LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • It-Tama—Verament Teffettwalna Ħajjitna?
    Stenbaħ!—2004 | Mejju 8
    • It-​Tama—Verament Teffettwalna Ħajjitna?

      DANIEL kellu biss għaxar snin, imma kien ilu sena jiġġieled kontra l-​kanċer. It-​tobba tiegħu kienu qatgħu qalbhom, u anki oħrajn li kienu ħbieb tiegħu. Imma Daniel baqaʼ jittama. Hu kien jemmen li meta jikber kien se jsir riċerkatur u se jgħin biex xi darba tinsab kura għall-​kanċer. Hu kien speċjalment qed jittama fi żjara li kien se jkollu dalwaqt minn tabib speċjalizzat fil-​kura tal-​kanċer partikulari li kellu hu. Madankollu, meta wasal il-​jum, l-​ispeċjalista kellu bilfors iħassar iż-​żjara tiegħu minħabba l-​maltemp. Daniel sewwed qalbu. Għall-​ewwel darba, tilef il-​ħeġġa. Hu miet wara ftit jiem.

      L-istorja taʼ Daniel ġiet rakkontata minn ħaddiem fil-​kura tas-​saħħa li studja l-​effett tat-​tama u d-​disprament fuq is-​saħħa. Għandek mnejn ġieli smajt bi stejjer bħal dawn. Per eżempju, persuna anzjana tkun waslet biex tmut imma tinsab ħerqana li tilħaq mira li ilha ħafna tistennieha—forsi li jiġi jżurha xi ħadd maħbub jew tiċċelebra sempliċi anniversarju. Malli l-​ġrajja tasal u tgħaddi, din l-​anzjana tmut. X’jikkaġuna każijiet bħal dawn? Jistaʼ jkun li t-​tama hi qawwija bħalma jaħsbu xi wħud?

      Għadd li dejjem jikber taʼ riċerkaturi fil-​mediċina jissuġġerixxu li l-​ottimiżmu, it-​tama, u emozzjonijiet pożittivi oħra tabilħaqq għandhom effett qawwi fuq il-​ħajja u s-​saħħa taʼ l-​individwu. Imma ħafna wħud jargumentaw kontra din il-​ħarsa. Xi riċerkaturi ma jagħtux kas dawn l-​opinjonijiet u jqisuhom bħala qatta ħrejjef mingħajr ebda appoġġ xjentifiku. Huma jippreferu jaħsbu li l-​mard fiżiku huwa kaġunat għalkollox minn affarijiet fiżiċi.

      M’għandniex xi ngħidu, m’hijiex xi ħaġa ġdida li jkun hawn min hu xettiku dwar l-​importanza tat-​tama. Eluf taʼ snin ilu, meta l-​filosfu Grieg Aristotele ntalab jispjega x’inhi t-​tama, hu wieġeb: “Hija bħal ħolma b’għajnejk miftuħa.” U iktar reċenti, l-​istatista Amerikan Benjamin Franklin osserva bi kliem niggieżi: “Min jgħix bit-​tama jmut sajjem.”

      Allura, x’inhi l-​verità dwar it-​tama? Tkun din dejjem xenqa mhux realistika, mod kif in-​nies ifittxu l-​faraġ f’ħolm vojt? Jew hemm raġuni valida għalxiex inħarsu lejn it-​tama bħala li hi xi ħaġa iktar minn sempliċi ħolma​—xi ħaġa li lkoll kemm aħna għandna bżonn kemm għal saħħitna u kemm għall-​hena, xi ħaġa li għandha bażi u benefiċċji reali?

  • Għala Għandna Bżonn it-Tama?
    Stenbaħ!—2004 | Mejju 8
    • Għala Għandna Bżonn it-​Tama?

      XI NGĦIDU kieku Daniel, it-​tfajjel li kellu l-​kanċer li semmejna fil-​bidu taʼ l-​artiklu l-​ieħor, baqaʼ jittama bil-​kbir? Kien jirnexxi fil-​ġlieda tiegħu kontra l-​kanċer? Kien ikun għadu ħaj illum? Anki min hu konvint li t-​tama hi effettiva wisq probabbli joqgħod lura milli jgħid xi ħaġa bħal din. U f’dan hemm punt importanti. Wieħed m’għandux jesaġera l-​qawwa tat-​tama. Din m’hijiex xi eliżir, m’hijiex xi rimedju taʼ kollox.

      F’intervista li saritlu mis-​CBS News, it-​Tabib Nathan Cherney wissa dwar il-​periklu li hemm meta tiġi esaġerata l-​qawwa tat-​tama fil-​każ taʼ pazjenti li jkunu morda serjament: “Kellna sitwazzjonijiet fejn l-​irġiel iċanfru lin-​nisa tagħhom dwar li ma jkunux qed jimmeditaw biżżejjed, jew li mhux qed jaħsbu pożittiv biżżejjed.” It-​Tabib Cherney żied: “L-​idea kollha kemm hi ħolqot illużjoni taʼ kontroll [fuq it-​tumur] u meta saħħet in-​nies tmur lura, xi wħud jaħsbu li [l-morda] ma rnexxilhomx jikkontrollaw biżżejjed it-​tumur, u dan mhux fier.”

