LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • “Ħassu Mqanqal u Tħassarhom”
    “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
    • KAPITLU 15

      “Ħassu Mqanqal u Tħassarhom”

      Stampa f’paġna 151

      “Mulej, agħmel li jinfetħu għajnejna”

      1-3. (a) Ġesù kif jirreaġixxi meta żewġ tallaba għomja jitolbuh bil-​ħniena biex jgħinhom? (b) Xi tfisser l-​espressjoni “ħassu mqanqal u tħassarhom”? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

      ŻEWĠT irġiel għomja qegħdin bil-​qiegħda fil-​ġenb tat-​triq, ftit ’il barra minn Ġeriko. Huma jiġu hawnhekk kuljum, isibu post fejn x’aktarx jgħaddu ħafna nies, u jitolbu l-​flus fil-​pubbliku. Iżda llum dawn dalwaqt se jġarrbu xi ħaġa li se tbiddlilhom ħajjithom mil-​lejl għan-​nhar.

      2 F’daqqa waħda, it-​tallaba jisimgħu għagħa sħiħa. Minħabba li ma jistgħux jaraw x’qed jiġri, wieħed minnhom jistaqsi x’inhu dan l-​eċċitament, u jintqallu: “Għaddej Ġesù n-​Nazzarenu!” Ġesù jinsab fi triqtu lejn Ġerusalemm għall-​aħħar darba. Iżda hu m’hux waħdu; hemm folol kbar taʼ nies mexjin warajh. Malli jsiru jafu min hu li għaddej, it-​tallaba jagħmlu xi ftit taʼ l-​istorbju billi jgħajtu: “Mulej, ikollok ħniena minna, Bin David!” Billi jħossuhom irrabjati, il-​folol jibdew isikktu lit-​tallaba, iżda l-​irġiel huma ddisprati. Huma ma jridux jisktu.

      3 Ġesù jisma’ l-​għajat tagħhom fost il-​ħamba tal-​folla. X’se jagħmel? Għandu ħafna affarijiet fuq moħħu u f’qalbu. Qed toqrob l-​aħħar ġimgħa tal-​ħajja tiegħu fuq l-​art. Hu jaf li f’Ġerusalemm hemm it-​tbatija u mewta kerha jistennewh. Madankollu, hu ma jinjorax l-​għajat persistenti. Jieqaf u jitlob li dawk li qed jgħajtu jinġiebu għandu. “Mulej, agħmel li jinfetħu għajnejna,” jitolbu huma bil-​ħniena. Minħabba li “ħassu mqanqal u tħassarhom,” Ġesù jmissilhom għajnejhom u huma jibdew jaraw.a Bla tnikkir, huma jibdew isegwu lil Ġesù.—Luqa 18:35-​43; Mattew 20:29-​34.

      4. Ġesù kif wettaq il-​profezija li hu kellu “jiddispjaċih għall-​batut”?

      4 Dan ma kienx l-​uniku każ. Bosta drabi u f’ħafna ċirkustanzi differenti, Ġesù kien tassew imqanqal biex juri mogħdrija. Il-​profezija Biblika bassret li hu kellu “jiddispjaċih għall-​batut.” (Salm 72:13) Tabilħaqq, Ġesù kien sensittiv għas-​sentimenti t’oħrajn. Hu ħa l-​inizjattiva biex jgħin lin-​nies. Il-​mogħdrija tiegħu kienet forza li timmotivah fl-​ippridkar tiegħu. Ejja naraw kif l-​Evanġelji jirrivelaw il-​mogħdrija tenera wara l-​kliem u l-​għemejjel taʼ Ġesù u nikkunsidraw kif aħna nistgħu nuru mogħdrija bħal din.

      Wera Konsiderazzjoni għas-​Sentimenti t’Oħrajn

      5, 6. Liema eżempji juru li Ġesù kien raġel li wera empatija?

      5 Ġesù kien raġel li kellu empatija kbira. Hu għader u ssimpatizza mas-​sentimenti taʼ dawk li kienu qed ibatu. Għalkemm hu ma ġarrabx iċ-​ċirkustanzi kollha tagħhom, hu verament ħass l-​uġigħ tagħhom f’qalbu. (Ebrej 4:15) Meta fejjaq lil waħda mara li kienet ilha tbati minn tnixxija tad-​demm għal 12-​il sena, hu ddeskriva l-​kundizzjoni tagħha bħala “marda kiefra,” u għalhekk kien jaf li kienet ikkaġunatilha ħafna niket u tbatija. (Marku 5:25-​34) Meta ra lil Marija u lil dawk li kienu qed jibku magħha minħabba l-​mewt taʼ Lazzru, hu tant kien imqanqal mid-​diqa tagħhom li ħass għafsa taʼ qalb. Għalkemm kien jaf li dalwaqt kien se jirxoxta lil Lazzru, Ġesù tant ħassu kommoss li għajnejh imtlew bid-​dmugħ.—Ġwanni 11:33, 35.

      6 F’okkażjoni oħra, wieħed marid bil-​ġdiem resaq lejn Ġesù u talbu bil-​ħniena: “Jekk trid, tista’ tnaddafni.” Ġesù, raġel perfett u li qatt ma kien marad, kif irreaġixxa? Qalbu ngħafset għall-​imġiddem. Iva, “hu ħassu mqanqal u tħassru.” (Marku 1:40-​42) Imbagħad għamel xi ħaġa straordinarja. Hu kien jaf tajjeb li l-​imġiddmin ma kinux meqjusin nodfa skond il-​Liġi u ma kellhomx jitħalltu m’oħrajn. (Levitiku 13:45, 46) Ġesù żgur li kien kapaċi jfejjaq lil dan ir-​raġel mingħajr ma jmissu. (Mattew 8:5-​13) Madankollu, għażel li jmiss lill-​imġiddem b’idu u qallu: “Irrid. Indaf.” Minnufih il-​ġdiem għab minn fuqu. X’empatija tenera wera Ġesù!

      Stampa f’paġna 154

      Uru li “tħossu għal xulxin”

      7. X’jista’ jgħinna nikkultivaw l-​empatija, u kif nistgħu nesprimu din il-​kwalità?

      7 Bħala Kristjani, aħna mħeġġin nimitaw lil Ġesù billi nuru empatija. Il-​Bibbja tħeġġiġna ‘nħossu għal xulxin.’b (1 Pietru 3:8) Jista’ ma jkunx faċli li nifhmu s-​sentimenti taʼ dawk li jbatu minn xi marda kronika jew mid-​dipressjoni—speċjalment jekk ma nkunux għaddejna minn uġigħ bħal dan personalment. Iżda ftakar li l-​empatija ma tiddependix mill-​fatt li tesperjenza l-​istess ċirkustanzi. Ġesù għader lill-​morda avolja hu nnifsu qatt ma kien marid. Mela, kif nistgħu nikkultivaw l-​empatija? Dan nagħmluh billi bis-​sabar nagħtu widen meta dawk l-​uħud li jkunu qed ibatu jiftħu qalbhom magħna u jgħidulna kif iħossuhom. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Kieku kont fis-​sitwazzjoni tagħhom, kif kont inħossni?’ (1 Korintin 12:26) Jekk inkunu iktar sensittivi għas-​sentimenti t’oħrajn, se nkunu iktar kapaċi ‘nikkonslaw lid-​dipressi.’ (1 Tessalonikin 5:14) Xi drabi, l-​empatija tista’ tiġi espressa mhux biss bil-​kliem iżda wkoll bid-​dmugħ. “Ibku maʼ min jibki,” jgħid Rumani 12:15.

      8, 9. Ġesù kif wera konsiderazzjoni għas-​sentimenti t’oħrajn?

      8 Ġesù kien juri konsiderazzjoni għal oħrajn, u kien jaġixxi b’modi li kien iqis is-​sentimenti tagħhom. Ftakar f’dakinhar li nġieb raġel trux quddiem Ġesù u li bilkemm seta’ jitkellem. Milli jidher, billi ntebaħ li dan ir-​raġel kien qed iħossu xi ftit skomdu, Ġesù għamel xi ħaġa li s-​soltu ma kienx jagħmilha meta kien ifejjaq lin-​nies: “[Lir-​raġel] ħadu waħdu lil hinn mill-​folla.” Fil-​privat u ’l bogħod minn għajnejn in-​nies, hu fejjaq lir-​raġel.—Marku 7:31-​35.

      9 Ġesù wera konsiderazzjoni simili meta n-​nies ġabulu raġel agħma u talbuh biex ifejqu. Ġesù “qabad lill-​agħma minn idu” u “ħarġu ’l barra mir-​raħal.” Imbagħad hu fejjaq lir-​raġel bil-​mod il-​mod. Dan seta’ sar sabiex jippermetti lil moħħ u lil għajnejn ir-​raġel jidraw id-​dehra li tgħammex u l-​komplessitajiet tad-​dinja taʼ madwaru mdawla bix-​xemx. (Marku 8:22-​26) X’konsiderazzjoni wera Ġesù!

      10. B’liema modi nistgħu nuru konsiderazzjoni għas-​sentimenti t’oħrajn?

      10 Bħala segwaċi taʼ Ġesù jeħtieġ li aħna nuru konsiderazzjoni għas-​sentimenti t’oħrajn. Għalhekk, aħna noqogħdu attenti għal dak li ngħidu, billi niftakru li meta nużaw ilsienna bl-​addoċċ nistgħu nweġġgħu s-​sentimenti t’oħrajn. (Proverbji 12:18; 18:21) M’għandux ikun hemm kliem iebes, kummenti taʼ tmaqdir, u sarkażmu aħrax fost il-​Kristjani, li huma sensittivi għas-​sentimenti t’oħrajn. (Efesin 4:31) Anzjani, kif tistgħu turu konsiderazzjoni għas-​sentimenti t’oħrajn? Meta tagħtu xi parir, ħawru kliemkom bil-​ġentilezza, billi żżommu d-​dinjità taʼ dak li jkun qed jismagħkom. (Galatin 6:1) Ġenituri, kif tistgħu turu konsiderazzjoni għas-​sentimenti taʼ wliedkom? Meta tagħtu d-​dixxiplina, stinkaw biex tagħmlu dan b’modi li ma joħolqux mistħija bla bżonn għal uliedkom.—Kolossin 3:21.

      Ħa l-​Inizjattiva biex Jgħin lil Oħrajn

      11, 12. Liema rakkonti mill-​Bibbja juru li Ġesù ma kellux għalfejn jintalab juri mogħdrija m’oħrajn?

      11 Ġesù wera mogħdrija m’oħrajn anki meta ma kienx jintalab jagħmel dan. Wara kollox, il-​mogħdrija mhix xi kwalità passiva iżda waħda li tqanqal lil dak li jkun biex jieħu azzjoni. Ma nistagħġbux mela li l-​mogħdrija tenera qanqlet lil Ġesù jieħu l-​inizjattiva biex jgħin lil oħrajn. Per eżempju, meta folla kbira taʼ nies baqgħet miegħu għal tlett ijiem mingħajr ikel, ħadd ma kellu jgħid lil Ġesù li n-​nies kienu bil-​ġuħ jew jissuġġerilu jagħmel xi ħaġa dwarha. Ir-​rakkont jgħid: “Ġesù sejjaħ lid-​dixxipli tiegħu u qalilhom: ‘Nitħassarhom lil dawn in-​nies, għax diġà ilhom tlett ijiem miegħi u m’għandhom xejn x’jieklu; u ma rridx nibgħathom sajmin, li ma jmurx iħosshom ħażin fit-​triq.’” Imbagħad, minn jeddu tema’ lill-​folla b’mod mirakoluż.—Mattew 15:32-​38.

      12 Ikkunsidra rakkont ieħor. Fis-​sena 31 E.K., hekk kif Ġesù beda riesaq lejn il-​belt taʼ Najn, hu lemaħ xena taʼ niket. Mill-​belt kienet ħierġa purċissjoni taʼ funeral, x’aktarx miexja lejn l-​oqbra f’ġenb t’għolja fil-​qrib, sabiex jindifen l-​“uniku iben li kellha . . . armla.” Tista’ timmaġina s-​swied taʼ qalb li ħasset din l-​omm? Fi ftit ħin ieħor kienet se tidfen lill-​uniku iben tagħha, bla ma kellha lil żewġha biex miegħu taqsam is-​sogħba tagħha. Min-​nies kollha li kien hemm fil-​purċissjoni, Ġesù ‘ra’ lill-​armla li issa spiċċat bla tfal. Dak li ra qanqlu—iva, “ħassu mqanqal u tħassarha.” Ħadd ma kellu jitolbu bil-​ħniena. Il-​mogħdrija f’qalbu qanqlitu jieħu l-​inizjattiva. Għalhekk, hu “resaq lejn il-​katalett u messu,” u mbagħad reġa’ ta l-​ħajja liż-​żagħżugħ. Imbagħad x’ġara? Ġesù ma talabx liż-​żagħżugħ biex jingħaqad mal-​folla kbira li kienet qed tivvjaġġa Miegħu. Minflok, Ġesù “tah lil ommu,” u b’hekk għamilhom familja mill-​ġdid u aċċerta li l-​armla kellha min jieħu ħsiebha.—Luqa 7:11-​15.

      Stampa f’paġna 157

      Ħu l-inizjattiva biex tgħin lil dawk fil-bżonn

      13. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù billi nieħdu l-​inizjattiva xierqa biex ngħinu lil dawk fil-​bżonn?

      13 Kif nistgħu nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù? M’għandniex xi ngħidu, aħna ma nistgħux nipprovdu l-​ikel b’mod mirakoluż jew nerġgħu nagħtu l-​ħajja lill-​mejtin. Madankollu, nistgħu nimitaw lil Ġesù billi nieħdu l-​inizjattiva biex ngħinu lil dawk fil-​bżonn. Xi ħadd minn sħabna fit-​twemmin jista’ jkun qed ibati minn telf finanzjarju kbir jew jitlef l-​impjieg tiegħu. (1 Ġwanni 3:17) Id-​dar taʼ xi armla forsi jkollha bżonn urġenti taʼ xi tiswija. (Ġakbu 1:27) Għandna mnejn inkunu nafu b’xi familja li tkun imnikkta minħabba xi mewt u li jkollha bżonn il-​faraġ jew xi għajnuna prattika. (1 Tessalonikin 5:11) F’każi taʼ bżonn ġenwin, m’għandniex għalfejn nistennew li niġu mitlubin qabel ma noffru xi għajnuna. (Proverbji 3:27) Il-​mogħdrija tqanqalna nieħdu l-​inizjattiva xierqa biex ngħinu, skond kif jippermettu ċ-​ċirkustanzi tagħna. Qatt tinsa li att sempliċi taʼ qalb tajba jew kelmtejn taʼ faraġ mill-​qalb jistgħu jkunu espressjonijiet taʼ mogħdrija li jħallu effett qawwi.—Kolossin 3:12.

      Il-​Mogħdrija Qanqlitu biex Jippriedka

      14. Ġesù għala ta prijorità lix-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba?

      14 Bħalma rajna fit-​Tieni Sezzjoni taʼ dan il-​ktieb, Ġesù ħalla eżempju li jispikka fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba. Hu qal: “Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla, . . . għax għal dan intbgħatt.” (Luqa 4:43) Hu għala ta prijorità lil dan ix-​xogħol? Primarjament minħabba l-​imħabba tiegħu għal Alla. Iżda Ġesù kellu motiv ieħor: Il-​mogħdrija mill-​qalb qanqlitu biex jissodisfa l-​bżonnijiet spiritwali t’oħrajn. Mill-​modi kollha kif hu wera mogħdrija, l-​ebda wieħed minnhom ma kien iktar importanti milli jissodisfa l-​ġuħ spiritwali t’oħrajn. Ejja neżaminaw żewġ ġrajjiet li juru kif Ġesù kien iqis lin-​nies li kien jippridkalhom. Konsiderazzjoni bħal din tista’ tgħinna nanalizzaw il-​motivi tagħna għala nieħdu sehem fil-​ministeru pubbliku.

      15, 16. Iddeskrivi żewġ ġrajjiet li juru kif Ġesù kien iqis lin-​nies li kien jippridkalhom.

      15 Fis-​sena 31 E.K., wara madwar sentejn li kien ilu jirsisti fil-​ministeru, Ġesù żied l-​isforzi tiegħu billi beda “jdur il-​bliet u l-​irħula kollha” tal-​Galilija. Dak li ra b’għajnejh messlu qalbu. L-​appostlu Mattew qal: “Malli ra l-​folol tħassarhom, għax kienu maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:35, 36) Ġesù ħass għan-​nies komuni. Hu kien tassew konxju tal-​kundizzjoni spiritwali miżerabbli tagħhom. Hu kien jaf li huma kienu trattati ħażin u injorati għalkollox proprju minn dawk l-​uħud li suppost kienu qed jirgħuhom—il-​mexxejja reliġjużi. Imqanqal minn mogħdrija profonda, Ġesù stinka biex iwassal messaġġ taʼ tama lin-​nies. Ma kien hemm xejn li kellhom bżonn iktar mill-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla.

      16 Xi ħaġa simili ġrat għadd taʼ xhur wara, madwar iż-​żmien tal-​Qbiż tas-​sena 32 E.K. F’din l-​okkażjoni, Ġesù u l-​appostli tiegħu rikbu dgħajsa u qasmu l-​Baħar tal-​Galilija biex ifittxu xi mkien għall-​kwiet fejn jistrieħu. Iżda folla nies bdiet tiġri max-​xatt u waslet in-​naħa l-​oħra qabel id-​dgħajsa. Ġesù kif irreaġixxa? “Meta ħareġ mid-​dgħajsa ra folla kbira u ħassu mqanqal u tħassarhom, għax kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. U beda jgħallimhom ħafna affarijiet.” (Marku 6:31-​34) Għal darb’oħra, Ġesù “ħassu mqanqal u tħassarhom” minħabba l-​kundizzjoni spiritwali fjakka tan-​nies. Bħal “nagħaġ mingħajr ragħaj,” huma kienu mġewħin spiritwalment u tħallew ifendu għal rashom. Il-​mogħdrija, iktar milli sempliċement sens t’obbligu, qanqlet lil Ġesù biex jippriedka.

      Stampa f’paġna 159

      Ippriedka bil-mogħdrija

      17, 18. (a) X’jimmotivana biex nieħdu sehem fil-​ministeru? (b) Kif nistgħu nikkultivaw il-​mogħdrija għal oħrajn?

      17 X’jimmotivana bħala segwaċi taʼ Ġesù biex nieħdu sehem fil-​ministeru? Bħalma rajna f’Kapitlu 9 taʼ dan il-​ktieb, aħna għandna inkarigu, responsabbiltà, biex nippridkaw u nagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19, 20; 1 Korintin 9:16) Iżda l-​motiv tagħna għala nieħdu sehem f’dan ix-​xogħol għandu jkun iktar minn sempliċi sens t’obbligu jew dmir. Iktar importanti minn hekk, l-​imħabba għal Ġeħova tqanqalna biex nippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna tiegħu. L-​ippridkar tagħna huwa motivat ukoll mill-​mogħdrija għal dawk li m’għandhomx l-​istess twemmin tagħna. (Marku 12:28-​31) Mela, kif nistgħu nikkultivaw mogħdrija għal oħrajn?

      18 Għandna bżonn inqisu lin-​nies kif kien iqishom Ġesù—“maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” Immaġina ssib ħaruf li ntilef u jinsab bla tama. Mingħajr ragħaj li jiggwidah lejn mergħat kollhom ħdura u ilma, l-​imsejken ħaruf qed imut bil-​ġuħ u bil-​għatx. Ma tħossx qalbek tingħafas għal dan il-​ħaruf? Ma tagħmilx l-​almu tiegħek biex tagħtih xi ħaġa x’jiekol u x’jixrob? Dan il-​ħaruf hu bħal ħafna nies li għadhom ma jafux l-​aħbar tajba. Injorati mir-​rgħajja reliġjużi foloz, dawn qed imutu bil-​ġuħ u bil-​għatx spiritwalment u mingħajr m’għandhom tama vera għall-​futur. Aħna għandna dak kollu li huma għandhom bżonn: l-​ikel spiritwali nutrittiv u l-​ilma frisk tal-​verità misjubin fil-​Kelma t’Alla. (Isaija 55:1, 2) Meta nirriflettu fuq il-​bżonnijiet spiritwali taʼ dawk taʼ madwarna, qalbna tingħafas għalihom. Jekk, bħal Ġesù, verament inħossu għan-​nies, se nagħmlu l-​almu tagħna biex ngħidulhom dwar it-​tama tas-​Saltna.

      19. X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu ħalli nimmotivaw lil student tal-​Bibbja li jikkwalifika biex jieħu sehem fil-​ministeru pubbliku?

      19 Kif nistgħu ngħinu lil oħrajn isegwu l-​eżempju taʼ Ġesù? Ejja ngħidu li rridu ninkuraġġixxu lil student tal-​Bibbja li jikkwalifika biex jibda jieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar pubbliku. Jew forsi rridu ngħinu lil xi ħadd inattiv jerġa’ jkollu sehem sħiħ fil-​ministeru. Kif nistgħu ngħinu lil uħud bħal dawn? Jeħtieġ li nilħqulhom qalbhom. Ftakar li Ġesù l-​ewwel ‘ħassu mqanqal u tħassar’ lin-​nies, u mbagħad għallimhom. (Marku 6:34) Mela jekk nistgħu ngħinuhom jikkultivaw il-​mogħdrija, qalbhom x’aktarx timmotivahom biex ikunu bħal Ġesù u jaqsmu l-​aħbar tajba m’oħrajn. Forsi nistaqsuhom: “Ħajtek kif inbidlet għall-​aħjar minħabba li aċċettajt il-​messaġġ tas-​Saltna? Xi ngħidu għan-​nies li għadhom ma jafux bih dan il-​messaġġ—m’għandhomx bżonnha l-​aħbar tajba? X’tista’ tagħmel biex tgħinhom?” M’għandniex xi ngħidu, l-​iktar motivazzjoni qawwija biex tieħu sehem fil-​ministeru hija l-​imħabba għal Alla u x-​xewqa li taqdih.

      20. (a) X’jinvolvi li wieħed ikun segwaċi taʼ Ġesù? (b) X’se jiġi kunsidrat fil-​kapitlu li jmiss?

      20 Li tkun segwaċi taʼ Ġesù jinvolvi iktar milli sempliċement tirripeti kliemu u timita l-​għemejjel tiegħu. Aħna għandna bżonn nikkultivaw l-​istess “attitudni mentali” li kellu hu. (Filippin 2:5) Kemm għandna għalxiex inkunu grati mela li l-​Bibbja turina l-​ħsibijiet u s-​sentimenti wara l-​kliem u l-​azzjonijiet taʼ Ġesù! Billi nsiru familjari mal-​“moħħ taʼ Kristu,” se nkunu iktar kapaċi nikkultivaw sensittività u mogħdrija mill-​qalb, u b’hekk nittrattaw lil oħrajn bil-​mod li Ġesù kien jittratta lin-​nies b’mod ġenerali. (1 Korintin 2:16) Fil-​kapitlu li jmiss, se nikkunsidraw id-​diversi modi kif Ġesù wera mħabba b’mod partikulari għas-​segwaċi tiegħu.

      a Il-​kelma Griega tradotta “ħassu mqanqal u tħassarhom” ġiet imsejħa waħda mill-​iktar kliem qawwijin fil-​lingwa Griega minħabba s-​sentiment taʼ mogħdrija. Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid li din il-​kelma tindika “mhux biss l-​empatija meta wieħed jara t-​tbatija, iżda tindika wkoll xewqa qawwija li wieħed itaffi u jneħħi t-​tbatija.”

      b L-​aġġettiv Grieg tradott “tħossu għal xulxin” letteralment ifisser “tbati ma’.”

      Int Kif Tista’ Ssegwi lil Ġesù?

      • Ġesù kif wera mogħdrija bil-​mod kif eżerċita l-​awtorità, u kif nistgħu nimitawh?—Mattew 11:28-​30.

      • Għala hu importanti li nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù billi nuru ħniena, jew mogħdrija, m’oħrajn?—Mattew 9:9-​13; 23:23.

      • Liema azzjonijiet taʼ Ġesù wrew li hu fehem is-​sentimenti t’oħrajn, u kif nistgħu nsegwu l-​eżempju tiegħu?—Luqa 7:36-​50.

      • Il-​parabbola tas-​Samaritan it-​tajjeb kif turi li l-​mogħdrija hija kwalità pożittiva, u b’liema mod nistgħu napplikaw it-​tagħlima importanti taʼ l-​istorja?—Luqa 10:29-​37.

  • “Ġesù . . . Baqa’ Jħobbhom sa l-Aħħar”
    “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
    • KAPITLU 16

      “Ġesù . . . Baqa’ Jħobbhom sa l-Aħħar”

      1, 2. Ġesù kif iqatta’ l-​aħħar lejla tiegħu maʼ l-​appostli, u dawn l-​aħħar mumenti għala huma prezzjużi għalih?

      HEKK kif jiġbor lill-​appostli tiegħu f’kamra fis-​sular taʼ fuq taʼ dar f’Ġerusalemm, Ġesù jaf li din hi l-​aħħar lejla li se jqatta’ magħhom. Wasal iż-​żmien biex imur lura għand Missieru. Fi ftit sigħat oħra, Ġesù se jiġi arrestat u l-​fidi tiegħu se tiġi mġarrba bħal qatt qabel. Madankollu, avolja kien jaf li dalwaqt se jmut, xejn ma jista’ jaljenah mill-​bżonnijiet taʼ l-​appostli.

      2 Ġesù diġà qal lill-​appostli li se jħallihom, iżda għad għandu x’jgħidilhom biex isaħħaħhom għal dak li ġej. Għalhekk, hu jqatta’ dawn l-​aħħar ftit mumenti prezzjużi jgħallimhom lezzjonijiet vitali li se jgħinuhom jibqgħu leali. Kliemu huwa fost l-​iktar kliem kordjali u intimu li qatt qalilhom. Iżda Ġesù għala huwa iktar konċernat dwar l-​appostli tiegħu milli dwaru nnifsu? Dawn l-​aħħar sigħat taʼ ħajtu li se jqatta’ magħhom għala huma daqshekk għeżież għalih? F’kelma waħda t-​tweġiba hija l-​imħabba. Imħabbtu għalihom hija kbira ħafna.

      3. Kif nafu li Ġesù ma qagħadx jistenna l-​aħħar lejla tiegħu biex juri mħabbtu għas-​segwaċi tiegħu?

      3 Għaxriet taʼ snin wara, meta introduċa r-​rakkont ispirat tiegħu dwar il-​ġrajjiet taʼ din il-​lejla, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Peress li minn qabel il-​festa tal-​Qbiż kien jaf li kienet waslet is-​siegħa tiegħu biex imur minn din id-​dinja għal għand Missieru, Ġesù, għax ħabb lil tiegħu li kienu fid-​dinja, baqa’ jħobbhom sa l-​aħħar.” (Ġwanni 13:1) Ġesù ma qagħadx jistenna dak il-​lejl biex juri mħabbtu għal dawk li kienu “tiegħu.” Matul il-​ministeru tiegħu, hu ta prova taʼ l-​imħabba li kellu għad-​dixxipli tiegħu b’diversi modi. Nagħmlu tajjeb li neżaminaw xi wħud mill-​modi li bihom wera mħabbtu, għax meta nimitawh f’dan ir-​rigward, nagħtu prova li aħna d-​dixxipli veri tiegħu.

      Wera l-​Paċenzja

      4, 5. (a) Ġesù għala kellu bżonn il-​paċenzja meta ttratta mad-​dixxipli tiegħu? (b) Ġesù kif wieġeb meta tlieta mill-​appostli tiegħu ma baqgħux għassa fil-​ġnien tal-​Ġetsemani?

      4 L-​imħabba u l-​paċenzja jmorru id f’id. “L-​imħabba tistabar fit-​tul,” jgħid l-​1 Korintin 13:4, u s-​sabar fit-​tul ifisser li nieħdu paċenzja b’xulxin. Ġesù kellu bżonn il-​paċenzja meta ttratta mad-​dixxipli tiegħu? Tabilħaqq, kellu bżonnha! Bħalma rajna f’Kapitlu 3, l-​appostli ma kinux ħfief biex jikkultivaw l-​umiltà. Diversi drabi huma argumentaw dwar min kien l-​akbar fosthom. Ġesù kif irreaġixxa? Irrabja hu u wieġeb lura bl-​herra jew bit-​tgħajjir? Le, hu rraġuna magħhom bil-​paċenzja kollha, saħansitra meta nqala’ “argument sħun” dwar din il-​kwistjoni fl-​aħħar lejla li qatta’ magħhom!—Luqa 22:24-​30; Mattew 20:20-​28; Marku 9:33-​37.

      5 Iktar tard f’dik l-​aħħar lejla, meta Ġesù mar fil-​ġnien tal-​Ġetsemani mal-​11-​il appostlu leali, il-​paċenzja tiegħu ġiet imġarrba għal darb’oħra. Billi ħalla tmienja mill-​appostli warajh, Ġesù ħa lil Pietru, Ġakbu, u Ġwanni iktar ’il ġewwa fil-​ġnien. “Ruħi mnikkta ferm, għall-​mewt,” qalilhom Ġesù. “Oqogħdu hawnhekk u ibqgħu għassa miegħi.” Hu mar ftit ’il bogħod u beda jitlob bil-​ħrara. Wara li dam jitlob ħin twil, hu mar lura ħdejn it-​tliet appostli. X’sab? Fis-​siegħa taʼ l-​akbar prova tiegħu, sab li kienu reqdin! Ċanfarhom hu talli ma baqgħux għassa? Le, bil-​paċenzja hu inkuraġġiehom. Il-​kliem ħanin tiegħu wera li kien qed jifhem it-​tensjoni li kellhom u d-​dgħjufijiet tagħhom.a Hu qal: “Naturalment, l-​ispirtu hu ħerqan imma l-​laħam dgħajjef.” Ġesù baqa’ jkun paċenzjuż dik il-​lejla, anki meta ġie u sabhom reqdin, mhux darba iżda darbtejn oħra!—Mattew 26:36-​46.

      6. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù meta nittrattaw m’oħrajn?

      6 Huwa inkuraġġanti li tara li Ġesù ma qatax qalbu mill-​appostli tiegħu. Il-​paċenzja tiegħu fl-​aħħar tat il-​frott, għaliex dawn l-​irġiel leali tgħallmu l-​importanza li jkunu umli u li jibqgħu għassa. (1 Pietru 3:8; 4:7) Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù bil-​mod kif nittrattaw m’oħrajn? L-​anzjani b’mod speċjali għandhom bżonn ikunu paċenzjużi. Uħud taʼ l-​istess twemmin jistgħu javviċinaw lil xi anzjan bil-​problemi tagħhom meta l-​anzjan innifsu jkun għajjien mejjet jew aljenat bil-​problemi tiegħu stess. Kultant, dawk li jkollhom bżonn l-​għajnuna jistgħu jdumu biex jieħdu l-​pariri. Minkejja dan, l-​anzjani bil-​paċenzja jgħallmu “bil-​ħlewwa” u ‘jittrattaw lill-​merħla b’tenerezza.’ (2 Timotju 2:24, 25; Atti 20:28, 29) Il-​ġenituri wkoll jagħmlu tajjeb li jimitaw lil Ġesù billi juru l-​paċenzja, għax kultant it-​tfal jistgħu jdumu biex ibaxxu rashom għat-​twiddib jew għall-​korrezzjoni. L-​imħabba u l-​paċenzja se jgħinu lill-​ġenituri ħalli ma jaqtgħux qalbhom fl-​isforzi tagħhom biex iħarrġu lil uliedhom. Il-​barkiet li jiġu minn paċenzja bħal din jistgħu jkunu tassew kbar.—Salm 127:3.

      Ħa Ħsieb il-​Bżonnijiet Tagħhom

      7. Ġesù b’liema modi ħa ħsieb il-​bżonnijiet fiżiċi u materjali tad-​dixxipli tiegħu?

      7 L-​imħabba tintwera bl-​għemejjel mhux egoistiċi. (1 Ġwanni 3:17, 18) Din “ma tfittixx l-​interessi tagħha.” (1 Korintin 13:5) L-​imħabba qanqlet lil Ġesù biex jieħu ħsieb il-​bżonnijiet fiżiċi u materjali tad-​dixxipli tiegħu. Hu spiss kien jaġixxi għan-​nom tagħhom saħansitra qabel ma kienu jitkellmu dwar il-​bżonnijiet tagħhom. Meta ra li kienu għajjenin, hu ssuġġerixxa li jakkumpanjawh ‘waħedhom f’post imwarrab u jistrieħu ftit.’ (Marku 6:31) Meta induna li kienu bil-​ġuħ, ħa l-​inizjattiva biex jitmagħhom—flimkien m’eluf t’oħrajn li kienu ġew biex jisimgħuh jgħallem.—Mattew 14:19, 20; 15:35-​37.

      8, 9. (a) X’jindika li Ġesù għaraf il-​bżonnijiet spiritwali tad-​dixxipli tiegħu u ssodisfahom? (b) Meta kien fuq iz-​zokk tat-​tortura, Ġesù kif wera tħassib profond għall-​ġid t’ommu?

      8 Ġesù għaraf il-​bżonnijiet spiritwali tad-​dixxipli tiegħu u ssodisfahom. (Mattew 4:4; 5:3) Fit-​tagħlim tiegħu, hu spiss kien jagħtihom attenzjoni speċjali. Il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja ngħatat b’mod speċjali għall-​benefiċċju tad-​dixxipli tiegħu. (Mattew 5:1, 2, 13-​16) Meta kien jgħallem bit-​tixbihat, “kien ikun waħdu mad-​dixxipli tiegħu, [u] lil dawn kien jispjegalhom kollox.” (Marku 4:34) Ġesù bassar li kien se jaħtar “ilsir leali u għaqli” biex ikun ċert li s-​segwaċi Tiegħu jiġu mitmugħin tajjeb spiritwalment matul l-​aħħar jiem. Dan l-​ilsir leali, magħmul minn grupp żgħir taʼ ħut Ġesù li huma midlukin bl-​ispirtu fuq l-​art, ilu jipprovdi “ikel [spiritwali] fiż-​żmien xieraq” mill-​1919 E.K. ’l hawn.—Mattew 24:45.

      9 F’jum mewtu, Ġesù wera t-​tħassib tiegħu għas-​saħħa spiritwali taʼ l-​għeżież tiegħu b’mod kommoventi. Ġib ix-​xena quddiem għajnejk. Ġesù kien fuq iz-​zokk tat-​tortura, ibati wġigħ agonizzanti. Sabiex jieħu n-​nifs, milli jidher kellu jgħolli lilu nnifsu billi jimbotta ’l fuq b’saqajh. Bla dubju dan ikkaġuna wġigħ qawwi hekk kif il-​piż taʼ ġismu ċarrat il-​ġrieħi fejn kellu l-​imsiemer f’saqajh u dahru kollu miġruħ ħakkek maz-​zokk tat-​tortura. Id-​diskors, li jinvolvi l-​kontroll tan-​nifs, żgur li kien diffiċli u taʼ wġigħ. Iżda, eżatt qabel miet, Ġesù tkellem b’mod li wera l-​imħabba kbira li kellu għal ommu, Marija. Meta ra lil Marija u lill-​appostlu Ġwanni biswitu, Ġesù, b’leħen għoli biżżejjed biex dawk li kienu preżenti jisimgħu, qal lil ommu: “Mara, ara! Ibnek!” Imbagħad lil Ġwanni qallu: “Ara! Ommok!” (Ġwanni 19:26, 27) Ġesù kien jaf li l-​appostlu leali ma kienx se jieħu ħsieb biss il-​bżonnijiet fiżiċi u materjali taʼ Marija, iżda anki s-​saħħa spiritwali tagħha.b

      Stampi f’paġni 164, 165

      Ġenituri li jimpurtahom juru paċenzja u jipprovdu għall-​bżonnijiet taʼ wliedhom

      10. Il-​ġenituri kif jistgħu jimitaw lil Ġesù hekk kif jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ wliedhom?

      10 Ġenituri li jimpurtahom isibuha taʼ benefiċċju li jirriflettu fuq l-​eżempju taʼ Ġesù. Missier li verament iħobb lill-​familja tiegħu jipprovdi għalihom materjalment. (1 Timotju 5:8) Kapijiet tal-​familja li jkunu bilanċjati u li jafu jħobbu jagħmlu l-​ħin biex kultant jistrieħu u jieħdu ftit rikreazzjoni. Iktar importanti minn hekk, il-​ġenituri Kristjani jipprovdu għall-​bżonnijiet spiritwali taʼ wliedhom. Kif? Ġenituri bħal dawn jagħmlu arranġament għal studju tal-​Bibbja tal-​familja fuq bażi regulari, u jistinkaw biex jagħmlu dawn is-​sessjonijiet taʼ studju inkuraġġanti u pjaċevoli għal uliedhom. (Dewteronomju 6:6, 7) Il-​ġenituri jgħallmu lil uliedhom bil-​kliem u bl-​eżempju li l-​ministeru huwa attività importanti u li l-​preparazzjoni u l-​attendenza għal-​laqgħat Kristjani huma parti essenzjali mir-​rutina spiritwali tagħhom.—Ebrej 10:24, 25.

      Lest li Jaħfer

      11. Ġesù x’għallimhom lis-​segwaċi tiegħu dwar il-​maħfra?

      11 Il-​maħfra hija aspett wieħed taʼ l-​imħabba. (Kolossin 3:13, 14) L-​imħabba “ma żżommx kont tal-​ħsara,” jgħid l-​1 Korintin 13:5. Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu l-​importanza tal-​maħfra diversi drabi. Hu ħeġġiġhom biex ma jaħfrux lil oħrajn “Sa seba’ darbiet, imma, Sa sebgħa u sebgħin darba”—jiġifieri, għadd taʼ drabi bla limitu. (Mattew 18:21, 22) Hu għallimhom li midneb għandu jingħata l-​maħfra jekk juri ndiema meta jiġi mwiddeb. (Luqa 17:3, 4) Madankollu, Ġesù ma kienx bħall-​Fariżej ipokriti, li kienu jgħallmu bil-​kliem biss; hu għallem ukoll bl-​eżempju. (Mattew 23:2-​4) Ejja naraw kif Ġesù wera li kien lest li jaħfer anki meta ħabib fdat iddiżappuntah.

      Stampa f’paġna 166

      12, 13. (a) Pietru b’liema mod iddiżappunta lil Ġesù fil-​lejl taʼ l-​arrest Tiegħu? (b) L-​azzjonijiet taʼ Ġesù wara l-​irxoxt tiegħu kif għamluha ċara li hu għamel iktar milli sempliċement ippriedka dwar il-​maħfra?

      12 Ġesù kellu relazzjoni mill-​qrib maʼ l-​appostlu Pietru, raġel qalbu tajba li kultant kien jaġixxi mingħajr ma jaħseb. Ġesù għaraf il-​kwalitajiet tajbin taʼ Pietru u tah privileġġi speċjali. Pietru, flimkien maʼ Ġakbu u Ġwanni, xehed personalment għal ċerti mirakli li l-​bqija tat-​12 ma rawx. (Mattew 17:1, 2; Luqa 8:49-​55) Bħalma rajna iktar kmieni, Pietru kien wieħed mill-​appostli li akkumpanjaw lil Ġesù iktar ’il ġewwa fil-​ġnien tal-​Ġetsemani fil-​lejl taʼ l-​arrest Tiegħu. Madankollu, fl-​istess lejl li Ġesù ġie tradut u arrestat, Pietru u l-​appostli l-​oħrajn abbandunaw lil Ġesù u ħarbu. Iktar tard, Pietru ta prova li kien kuraġġuż biżżejjed biex jibqa’ barra waqt li Ġesù kien għaddej ġuri illegalment. Xorta waħda, Pietru mbagħad beda jibża’ u għamel żball serju—tliet darbiet gideb u qal li lanqas biss kien jaf lil Ġesù! (Mattew 26:69-​75) Ġesù kif irreaġixxa? Int kif kont tirreaġixxi kieku ħabib mill-​qrib jiddiżappuntak b’dan il-​mod?

      13 Ġesù kien lest li jaħfer lil Pietru. Hu kien jaf li Pietru kien mifni bit-​toqol tad-​dnub tiegħu. Fil-​fatt, l-​appostlu midneb “infaqa’ jibki.” (Marku 14:72) Fil-​jum taʼ l-​irxoxt Tiegħu, Ġesù deher lil Pietru, x’aktarx biex ifarraġ u jiżgura lill-​appostlu. (Luqa 24:34; 1 Korintin 15:5) Inqas minn xahrejn wara, Ġesù onora lil Pietru billi ħallieh jieħu t-​tmexxija f’li jagħti xiehda lill-​folol f’Ġerusalemm dakinhar taʼ Pentekoste. (Atti 2:14-​40) Ejja niftakru wkoll li Ġesù ma żammx f’qalbu kontra l-​appostli bħala grupp talli abbandunawh. Għall-​kuntrarju, wara l-​irxoxt tiegħu, hu xorta sejħilhom “ħuti.” (Mattew 28:10) M’huwiex ċar li Ġesù għamel iktar milli sempliċement ippriedka dwar il-​maħfra?

      14. Għala għandna bżonn nitgħallmu naħfru lil oħrajn, u kif nistgħu nuru li aħna lesti li naħfru?

      14 Bħala dixxipli taʼ Kristu, aħna għandna bżonn nitgħallmu naħfru lil oħrajn. Għala? Kuntrarju għal Ġesù, aħna bnedmin imperfetti—bħalma huma imperfetti dawk li għandhom mnejn jidinbu kontrina. Minn żmien għal żmien, ilkoll nitfixklu fi kliemna u f’għemilna. (Rumani 3:23; Ġakbu 3:2) Meta naħfru lil oħrajn billi nuru ħniena fejn nistgħu, aħna nkunu qed nagħmluha possibbli li Alla jaħfer id-​dnubiet tagħna stess. (Marku 11:25) Mela, kif nistgħu nuru li aħna lesti li naħfru lil dawk li għandhom mnejn jidinbu kontrina? F’ħafna każi, l-​imħabba tgħinna biex id-​dnubiet u n-​nuqqasijiet żgħar t’oħrajn inħalluhom jgħaddu. (1 Pietru 4:8) Meta dawk li jonqsuna jkunu nedmin sinċerament, bħalma kien Pietru, ċertament li rridu nimitaw lil Ġesù fil-​mod li kien lest li jaħfer. Minflok ma nżommu f’qalbna, b’għaqal aħna nagħżlu li nagħlqu għajnejna għall-​offiżi. (Efesin 4:32) Billi nagħmlu hekk, inkunu qed nikkontribwixxu għall-​paċi fil-​kongregazzjoni kif ukoll għall-​paċi f’moħħna u f’qalbna stess.—1 Pietru 3:11.

      Wera l-​Fiduċja Tiegħu

      15. Ġesù għala kien jafda fid-​dixxipli tiegħu minkejja n-​nuqqasijiet li kellhom?

      15 L-​imħabba u l-​fiduċja jmorru id f’id. L-​imħabba “kollox temmen.”c (1 Korintin 13:7) Imqanqal mill-​imħabba, Ġesù wera li kien lest li jafda fid-​dixxipli tiegħu minkejja l-​imperfezzjonijiet tagħhom. Hu kellu fiduċja fihom u kien jemmen li fil-​fond taʼ qalbhom tassew kienu jħobbuh lil Ġeħova u riedu jagħmlu r-​rieda Tiegħu. Anki meta żbaljaw, Ġesù ma ddubitax il-​motivi tagħhom. Per eżempju, meta l-​appostli Ġakbu u Ġwanni milli jidher qabbdu lil ommhom titlob biex huma jkunu maġenb Ġesù fis-​Saltna tiegħu, Ġesù ma ddubitax il-​lealtà tagħhom jew neħħiehom minn appostli.—Mattew 20:20-​28.

      16, 17. Liema responsabbiltajiet iddelega Ġesù lid-​dixxipli tiegħu?

      16 Billi wera l-​fiduċja tiegħu, Ġesù ddelega diversi responsabbiltajiet lid-​dixxipli tiegħu. Fiż-​żewġ okkażjonijiet meta b’mod mirakoluż hu kattar l-​ikel u tema’ lill-​folol, hu ddelega lid-​dixxipli tiegħu r-​responsabbiltà li jqassmu l-​ikel. (Mattew 14:19; 15:36) Bi tħejjija għall-​Qbiż finali tiegħu, hu inkariga lil Pietru u lil Ġwanni biex imorru Ġerusalemm u jlestu l-​affarijiet. Huma ħadu ħsieb li jkollhom il-​ħaruf, l-​inbid, il-​ħobż bla ħmira, il-​ħxejjex morri, u affarijiet oħrajn meħtiġin. Dan ma kienx xi inkarigu li jnaqqas id-​dinjità, għax il-​Liġi Mosajka kienet titlob li ċ-​ċelebrazzjoni tal-​Qbiż issir b’mod xieraq, u Ġesù kellu jgħix fi qbil maʼ din il-​Liġi. Barra minn hekk, iktar tard dik il-​lejla, Ġesù uża l-​inbid u l-​ħobż bla ħmira bħala simboli importanti meta stabbilixxa t-​Tifkira tal-​mewt tiegħu.—Mattew 26:17-​19; Luqa 22:8, 13.

      17 Ġesù ra li huwa xieraq li jafda responsabbiltajiet saħansitra akbar f’idejn id-​dixxipli tiegħu. Kif rajna iktar kmieni, hu ddelega lil grupp żgħir mis-​segwaċi midlukin tiegħu fuq l-​art ir-​responsabbiltà importanti li jqassmu l-​ikel spiritwali. (Luqa 12:42-​44) Ftakar ukoll li hu ħalla f’idejn id-​dixxipli tiegħu l-​inkarigu importanti taʼ l-​ippridkar u taʼ li jagħmlu dixxipli. (Mattew 28:18-​20) Anki issa, għalkemm inviżibbli u qed jaħkem mis-​sema, Ġesù jafda l-​kongregazzjoni tiegħu fuq l-​art f’idejn “irġiel [kwalifikati spiritwalment] bħala għotjiet.”—Efesin 4:8, 11, 12.

      18-20. (a) Kif nistgħu nuru li nafdaw fi sħabna fit-​twemmin u nuru fiduċja fihom? (b) Kif nistgħu nimitaw il-​fatt li Ġesù kien lest li jiddelega? (ċ) X’se jiġi diskuss fil-​kapitlu li jmiss?

      18 Kif nistgħu nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù bil-​mod kif nittrattaw m’oħrajn? Il-​fiduċja u l-​fidi tagħna fi sħabna fit-​twemmin huma espressjoni taʼ mħabbitna lejhom. Ejja niftakru li l-​imħabba ma tfittixx il-​ħażin f’oħrajn, iżda t-​tajjeb. Meta ħaddieħor jiddiżappuntana, u fil-​fatt hekk jiġri minn żmien għal żmien, l-​imħabba se żżommna lura milli nkunu ħfief biex nassumu li l-​motivi tagħhom huma ħżiena. (Mattew 7:1, 2) Jekk inżommu ħarsa pożittiva lejn sħabna fit-​twemmin, se nittrattawhom b’modi li se jibnu minflok ikissru.—1 Tessalonikin 5:11.

      19 Nistgħu nimitaw lil Ġesù fil-​mod kif kien lest li jiddelega? Għal dawk li għandhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fil-​kongregazzjoni huwa taʼ benefiċċju għalihom li jiddelegaw l-​inkarigi adattati u sinifikanti lil oħrajn, u jafdawhom li se jagħmlu l-​almu tagħhom. Anzjani taʼ l-​esperjenza jistgħu għalhekk jipprovdu taħriġ neċessarju u taʼ valur għal irġiel iżgħar kwalifikati li qegħdin ‘jirsistu’ biex jgħinu fil-​kongregazzjoni. (1 Timotju 3:1; 2 Timotju 2:2) Dan it-​taħriġ huwa vitali. Hekk kif Ġeħova jkompli jkabbar l-​għadd taʼ proklamaturi tas-​Saltna, irġiel kwalifikati se jkollhom bżonn jiġu mħarrġin biex jieħdu ħsieb iż-​żjieda.—Isaija 60:22.

      20 Ġesù pprovdielna eżempju meraviljuż biex nuru mħabba lejn oħrajn. Mill-​modi kollha li bihom nistgħu nsegwuh, l-​iktar wieħed importanti hu li nimitaw l-​imħabba tiegħu. Fil-​kapitlu li jmiss, se niddiskutu l-​akbar espressjoni taʼ mħabbtu għalina—il-​fatt li kien lest li jagħti ħajtu.

      a In-​ngħas li kellhom l-​appostli ma kienx ġej biss sempliċement minn għeja fiżika. L-​istess rakkont f’​Luqa 22:45 jgħid li Ġesù “sabhom jonogħsu minħabba n-​niket.”

      b Milli jidher Marija kienet armla sa dak iż-​żmien, u wliedha l-​oħrajn probabbilment kienu għadhom ma sarux dixxipli taʼ Ġesù.—Ġwanni 7:5.

      c M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li l-​imħabba tibla’ kollox jew li min iħobb joqgħod għal kollox. Minflok, ifisser li l-​imħabba ma tikkritikax bla bżonn jew tissuspetta f’kollox. L-​imħabba m’hijiex ħafifa biex tiġġudika l-​motivi t’oħrajn jew tasal għal konklużjonijiet ħżiena dwarhom.

      Int Kif Tista’ Ssegwi lil Ġesù?

      • Għala huwa importanti li nobdu l-​parir taʼ Ġesù dwar il-​maħfra?—Mattew 6:14, 15.

      • Kif nistgħu napplikaw il-​punt fit-​tixbiha taʼ Ġesù dwar il-​bżonn li naħfru?—Mattew 18:23-​35.

      • Ġesù kif wera konsiderazzjoni għad-​dixxipli tiegħu, u kif nistgħu nimitawh?—Mattew 20:17-​19; Ġwanni 16:12.

      • Ġesù kif ħalla lil Pietru jkun jaf li Hu kellu fiduċja fih, u aħna kif nistgħu nesprimu fiduċja f’oħrajn?—Luqa 22:31, 32.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja