Int Tistaʼ Tiġġieled il-Pessimiżmu
KIF tħares lejn id-diffikultajiet li tgħaddi minnhom? Ħafna esperti saru jemmnu li t-tweġiba għal din il-mistoqsija tindika ħafna jekk intix ottimist jew pessimist. Aħna lkoll ngħaddu minn diversi provi ebsin f’ħajjitna, xi wħud minna iktar minn oħrajn. Imma għala xi wħud donnhom jerġgħu jiġu f’tagħhom wara li jkunu batew, ikunu lesti li jerġgħu jqumu fuq saqajhom, waqt li oħrajn donnhom jaqtgħu qalbhom anki wara li jkunu għaddew minn problemi li jkunu relattivament żgħar?
Per eżempju, immaġina li qed tfittex ix-xogħol. Tmur għal intervista u ma tintgħażilx. Wara kif tħares lejn din il-ġrajja? Għandek mnejn tiħodha bħala xi ħaġa persunali u tħares lejha bħala problema permanenti, u tgħid bejnek u bejn ruħek, ‘Ħadd m’hu se jqabbad lil xi ħadd bħali. Qatt ma se nsib fejn naħdem.’ Jew, agħar minn hekk, għandek mnejn tħalli din l-unika diffikultà teffettwalek il-ħarsa tiegħek lejn kull aspett tal-ħajja, u taħseb, ‘Ma jien kapaċi għal xejn. Ħadd m’għandu bżonni.’ F’kull każ, dawn il-ħsibijiet m’huma xejn ħlief pessimiżmu.
Ikkumbatti l-Pessimiżmu
Kif tistaʼ tiġġilidlu? L-ewwel pass vitali hu li titgħallem tagħraf dawn il-ħsibijiet negattivi. It-tieni pass hu li tikkumbattihom. Fittex spjegazzjonijiet oħra li huma raġunevoli. Per eżempju, huwa minnu li int ma ntgħażiltx għaliex ħadd m’hu se jagħżlek? Jew jistaʼ jkun li s-sid kien sempliċement qed ifittex lil xi ħadd bi kwalifiki oħra?
Meta tuża fatti speċifiċi, tkun tistaʼ tikxef il-ħsibijiet pessimisti li jkunu reazzjonijiet esaġerati. Il-fatt li tiġi miċħud darba jfisser verament li m’int tajjeb għal xejn, jew tistaʼ taħseb f’aspetti oħra f’ħajtek—bħal attivitajiet spiritwali, relazzjonijiet tal-familja, jew ħbiberiji—fejn sa ċertu punt tirnexxi? Tgħallem iċħad ċerti ħsibijiet negattivi dwar il-futur u ħares lejhom bħala sempliċi “katastrofiżmu.” Wara kollox, tistaʼ tkun taf verament li int qatt ma se ssib ix-xogħol? Hemm iktar x’tistaʼ tagħmel biex twarrab il-ħsibijiet negattivi.
Aħseb b’Mod Pożittiv u Agħmel Miri
F’dawn l-aħħar snin ir-riċerkaturi żviluppaw definizzjoni interessanti, għalkemm kemxejn limitata, taʼ x’inhi t-tama. Huma jgħidu li t-tama tinvolvi li temmen li int se jirnexxilek tilħaq il-miri tiegħek. Bħalma se juri l-artiklu li jmiss, it-tama fil-fatt tinvolvi ħafna iktar, imma din id-definizzjoni tidher utli għal ħafna affarijiet. Jekk niffokaw fuq dan l-aspett tat-tama persunali se niġu megħjunin nitgħallmu naħsbu iktar pożittiv u niffokaw iktar fuq il-miri.
Jekk aħna rridu nemmnu li se jirnexxilna nilħqu l-miri tagħna fil-futur, l-ewwel irid ikollna l-esperjenza f’li nagħmlu l-miri u nilħquhom. Jekk tħoss li għadek m’għamiltx dan, tagħmel tajjeb jekk taħseb bis-serjetà dwar il-miri li tagħmel għalik innifsek. L-ewwelnett, għandek miri? Huwa faċli ħafna li ninqabdu fir-rutina u t-taħbit tal-ħajja mingħajr ma nieqfu naħsbu dwar dak li rridu verament mill-ħajja, dak li hu l-iktar importanti għalina. Dwar dan il-prinċipju prattiku taʼ li nistabbilixxu prijoritajiet ċari, nerġgħu nsibu li żmien ilu l-Bibbja qalet sew li rridu ‘nagħrfu nagħżlu l-aħjar.’—Filippin 1:10.