      Fir-realtà, dawk li jissaraw kontra marda fatali jinsabu involuti fi ġlieda li tifnihom u tnixxifhom. Żgur li l-​maħbubin tagħhom ma jridux itaqqluhom bil-​piż tal-​ħtija minbarra l-​piż li diġà għandhom minħabba l-​kundizzjoni li jinsabu fiha. Allura għandna nikkonkludu li t-​tama m’għandha ebda valur?

      Lanqas xejn. L-​istess tabib, per eżempju, jispeċjalizza fil-​kura li tagħti s-​serħan mill-​uġigħ u s-​sintomi tal-​mard​—jiġifieri kura li ma tiffokax direttament fuq li tiġġieled kontra l-​marda jew fuq li ttawwal il-​ħajja, imma fuq li tagħmel il-​ħajja tal-​pazjent iktar komda u pjaċevoli sakemm idum jissara. Dawn it-​tobba jemmnu ħafna fil-​valur tal-​kuri li jwasslu għal stat mentali iktar hieni, anki għal min ikun marid gravi. Hemm biżżejjed evidenza li t-​tama tistaʼ tagħmel dan​—u saħansitra iktar.

      Kemm Tiswa t-​Tama

      “It-​tama hi terapija qawwija,” jgħid b’ċertezza t-​Tabib W. Gifford-Jones, ġurnalist mediku. Hu rriveda diversi studji li saru biex jiddeterminaw il-​valur taʼ l-​appoġġ emozzjonali li jingħata lill-​pazjenti li jkunu se jmutu minħabba l-​marda tagħhom. Milli jidher, dan it-​tip t’appoġġ jgħin lin-​nies biex iżommu ħarsa iktar pożittiva u mimlija tama. Fi studju li sar fl-​1989 instab li l-​pazjenti li ngħataw appoġġ bħal dan damu iktar ħajjin, waqt li riċerka li saret dan l-​aħħar uriet inqas ċertezza dwar dan. Madankollu, l-​istudji kkonfermaw li l-​pazjenti li jingħataw appoġġ emozzjonali jbatu inqas bid-​dipressjoni u jkollhom inqas uġigħ minn dawk li m’għandhomx dan l-​appoġġ.

      Ikkunsidra studju ieħor li ffoka fuq l-​effett taʼ l-​ottimiżmu u l-​pessimiżmu fuq dawk li jbatu bil-​mard tal-​qalb. Iktar minn 1,300 raġel ġew eżaminati bir-​reqqa dwar jekk għandhomx ħarsa ottimista jew pessimista lejn il-​ħajja. Studju li sar għaxar snin wara fuq l-​istess irġiel sab li iktar minn 12 fil-​mija minnhom kienu jbatu b’xi tip taʼ mard tal-​qalb. Fosthom, il-​pessimisti kienu kważi d-​doppju taʼ l-​ottimisti. Laura Kubzansky, professoressa assistenta tas-​saħħa u l-​imġiba soċjali fl-​Iskola tas-​Saħħa Pubblika taʼ Harvard, tgħid: “Ħafna mill-​evidenza taʼ l-​idea li l-​‘ħsieb pożittiv’ huwa tajjeb għas-​saħħa ġiet minn min jesperjenzah​—dan l-​istudju jipprovdi xi ftit mill-​ewwel evidenza medika reali għal din l-​idea fejn jidħol il-​mard tal-​qalb.”

      Xi studji sabu li min jaħseb li s-​saħħa tiegħu hija ħażina fil-​fatt imur agħar wara l-​operazzjoni meta mqabbel maʼ dawk li jħossu li saħħithom hija tajba. Anki l-​fatt li individwu jkollu ħajja twila ġie konness maʼ l-​ottimiżmu. Studju wieħed eżamina kif l-​anzjani jiġu effettwati mill-​ħsibijiet pożittivi u negattivi dwar ix-​xjuħija. Meta n-​nies akbar fl-​età rċivew kummenti qosra li għaqqdu l-​proċess tax-​xjuħija maʼ żjieda t’għerf u esperjenza, instab li wara kienu jimxu b’iktar qawwa u enerġija. Fil-​fatt, it-​titjib kien simili għar-​riżultati taʼ programm t’eżerċizzju taʼ tnax-il ġimgħa!

      Għala emozzjonijiet bħat-​tama, l-​ottimiżmu, u l-​ħarsa pożittiva lejn il-​ħajja donnhom huma tajbin għas-​saħħa? Forsi x-​xjenzati u t-​tobba għadhom ma jifhmux il-​moħħ u l-​ġisem uman biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jagħtu tweġibiet eżatti. Minkejja dan, l-​esperti li jistudjaw is-​suġġett jistgħu jipprovaw jaqtgħu fuq dak li jafu. Per eżempju, wieħed professur tan-​newroloġija jissuġġerixxi: “Tħossok tajjeb meta tkun kuntent u mimli tama. Dan hu stat pjaċevoli li fih tipproduċi verament ftit stress, u l-​ġisem jiffjorixxi f’dawn il-​kundizzjonijiet. Din hija ħaġ’oħra li n-​nies jistgħu jagħmlu biex jipprovaw jibqgħu f’saħħithom.”

