ġew estinti. Għalhekk, dawk kollha li iktar tard bdew ifittxu l-ġnien tal-Għeden għax ħasbu li kien għadu jeżisti, kienu qed ifittxu għalxejn.
d Ara l-browxer The Origin of Life—Five Questions Worth Asking, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
e Taʼ interess, permezz tax-xjenza moderna fil-qasam mediku nstab li l-kustilja għandha kapaċità mhux tas-soltu li tfiq. B’differenza minn għadam ieħor, din tistaʼ terġaʼ tikber jekk partijiet minnha jitħallew intatti.
-
-
Għala l-Għeden Għandu JinteressakIt-Torri tal-Għassa—2011 | April 1
-
-
Għala l-Għeden Għandu Jinteressak
WAĦDA mill-iktar oġġezzjonijiet sorprendenti li jqajmu xi studjużi rigward ir-rakkont tal-Għeden hi li dan ir-rakkont mhuwiex appoġġat mill-kumplament tal-Bibbja. Pereżempju, Paul Morris, Professur tal-Istudji Reliġjużi, kiteb: “Iktar ’il quddiem fil-Bibbja m’hemm ebda referenza diretta għall-istorja tal-Għeden.” Għalkemm l-hekk imsejħin esperti jaqblu miegħu, din l-istqarrija tmur direttament kontra l-fatti.
Fil-fatt, fil-Bibbja nsibu bosta referenzi għall-ġnien tal-Għeden, Adam, Eva, u s-serp.a Iżda l-iżball taʼ għadd żgħir taʼ studjużi hu insinifikanti meta mqabbel maʼ żball li hu ħafna akbar u iktar komuni. Meta jesprimu nuqqas taʼ fiduċja fir-rakkont tal-Ġenesi dwar il-ġnien tal-Għeden, il-mexxejja reliġjużi u l-kritiċi tal-Bibbja jkunu fir-realtà qed jagħmlu attakk dirett fuq il-Bibbja. Kif?
Huwa essenzjali li nifhmu dak li ġara fl-Għeden sabiex nifhmu l-kumplament tal-Bibbja. Pereżempju, il-Kelma t’Alla hi magħmula b’mod li tgħinna nsibu t-tweġibiet għall-iktar mistoqsijiet profondi u importanti li jiffaċċjaw il-bnedmin. Għal darba wara l-oħra, it-tweġibiet tal-Bibbja għal dawn il-mistoqsijiet huma relatati maʼ ġrajjiet li seħħew fil-ġnien tal-Għeden. Ikkunsidra xi eżempji.
● Għala nixjieħu u mmutu? Kieku Adam u Eva baqgħu sottomessi lejn Ġeħova kienu se jgħixu għal dejjem. Kien biss jekk jirribellaw li kienu se jmutu. Dakinhar li rribellaw bdew resqin lejn il-mewt. (Ġenesi 2:16, 17; 3:19) Huma tilfu l-perfezzjoni, u lil nisilhom setgħu jgħaddulhom biss id-dnub u l-imperfezzjoni. B’hekk il-Bibbja tispjega: “Huwa għalhekk li bħalma permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.”—Rumani 5:12.
● Alla għala jippermetti l-ħażen? Fil-ġnien tal-Għeden, Satana sejjaħ lil Alla giddieb li jżomm lura l-ġid mill-ħlejjaq tiegħu. (Ġenesi 3:3-5) Hu b’hekk qajjem dubju dwar jekk Ġeħova għandux id-dritt li jaħkem. Adam u Eva għażlu li jimxu wara Satana. B’hekk, huma wkoll ċaħdu s-sovranità taʼ Ġeħova u bħallikieku stqarrew li l-bniedem jistaʼ jiddeċiedi għalih innifsu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Peress li hu ġust u għaref b’mod perfett, Ġeħova kien jaf li kien hemm mod wieħed biss kif din l-isfida setgħet titwieġeb b’mod xieraq. Hu kellu jħalli ż-żmien jgħaddi u b’hekk jagħti lill-bnedmin l-opportunità li jaħkmu fuqhom infushom kif iridu huma. Il-ħażen li rriżulta, li parti mit-tort huwa tal-influwenza kontinwa taʼ Satana, irrivela bil-mod il-mod verità importanti: Il-bniedem mhuwiex kapaċi jaħkem fuqu nnifsu mingħajr Alla.—Ġeremija 10:23.
● X’inhu l-iskop t’Alla għall-art? Fil-ġnien tal-Għeden, Ġeħova poġġa livell taʼ sbuħija għall-art. Hu inkariga lil Adam u Eva biex jimlew l-art b’nisilhom u ‘jrażżnuha’ sabiex joħolqu l-istess livell taʼ sbuħija u armonija mal-pjaneta kollha. (Ġenesi 1:28) Għalhekk, l-iskop t’Alla għall-art hu li tkun ġenna abitata minn familja perfetta u magħquda, magħmula min-nisel taʼ Adam u Eva. Ħafna mill-kontenut tal-Bibbja hu dwar il-mezz li Alla uża biex iwettaq dan l-iskop oriġinali.
● Ġesù Kristu għala ġie fuq l-art? Ir-ribelljoni fil-ġnien tal-Għeden eventwalment ġabet il-mewt fuq Adam u Eva u fuq in-nisel kollu tagħhom, iżda bi mħabba Alla pprovda tama. Hu bagħat lil Ibnu fuq l-art biex jipprovdi dik li l-Bibbja ssejħilha fidwa. (Mattew 20:28) Dan xi jfisser? Ġesù kien “l-aħħar Adam”; hu rnexxa fejn Adam kien falla. Bħala bniedem, Ġesù żamm ħajtu perfetta billi baqaʼ ubbidjenti lejn Ġeħova. Imbagħad, hu minn jeddu ta ħajtu bħala sagrifiċċju, jew fidwa, u b’hekk ipprovda l-mezz li bih in-nies leali kollha jingħataw maħfra għad-dnubiet tagħhom u eventwalment jiksbu t-tip taʼ ħajja li gawdew Adam u Eva fl-Għeden qabel ma dinbu. (1 Korintin 15:22, 45; Ġwanni 3:16) B’hekk, Ġesù ta garanzija li se jseħħ l-iskop taʼ Ġeħova li jbiddel din l-art f’ġenna, bħal dik tal-Għeden.b
L-iskop t’Alla mhuwiex imċajpar, u lanqas mhu xi konċett teoloġiku astratt. Huwa reali. Sewwasew bħalma l-ġnien tal-Għeden kien post reali fuq din l-art, b’annimali u b’nies taʼ veru, hekk ukoll il-wegħda t’Alla għall-futur hija ċertezza, realtà li dalwaqt se sseħħ. Se tkun din il-wegħda l-futur tiegħek, ir-realtà tiegħek? Ħafna minn dan jiddependi minnek. Alla jrid li dan il-futur igawduh kemm jistaʼ jkun nies, anki dawk li fil-ħajja qabdu triq ħażina.—1 Timotju 2:3, 4.
Meta Ġesù kien qed imut, tkellem maʼ raġel li kien se jinqatel. Ir-raġel kien kriminal u kien jaf li kien jistħoqqlu jiġi maqtul. Iżda hu dar lejn Ġesù għal faraġ u tama. X’kienet it-tweġiba taʼ Ġesù? “Int tkun fil-Ġenna miegħi.” (Luqa 23:43) Jekk Ġesù jixtieq jara hemm lil dak li qabel kien kriminal—irxoxtat u mbierek b’opportunità li jgħix għal dejjem f’ġenna tal-art, bħal dik tal-Għeden—ma taħsibx li jixtieq l-istess barka għalik? Iva jixtieq! Anki Missieru jixtieq! Jekk int tixtieq li jkollok dan il-futur, agħmel dak kollu li tistaʼ biex titgħallem dwar l-Alla li għamel il-ġnien tal-Għeden.
[Noti taʼ taħt]
a Ara, pereżempju, Ġenesi 13:10; Dewteronomju 32:8; it-2 Samwel 7:14; l-1 Kronaki 1:1; Isaija 51:3; Eżekjel 28:13; 31:8, 9; Luqa 3:38; Rumani 5:12-14; l-1 Korintin 15:22, 45; it-2 Korintin 11:3; l-1 Timotju 2:13, 14; Ġuda 14; u Rivelazzjoni 12:9.
b Sabiex issir taf iktar dwar is-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa, ara kapitlu 5 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 10]
PROFEZIJA LI TGĦAQQAD IL-KOTBA TAL-BIBBJA FLIMKIEN
“Inqanqal għadwa bejnek [is-serp] u bejn il-mara u bejn nislek u nisilha. Hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.”—Ġenesi 3:15.
Din hi l-ewwel profezija Biblika li lissen Alla fl-Għeden. Min huma l-erbaʼ karattri: il-mara, nisilha, is-serp, u nislu? B’liema mod hemm “għadwa” bejn il-karattri?
IS-SERP
Satana x-Xitan.—Rivelazzjoni 12:9.
IL-MARA
L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova magħmula minn ħlejjaq fis-sema. (Galatin 4:26, 27) Isaija tkellem dwar “il-mara” u bassar li fil-futur kellha tiled ġens spiritwali.—Isaija 54:1; 66:8.
IN-NISEL TAS-SERP
Dawk li jagħżlu li jagħmlu r-rieda taʼ Satana.—Ġwanni 8:44.
IN-NISEL TAL-MARA
Primarjament huwa Ġesù Kristu, il-wieħed li ħareġ mill-parti tas-sema tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Inkluż ukoll man-“nisel” hemm l-aħwa spiritwali taʼ Kristu li jaħkmu fis-sema miegħu. Dawn il-Kristjani midlukin jifformaw ġens spiritwali, “l-Israel t’Alla.”—Galatin 3:16, 29; 6:16; Ġenesi 22:18.
IL-ĠERĦA FL-GĦARQUB
Daqqa agonizzanti lill-Messija iżda l-effetti tagħha ma kinux permanenti. Satana rnexxielu jwassal lil Ġesù għall-mewt meta kien fuq l-art. Ġesù ġie rxoxtat.
IL-ĠERĦA FIR-RAS
Daqqa mortali lil Satana. Ġesù se jeqred lil Satana għal dejjem. Saħansitra qabel dan, Ġesù se jreġġa lura l-ħażen li Satana beda fl-Għeden.—1 Ġwanni 3:8; Rivelazzjoni 20:10.
Għal ħarsa fuq fuq lejn it-tema prinċipali tal-Bibbja, ara l-browxer Il-Bibbja—X’Inhu l-Messaġġ Tagħha? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 11]
Adam u Eva batew ir-riżultati diżastrużi tad-dnub
-