Ladarba nkunu nafu x’inhuma l-prijoritajiet tagħna, isir iktar faċli li nagħżlu xi miri fundamentali f’diversi aspetti, bħal fil-ħajja tagħna spiritwali, tal-familja, u sekulari. Madankollu, huwa essenzjali li ma nagħmlux ħafna miri mill-ewwel u li kull mira li nagħmlu tkun waħda li nafu li nistgħu nilħquha. Jekk mira tkun diffiċli wisq biex nilħquha, din tistaʼ tiskuraġġina, u għandna mnejn naqtgħu qalbna. Għalhekk, spiss ikun aħjar li naqsmu miri kbar li jieħdu ħafna żmien f’miri iżgħar li jieħdu inqas żmien.
“Min irid jistaʼ.” Hekk jgħid proverbju wieħed, u sa ċertu punt dan hu minnu. Ladarba jkollna miri fundamentali f’moħħna, irid ikollna r-rieda—ix-xewqa u d-determinazzjoni—li nistinkaw biex nilħquhom. Nistgħu nsaħħu din id-determinazzjoni billi naħsbu dwar il-valur tal-miri tagħna u kemm se jkun premjanti jekk nilħquhom. M’għandniex xi ngħidu, l-ostakli se jinqalgħu imma aħna rridu narawhom bħala sfidi minflok bħala sitwazzjoni bla tama.
Madankollu, irridu naħsbu wkoll dwar modi prattiċi kif nilħqu l-miri tagħna. L-awtur C. R. Snyder li għamel studju estensiv fuq il-valur tat-tama, jissuġġerixxi li naħsbu dwar diversi modi kif nistgħu nilħqu kwalunkwe mira. Għalhekk, meta mod wieħed ma jaħdimx, nistgħu nduru għat-tieni mod, it-tielet, eċċetra.
Snyder jirrikkmanda wkoll li nitgħallmu meta għandna nibdlu mira maʼ oħra. Jekk ninsabu f’sitwazzjoni li verament ma nistgħux nilħqu mira, se nħossuna skuraġġiti jekk noqogħdu ninkwetaw dwarha. Mill-banda l-oħra, jekk minflokha nagħmlu mira iktar realistika se jkollna xi ħaġa oħra għalxiex nittamaw.
Il-Bibbja fiha eżempju li jistaʼ jgħinna f’dan. Is-Sultan David kellu għal qalbu l-mira li jibni tempju għal Alla tiegħu, Jehovah. Imma Alla qal lil David li ibnu Salamun kien se jkollu dan il-privileġġ u mhux hu. Minflok ma qgħad jagħmel il-buri jew jipprova jippersisti meta ffaċċja dan ir-riżultat li ddiżappuntah, David bidel il-miri tiegħu. Hu ntefaʼ b’ruħu u ġismu jiġbor il-fondi u l-materjal li ibnu kien se jkollu bżonn sabiex iwettaq il-proġett.—1 Slaten 8:17-19; 1 Kronaki 29:3-7.
Anki jekk jirnexxilna nibnu l-livell persunali tagħna taʼ tama billi niġġieldu kontra l-pessimiżmu u niżviluppaw ħsibijiet pożittivi u niffokaw fuq il-miri, xorta waħda għandna mnejn ikollna nuqqas kbir taʼ tama. Dan kif? Iva, ħafna mid-disprament li niffaċċjaw f’din id-dinja ġej minn affarijiet li assolutament ma nistgħux nikkontrollawhom. Meta nimmeditaw fuq il-problemi enormi li tiffaċċja l-umanità—il-faqar, il-gwerer, l-inġustizzji, it-theddida li dejjem qiegħda hemm tal-mard u l-mewt—kif nistgħu nżommu ħarsa mimlija tama?
[Stampa f’paġna 7]
Jekk ma tintgħażilx għal xogħol li tkun trid, tassumi li qatt m’int se ssib fejn taħdem?
[Stampa f’paġna 8]
Is-Sultan David kien flessibbli fil-miri tiegħu