      Din l-​idea għal xi tobba, psikoloġi, u xjenzati għandha mnejn tidher bħala li hi skoperta reċenti, imma din m’hi xejn ġdida għall-​istudenti tal-​Bibbja. Xi 3,000 sena ilu l-​għaref Sultan Salamun ġie ispirat biex jikteb ħsibijietu: “Qalb ferħana tagħti s-​saħħa, ruħ imnikkta tmewwet il-​ġisem.” (Proverbji 17:22) Innota l-​bilanċ li jidher hawnhekk. Dan il-​vers ma jgħidx li qalb ferħana se tfejjaq kwalunkwe marda imma sempliċement jgħid li “tagħti s-​saħħa.”

      Fil-fatt, ikun raġunevoli li nistaqsu, Jekk it-​tama hi bħal mediċina, liema tabib mhux se jirrikkmandaha? Iktar minn hekk, it-​tama fiha benefiċċji li jinkludu ħafna iktar minn sempliċement saħħa tajba.

      L-​Ottimiżmu, il-​Pessimiżmu, u Ħajtek

      Ir-​riċerkaturi sabu li l-​ottimisti jibbenefikaw b’ħafna modi minħabba din il-​ħarsa pożittiva. Dawn għandhom it-​tendenza li jmorru aħjar fl-​iskola, fix-​xogħol, u saħansitra fil-​qasam atletiku. Per eżempju, sar studju fuq grupp taʼ nisa li jagħmlu l-​atletika. Dawk li jħarrġuhom niżżlu bil-​miktub dak kollu li kull waħda minnhom kienet kapaċi tagħmel fl-​atletika. Fl-​istess waqt, in-​nisa stess ġew mistoqsijin u ġie studjat sew il-​livell taʼ tama li għandhom. Ir-​riżultat wera li setgħu jkunu jafu aħjar kif kull waħda minnhom se tmur fl-​atletika minn kemm kellha tama qawwija iktar milli minn dak li niżżlu bil-​miktub dawk li kienu jħarrġuhom. It-​tama għala għandha effett daqshekk qawwi?

      Sirna nafu ħafna affarijiet mill-​istudji li saru dwar dak li hu kuntrarju għall-​ottimiżmu​—il-​pessimiżmu. Matul is-​snin 60, l-​esperimenti pproduċew skoperta mhux mistennija dwar l-​imġiba taʼ l-​annimali, li wasslet lir-​riċerkaturi biex joħolqu frażi li tfisser ‘titgħallem tkun bla ħila.’ Huma skoprew li anki l-​bnedmin jistgħu jbatu b’dan it-​tip taʼ sindromu. Per eżempju, xi wħud li ġew użati f’esperiment tħallew jisimgħu ħoss tedjanti u ntqalilhom li setgħu jitgħallmu jwaqqfuh billi jagħfsu għadd taʼ buttuni wara xulxin. Huma rnexxielhom iwaqqfu l-​ħoss.

      Lill-membri tat-​tieni grupp intqalilhom l-​istess ħaġa​—imma meta għafsu l-​buttuni xejn ma nbidel. Bħalma tistaʼ timmaġina, ħafna fost dan il-​grupp ħassewhom bla ħila. Meta wara kienu involuti f’esperimenti oħrajn, huma qagħdu lura għalkollox milli jaġixxu. Huma kienu konvinti li ma setgħu jagħmlu xejn biex jibdlu s-​sitwazzjoni. Madankollu, anki f’dan it-​tieni grupp, dawk l-​uħud li kienu ottimisti ma ridux iċedu u jħossuhom bla ħila bħall-​oħrajn.

      Dr. Martin Seligman, li għen biex jiġu vvintati xi wħud minn dawn l-​esperimenti tal-​bidu, tqanqal biex jagħmel karriera jistudja l-​ottimiżmu u l-​pessimiżmu. Hu eżamina bir-​reqqa t-​tip taʼ ħsibijiet li jkollhom uħud li għandhom it-​tendenza li jqisu lilhom infushom bla ħila. Hu kkonkluda li dawn il-​ħsibijiet pessimisti jagħmluha diffiċli għan-​nies jew saħansitra ma jħallihomx għaddejjin bl-​attivitajiet normali tal-​ħajja. Seligman jiġbor fil-​qosor il-​ħsibijiet pessimisti u l-​effetti tagħhom b’dan il-​mod: “Il-​ħamsa u għoxrin sena taʼ studju kkonvinċewni li jekk niħduha drawwa li nemmnu, bħalma jagħmlu lpessimisti, li l-​isfortuna hija tort tagħna, li hija permanenti, u li se teffettwa kulma nagħmlu, iktar affarijiet se jmorru ħażin milli kieku naħsbuha mod ieħor.”

      Għal darb’oħra, illum dawn il-​konklużjonijiet għandhom mnejn jidhru ġodda għal xi wħud, imma min jistudja l-​Bibbja diġà hu familjari magħhom. Innota dan il-​proverbju: “Jekk int tintreħa fir-​riżq it-​tajjeb, x’saħħa għandek fir-​riżq il-​ħażin?” (Proverbji 24:10) Iva, il-​Bibbja tispjega b’mod ċar li l-​iskuraġġiment, bil-​ħsibijiet negattivi li jiġu miegħu, se jisraqlek il-​qawwa tiegħek biex taġixxi. Imma allura, x’tistaʼ tagħmel biex tegħleb il-​pessimiżmu u jkollok iktar ottimiżmu u tama f’ħajtek?

      [Stampa f’paġna 4, 5]

      It-​tama tistaʼ tagħmel ħafna ġid

  • Int Tistaʼ Tiġġieled il-Pessimiżmu
    Stenbaħ!—2004 | Mejju 8
    • Int Tistaʼ Tiġġieled il-​Pessimiżmu

      KIF tħares lejn id-​diffikultajiet li tgħaddi minnhom? Ħafna esperti saru jemmnu li t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija tindika ħafna jekk intix ottimist jew pessimist. Aħna lkoll ngħaddu minn diversi provi ebsin f’ħajjitna, xi wħud minna iktar minn oħrajn. Imma għala xi wħud donnhom jerġgħu jiġu f’tagħhom wara li jkunu batew, ikunu lesti li jerġgħu jqumu fuq saqajhom, waqt li oħrajn donnhom jaqtgħu qalbhom anki wara li jkunu għaddew minn problemi li jkunu relattivament żgħar?

      Per eżempju, immaġina li qed tfittex ix-​xogħol. Tmur għal intervista u ma tintgħażilx. Wara kif tħares lejn din il-​ġrajja? Għandek mnejn tiħodha bħala xi ħaġa persunali u tħares lejha bħala problema permanenti, u tgħid bejnek u bejn ruħek, ‘Ħadd m’hu se jqabbad lil xi ħadd bħali. Qatt ma se nsib fejn naħdem.’ Jew, agħar minn hekk, għandek mnejn tħalli din l-​unika diffikultà teffettwalek il-​ħarsa tiegħek lejn kull aspett tal-​ħajja, u taħseb, ‘Ma jien kapaċi għal xejn. Ħadd m’għandu bżonni.’ F’kull każ, dawn il-​ħsibijiet m’huma xejn ħlief pessimiżmu.

      Ikkumbatti l-​Pessimiżmu

      Kif tistaʼ tiġġilidlu? L-​ewwel pass vitali hu li titgħallem tagħraf dawn il-​ħsibijiet negattivi. It-​tieni pass hu li tikkumbattihom. Fittex spjegazzjonijiet oħra li huma raġunevoli. Per eżempju, huwa minnu li int ma ntgħażiltx għaliex ħadd m’hu se jagħżlek? Jew jistaʼ jkun li s-​sid kien sempliċement qed ifittex lil xi ħadd bi kwalifiki oħra?

      Meta tuża fatti speċifiċi, tkun tistaʼ tikxef il-​ħsibijiet pessimisti li jkunu reazzjonijiet esaġerati. Il-​fatt li tiġi miċħud darba jfisser verament li m’int tajjeb għal xejn, jew tistaʼ taħseb f’aspetti oħra f’ħajtek​—bħal attivitajiet spiritwali, relazzjonijiet tal-​familja, jew ħbiberiji​—fejn sa ċertu punt tirnexxi? Tgħallem iċħad ċerti ħsibijiet negattivi dwar il-​futur u ħares lejhom bħala sempliċi “katastrofiżmu.” Wara kollox, tistaʼ tkun taf verament li int qatt ma se ssib ix-​xogħol? Hemm iktar x’tistaʼ tagħmel biex twarrab il-​ħsibijiet negattivi.

      Aħseb b’Mod Pożittiv u Agħmel Miri

      F’dawn l-​aħħar snin ir-​riċerkaturi żviluppaw definizzjoni interessanti, għalkemm kemxejn limitata, taʼ x’inhi t-​tama. Huma jgħidu li t-​tama tinvolvi li temmen li int se jirnexxilek tilħaq il-​miri tiegħek. Bħalma se juri l-​artiklu li jmiss, it-​tama fil-​fatt tinvolvi ħafna iktar, imma din id-​definizzjoni tidher utli għal ħafna affarijiet. Jekk niffokaw fuq dan l-​aspett tat-​tama persunali se niġu megħjunin nitgħallmu naħsbu iktar pożittiv u niffokaw iktar fuq il-​miri.

      Jekk aħna rridu nemmnu li se jirnexxilna nilħqu l-​miri tagħna fil-​futur, l-​ewwel irid ikollna l-​esperjenza f’li nagħmlu l-​miri u nilħquhom. Jekk tħoss li għadek m’għamiltx dan, tagħmel tajjeb jekk taħseb bis-​serjetà dwar il-​miri li tagħmel għalik innifsek. L-​ewwelnett, għandek miri? Huwa faċli ħafna li ninqabdu fir-​rutina u t-​taħbit tal-​ħajja mingħajr ma nieqfu naħsbu dwar dak li rridu verament mill-​ħajja, dak li hu l-​iktar importanti għalina. Dwar dan il-​prinċipju prattiku taʼ li nistabbilixxu prijoritajiet ċari, nerġgħu nsibu li żmien ilu l-​Bibbja qalet sew li rridu ‘nagħrfu nagħżlu l-​aħjar.’—Filippin 1:10.

      Ladarba nkunu nafu x’inhuma l-​prijoritajiet tagħna, isir iktar faċli li nagħżlu xi miri fundamentali f’diversi aspetti, bħal fil-​ħajja tagħna spiritwali, tal-​familja, u sekulari. Madankollu, huwa essenzjali li ma nagħmlux ħafna miri mill-​ewwel u li kull mira li nagħmlu tkun waħda li nafu li nistgħu nilħquha. Jekk mira tkun diffiċli wisq biex nilħquha, din tistaʼ tiskuraġġina, u għandna mnejn naqtgħu qalbna. Għalhekk, spiss ikun aħjar li naqsmu miri kbar li jieħdu ħafna żmien f’miri iżgħar li jieħdu inqas żmien.

      “Min irid jistaʼ.” Hekk jgħid proverbju wieħed, u sa ċertu punt dan hu minnu. Ladarba jkollna miri fundamentali f’moħħna, irid ikollna r-​rieda​—ix-​xewqa u d-​determinazzjoni​—li nistinkaw biex nilħquhom. Nistgħu nsaħħu din id-​determinazzjoni billi naħsbu dwar il-​valur tal-​miri tagħna u kemm se jkun premjanti jekk nilħquhom. M’għandniex xi ngħidu, l-​ostakli se jinqalgħu imma aħna rridu narawhom bħala sfidi minflok bħala sitwazzjoni bla tama.

      Madankollu, irridu naħsbu wkoll dwar modi prattiċi kif nilħqu l-​miri tagħna. L-​awtur C. R. Snyder li għamel studju estensiv fuq il-​valur tat-​tama, jissuġġerixxi li naħsbu dwar diversi modi kif nistgħu nilħqu kwalunkwe mira. Għalhekk, meta mod wieħed ma jaħdimx, nistgħu nduru għat-​tieni mod, it-​tielet, eċċetra.

      Snyder jirrikkmanda wkoll li nitgħallmu meta għandna nibdlu mira maʼ oħra. Jekk ninsabu f’sitwazzjoni li verament ma nistgħux nilħqu mira, se nħossuna skuraġġiti jekk noqogħdu ninkwetaw dwarha. Mill-​banda l-​oħra, jekk minflokha nagħmlu mira iktar realistika se jkollna xi ħaġa oħra għalxiex nittamaw.

      Il-Bibbja fiha eżempju li jistaʼ jgħinna f’dan. Is-​Sultan David kellu għal qalbu l-​mira li jibni tempju għal Alla tiegħu, Jehovah. Imma Alla qal lil David li ibnu Salamun kien se jkollu dan il-​privileġġ u mhux hu. Minflok ma qgħad jagħmel il-​buri jew jipprova jippersisti meta ffaċċja dan ir-​riżultat li ddiżappuntah, David bidel il-​miri tiegħu. Hu ntefaʼ b’ruħu u ġismu jiġbor il-​fondi u l-​materjal li ibnu kien se jkollu bżonn sabiex iwettaq il-​proġett.​—1 Slaten 8:​17-19; 1 Kronaki 29:​3-7.

      Anki jekk jirnexxilna nibnu l-​livell persunali tagħna taʼ tama billi niġġieldu kontra l-​pessimiżmu u niżviluppaw ħsibijiet pożittivi u niffokaw fuq il-​miri, xorta waħda għandna mnejn ikollna nuqqas kbir taʼ tama. Dan kif? Iva, ħafna mid-​disprament li niffaċċjaw f’din id-​dinja ġej minn affarijiet li assolutament ma nistgħux nikkontrollawhom. Meta nimmeditaw fuq il-​problemi enormi li tiffaċċja l-​umanità​—il-​faqar, il-​gwerer, l-​inġustizzji, it-​theddida li dejjem qiegħda hemm tal-​mard u l-​mewt​—kif nistgħu nżommu ħarsa mimlija tama?

      [Stampa f’paġna 7]

      Jekk ma tintgħażilx għal xogħol li tkun trid, tassumi li qatt m’int se ssib fejn taħdem?

      [Stampa f’paġna 8]

      Is-​Sultan David kien flessibbli fil-​miri tiegħu

  • Fejn Tistaʼ Ssib Tama Vera?
    Stenbaħ!—2004 | Mejju 8
    • Fejn Tistaʼ Ssib Tama Vera?

      L-​ARLOĠĠ tiegħek waqaf jaħdem u jidher imkisser. Meta tiġi biex issewwih, tiffaċċja ħafna għażliet. Hemm ħafna reklami għat-​tiswija taʼ l-​arloġġi, ilkoll kemm huma jaċċertawk li huma tajbin, u xi wħud huma kontradittorji. Imma x’tagħmel jekk issir taf li l-​ġâr tiegħek hu l-​bniedem tas-​sengħa li ħoloq dak l-​arloġġ partikulari xi snin ilu? Mhux talli hekk, talli ssir taf li hu lest jgħinek, mingħajr ħlas. L-​għażla tiegħek tidher ċara, veru?

      Issa qabbel dak l-​arloġġ maʼ l-​abbiltà tiegħek li tittama. Jekk tħoss li qed titlef it-​tama​—bħalma jiġrilhom ħafna f’dawn iż-​żminijiet diffiċli​—fejn se ddur għall-​għajnuna? Hemm ħafna nies li jgħidu li jistgħu jsolvu l-​problema, imma l-​għadd li ma jispiċċa qatt taʼ suġġerimenti jistaʼ jħawdek u jidher kontradittorju. Allura, għala ma tmurx mill-​ewwel għand dak li sawwar il-​bniedem bl-​abbiltà li jittama? Il-​Bibbja tgħid “hu m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna” u hu jixtieq ħafna li jgħinna.—Atti 17:27; 1 Pietru 5:7.

      Tifsira Iktar Profonda tat-​Tama

      Il-​konċett taʼ tama fil-​Bibbja huwa iktar profond u jinkludi ħafna iktar tifsir minn kif iħarsu lejh it-​tobba, ix-​xjenzati, u l-​psikoloġi taʼ llum. Il-​kliem bil-​lingwa oriġinali użat fil-​Bibbja li jiġi tradott bħala “tama” jfisser li tistenna bil-​ħerqa u tistenna t-​tajjeb. Bażikament, it-​tama hija magħmula minn żewġ affarijiet. Dawn huma x-​xewqa għal xi ħaġa tajba kif ukoll il-​bażi biex l-​individwu jemmen li se jiġi t-​tajjeb. It-​tama li toffri l-​Bibbja m’hijiex sempliċement xewqa li xi ħaġa mhux realistika se sseħħ. Din hija bbażata fis-​sod fuq fatti u evidenza.

      F’dan, it-​tama tmur id f’id mal-​fidi, li għandha tkun ibbażata fuq il-​prova​—mhux sempliċement tiblaʼ dak kollu li tiddettalek ir-​reliġjon. (Lhud 11:1) Xorta waħda, il-​Bibbja tagħmel distinzjoni bejn il-​fidi u t-​tama.​—1 Korintin 13:13.

      Biex nagħtu eżempju: Meta titlob lil xi ħabib għażiż biex jagħmillek pjaċir, wisq probabbli tittama li se jgħinek. It-​tama tiegħek m’hijiex bla bażi għaliex int għandek fiduċja f’ħabibek​—tafu sew, u rajtu jaġixxi b’qalb tajba u bil-​ġenerożità fil-​passat. Il-​fidi u t-​tama tiegħek huma konnessi mill-​qrib, saħansitra jiddependu minn xulxin, imma huma żewġ affarijiet differenti. Kif jistaʼ jkollok tama bħal din f’Alla?

      Il-​Bażi għat-​Tama

      Alla hu s-​sors tat-​tama vera. Fiż-​żminijiet Bibliċi Jehovah issejjaħ it-​“tama taʼ Iżrael.” (Ġeremija 14:8) Kwalunkwe tama soda li kellu l-​poplu tiegħu kienet ġejja minnu; għalhekk, hu kien it-​tama tagħhom. Din it-​tama ma kinitx sempliċi xewqa. Alla tahom bażi soda għat-​tama. Mill-​mod kif ittrattahom tul is-​sekli, hu ħalla reputazzjoni li wettaq il-​wegħdi li għamel. Il-​mexxej tagħhom Ġożwè qal lil Iżrael: “[“Intom tafu sewwa,” NW ]. . . li ebda waħda mill-​wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-​Mulej, Alla tagħkom, ma naqset.”​—Ġożwè 23:14.

      Illum, eluf taʼ snin wara, dak il-​kliem għadu jgħodd. Il-​Bibbja mimlija wegħdi taʼ l-​għaġeb mingħand Alla u fiha storja eżatta mniżżla bil-​miktub li turi kif dawn seħħew. Il-​wegħdi profetiċi tiegħu tant huma taʼ min joqgħod fuqhom li kultant inkitbu daqslikieku kienu diġà seħħew hekk kif kienu għadhom kemm tbassru.

      Għal din ir-​raġuni nistgħu ngħidu li l-​Bibbja hi l-​ktieb tat-​tama. Hekk kif tistudja r-​rakkonti taʼ kif Alla aġixxa mal-​bnedmin, se jkollok raġunijiet iktar qawwija għalxiex tittama fih. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Kull ma nkiteb fl-​Iskrittura fl-​imgħoddi, nkiteb għat-​tagħlim tagħna, biex bis-​sabar u bil-​faraġ li tagħtina l-​Iskrittura, aħna jkollna t-​tama.”​—Rumani 15:4.

      Alla Liema Tama Jagħtina?

      Meta jkollna l-​iktar bżonn it-​tama? Mhux meta niffaċċjaw il-​mewt? Madankollu, għal ħafna jkun f’mumenti bħal dawn​—per eżempju, meta l-​mewt tieħu lil xi maħbub​—li t-​tama tkun impossibbli. Wara kollox, x’jistaʼ jkun iktar bla tama mill-​mewt? Din tiġri wara kull wieħed minna bla heda. Ma tantx nistgħu ndumu nevitawha, u ma nistgħux irreġġgħuha lura. B’mod xieraq, il-​Bibbja ssejjaħ il-​mewt bħala “l-​aħħar għadu.”​—1 Korintin 15:26.

      Allura, kif jistaʼ jkollna t-​tama meta niffaċċjaw il-​mewt? Il-​vers Bibliku li l-​mewt isejħilha l-​aħħar għadu jgħid ukoll li dan l-​għadu se “jinqered.” Alla Jehovah hu iktar qawwi mill-​mewt. Hu ta prova taʼ dan f’diversi okkażjonijiet. Kif? Billi qajjem lill-​mejtin. Il-​Bibbja tiddeskrivi disaʼ okkażjonijiet differenti meta Alla uża l-​qawwa tiegħu biex jerġaʼ jagħti l-​ħajja lil uħud li kienu mietu.

      F’każ li jispikka, Jehovah ta l-​qawwa lil Ibnu, Ġesù, biex jirxoxta lill-​ħabib għażiż tiegħu Lazzru, li kien ilu mejjet erbat ijiem. Ġesù għamel dan, mhux fil-​moħbi, imma fil-​beraħ, quddiem folol taʼ wħud li kienu qed jarawh.​—Ġwanni 11:​38-48, 53; 12:​9, 10.

      Għandek mnejn taħseb, ‘Għala ġew irxoxtati dawn in-​nies? Mhux xorta xjaħu u mietu wara?’ Iva, veru. Madankollu, minħabba r-​rakkonti taʼ min joqgħod fuqhom imniżżlin bil-​miktub bħal dan li semmejna, jistaʼ jkollna iktar minn sempliċi xewqa li l-​maħbubin mejtin tagħna jerġgħu jgħixu; għandna raġuni għalxiex nemmnu li se jirxoxtaw. Fi kliem ieħor, għandna tama ġenwina.

      Ġesù qal: “Jien hu l-​qawmien u l-​ħajja.” (Ġwanni 11:25) Hu l-​Wieħed li lilu Jehovah se jagħtih il-​qawwa biex iwettaq irxoxt globali. Ġesù qal: “Tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-​oqbra jisimgħu [leħen Kristu] u joħorġu.” (Ġwanni 5:​28, 29) Iva, dawk kollha reqdin fl-​oqbra għandhom il-​prospett li jirxoxtaw għall-​ħajja f’ġenna taʼ l-​art.

      Il-​profeta Isaija ħallielna din id-​deskrizzjoni taʼ l-​irxoxt li tmisslek qalbek: “Għax jgħixu mill-​ġdid il-​mejtin tiegħek, il-​katavri jqumu lkoll. Jistenbħu u jgħannu dawk li jgħammru fit-​trab. In-​nida tiegħek hi nida taʼ dawl, u l-​art [“terġaʼ tiled lil dawk li ilhom mejtin,” The New English Bible].”​—Isaija 26:19.

      M’hijiex taʼ faraġ din il-​wegħda? Il-​mejtin jinsabu fl-​iktar sitwazzjoni protetta li tistaʼ timmaġina, bħal tarbija fil-​kenn taʼ ġuf ommha. Tabilħaqq, dawk li qed jistrieħu fl-​oqbra jinsabu protetti b’mod perfett fil-​memorja bla limitu taʼ Alla li Jistaʼ Kollox. (Luqa 20:​37, 38) U dalwaqt se jerġgħu jingħataw il-​ħajja u jidħlu f’dinja kollha hena li se tilqagħhom bl-​istess mod bħalma familja tilqaʼ bl-​imħabba lit-​tarbija ġdida wara li tkun ilha tistennieha! Allura, anki meta niffaċċjaw il-​mewt għandna fiex nittamaw.

      X’Tistaʼ Tagħmel Għalik it-​Tama

      Pawlu jgħallimna ħafna dwar kemm tiswa t-​tama. Hu tkellem dwar it-​tama bħala li hi parti vitali mill-​armatura spiritwali​—l-​elmu. (1 Tessalonikin 5:8) X’ried jgħid biha? Is-​suldat fiż-​żminijiet Bibliċi kien jilbes elmu tal-​metall fil-​gwerra, spiss fuq kappa tad-​drapp jew tal-​ġilda. Minħabba l-​elmu, ħafna mid-​daqqiet li kienet taqlaʼ r-​ras kienu jerġgħu lura minflok ma joqtluh. X’kien il-​punt taʼ Pawlu? L-​istess bħalma elmu jipproteġi r-​ras, hekk ukoll it-​tama tipproteġi l-​moħħ, l-​abbiltajiet tal-​ħsieb. Jekk għandek tama soda fi qbil maʼ l-​iskopijiet t’Alla, il-​paċi tal-​moħħ tiegħek m’hijiex se titfarrak minħabba l-​paniku jew id-​disprament meta tiffaċċja t-​tbatija. Min minna m’għandux bżonn elmu bħal dan?

      Pawlu uża tixbiha vivaċi oħra dwar it-​tama li hi konnessa mar-​rieda t’Alla. Hu kiteb: “Din it-​tama hija għalina bħal ankra tar-​ruħ, sħiħa u qawwija.” (Lhud 6:19) Pawlu salva kemm-il darba minn nawfraġju, u kien jaf sew kemm tiswa ankra. Meta jinqabdu f’maltempata, il-​baħrin iniżżlu l-​ankra tal-​vapur. Jekk din taqbad maʼ qiegħ il-​baħar u żżomm sod, il-​vapur ikollu ċans akbar li jgħaddi mill-​maltempata minflok ma jitkaxkar lejn ix-​xatt u jitkisser mal-​blat.

      Bl-istess mod, jekk il-​wegħdi t’Alla huma għalina tama “sħiħa u qawwija,” din it-​tama tistaʼ tgħinna nsalvaw fit-​taqlib taʼ dawn iż-​żminijiet tempestużi. Jehovah iwiegħed li dalwaqt se jiġi żmien meta lbnedmin mhux se jibqgħu jbatu minħabba l-​gwerer, il-​kriminalità, l-​inkwiet, jew saħansitra l-​mewt. (Ara l-​kaxxa f’paġna 10.) Jekk inżommu sod maʼ din it-​tama se niġu megħjunin biex nitbiegħdu mid-​diżastru, u se jkollna l-​motivazzjoni li neħtieġu biex ngħixu skond il-​livelli t’Alla minflok ma nċedu għall-​ispirtu mħawwad u immorali li hu tant mifrux fid-​dinja llum.

      It-tama li joffri Jehovah tinvolvi wkoll lilek personalment. Hu jridek tgħix ħajtek kif kien l-​iskop tiegħu għalik li tgħixha. Ix-​xewqa tiegħu hi li “l-​bnedmin kollha jsalvaw.” Kif? L-​ewwelnett, kulħadd għandu ‘jasal biex jagħraf il-​verità.’ (1 Timotju 2:4) Il-​pubblikaturi taʼ din ir-​rivista jħeġġuk tieħu l-​għarfien li jagħti l-​ħajja dwar il-​verità tal-​Kelma t’Alla. It-​tama li jagħtik Alla permezz taʼ dan hi ħafna aqwa minn kwalunkwe tama li tistaʼ ssib f’din id-​dinja.

      B’tama bħal din qatt m’għandek għalfejn tħossok bla ħila, għaliex Alla se jagħtik is-​saħħa li għandek bżonn biex tilħaq kwalunkwe mira li għandek fi qbil mar-​rieda tiegħu. (2 Korintin 4:7; Filippin 4:​13) M’hijiex din it-​tama li għandek bżonn? Allura jekk għandek bżonn it-​tama, jekk kont qed tfittixha, agħmel il-​qalb. It-​tama tinsab quddiemek. Int tistaʼ ssibha!

      [Kaxxa f’paġna 10]

      Raġunijiet biex Tittama

      Dawn il-​ħsibijiet Skritturali jistgħu jgħinuk tibni t-​tama tiegħek:

      ◼ Alla jwiegħed futur hieni.

      Il-​Kelma tiegħu tgħid li l-​art se ssir ġenna globali, abitata minn familja taʼ bnedmin ferħanin u magħqudin.​—Salm 37:​11, 29; Isaija 25:8; Apokalissi 21:​3, 4.

      ◼ Alla ma jistax jigdeb.

      Hu jobgħod il-​gideb fil-​forom kollha tiegħu. Jehovah hu qaddis jew safi għalkollox, allura impossibbli jigdeb.​—Proverbji 6:​16-19; Isaija 6:​2, 3; Titu 1:2; Lhud 6:18.

      ◼ Alla għandu qawwa bla limitu.

      Jehovah biss jistaʼ kollox. M’hemm xejn fl-​univers li jistaʼ jwaqqfu milli jwettaq il-​wegħdi tiegħu.​—Eżodu 15:11; Isaija 40:​25, 26.

      ◼ Alla jridek tgħix għal dejjem.

      ​—Ġwanni 3:16; 1 Timotju 2:​3, 4.

      ◼ Alla jħares lejna bit-​tama.

      Hu jagħżel li jiffoka, mhux fuq id-​dgħjufijiet u n-​nuqqasijiet tagħna, imma fuq il-​kwalitajiet tajbin u l-​isforzi tagħna. (Salm 103:​12-14; 130:3; Lhud 6:10) Hu jittama li se nagħmlu dak li hu tajjeb u hu jitgħaxxaq meta nagħmlu dan.​—Proverbji 27:11.

      ◼ Alla jwiegħed li jgħinek tilħaq miri fi qbil maʼ l-​iskop divin.

      Il-​qaddejja tiegħu qatt ma għandhom għalfejn iħossuhom bla ħila. Alla jagħti b’mod ġeneruż mill-​ispirtu qaddis tiegħu, l-​iktar qawwa b’saħħitha li teżisti, sabiex jgħinna.​—Filippin 4:13.

      ◼ Qatt ma tkun żbaljat jekk tittama f’Alla.

      Hu taʼ min joqgħod fuqu u tistaʼ tafda fih għalkollox, qatt ma se jiddiżappuntak.​—Salm 25:3.

      [Stampa f’paġna 12]

      Bħalma elmu jipproteġi r-​ras, hekk ukoll it-​tama tipproteġi l-​moħħ

      [Stampa f’paġna 12]

      Bħal ankra, tama mqabbda fis-​sod tistaʼ ssaħħek

      [Sors]

      Courtesy René Seindal/Su concessione del Museo Archeologico Regionale A. Salinas di Palermo

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja