Mistoqsijiet mill-Qarrejja
X’bażi hemm biex jingħad li frażijiet bħal “l-uniku wieħed li għandu l-immortalità” u l-wieħed “li ebda bniedem ma ra jew jistaʼ jara” jirreferu għal Ġesù u mhux għal Alla Ġeħova?
L-appostlu Pawlu kiteb: “Din il-manifestazzjoni, is-Setgħan hieni u uniku se juriha fiż-żminijiet stabbiliti tagħha, hu s-Sultan tas-slaten u s-Sid tas-sidien, l-uniku wieħed li għandu l-immortalità, li jgħammar f’dawl li ma tistax tersaq lejh, li ebda bniedem ma ra jew jistaʼ jara.”—1 Timotju 6:15, 16.
Il-kummentaturi tal-Bibbja ġeneralment jirraġunaw u jgħidu: ‘Kif jistgħu frażijiet bħal “l-uniku wieħed li għandu l-immortalità,” “is-Setgħan . . . uniku,” u l-wieħed “li ebda bniedem ma ra jew jistaʼ jara” jippontaw lejn xi ħadd ieħor ħlief lejn Dak li jistaʼ kollox?’ Irridu nammettu li termini bħal dawn jistgħu jintużaw biex jiddeskrivu lil Ġeħova. Madankollu, il-kuntest jindika li fl-1 Timotju 6:15, 16, Pawlu kien qed jirreferi b’mod speċifiku għal Ġesù.
Fl-aħħar tal-vers 14, Pawlu jsemmi l-“manifestazzjoni tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.” (1 Timotju 6:14) Għalhekk, meta Pawlu jikteb fil-vers 15 li “din il-manifestazzjoni, is-Setgħan hieni u uniku se juriha fiż-żminijiet stabbiliti tagħha,” hu qed jirreferi għall-manifestazzjoni taʼ Ġesù, mhux t’Alla Ġeħova. Allura, min hu “s-Setgħan . . . uniku”? Jidher raġunevoli li nikkonkludu li Ġesù huwa s-Setgħan li jirreferi għalih Pawlu. Għala? Il-kuntest jagħmilha evidenti li Pawlu qed iqabbel lil Ġesù maʼ ħakkiema umani. Ġesù fil-fatt huwa, bħalma kiteb Pawlu, “Sultan tas-slaten [umani] u s-Sid tas-sidien [umani].”a Iva, meta jitqabbel magħhom, Ġesù huwa “s-Setgħan . . . uniku.” Ġesù ngħata “ħakma, ġieħ, u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien.” (Danjel 7:14) Ebda bniedem setgħan ma jistaʼ jgħid li għandu dan il-jedd!
X’jistaʼ jingħad dwar il-frażi “l-uniku wieħed li għandu l-immortalità”? Għal darb’oħra, qed isir xebh bejn Ġesù u s-slaten umani. Ebda ħakkiem uman ma jistaʼ jistqarr li ngħata l-immortalità, imma Ġesù jistaʼ. Pawlu kiteb: “Nafu li issa li ġie mqajjem mill-imwiet, Kristu ma jmutx iktar; il-mewt m’għadhiex tiddominah.” (Rumani 6:9) Għalhekk, Ġesù huwa l-ewwel wieħed li jiġi deskritt fil-Bibbja bħala li jirċievi l-għotja taʼ l-immortalità. Tabilħaqq, fiż-żmien meta kien qed jikteb Pawlu, Ġesù kien l-uniku wieħed li ngħata l-ħajja li ma tistax tinqered.
Irridu wkoll inżommu f’moħħna li kien ikun ħażin li Pawlu jgħid li Alla Ġeħova biss kellu l-immortalità, ladarba Ġesù wkoll kien immortali meta Pawlu kiteb dan il-kliem. Imma Pawlu setaʼ jgħid li Ġesù biss kien immortali meta mqabbel maʼ ħakkiema umani.
Iżjed minn hekk, huwa tassew minnu li wara l-irxoxt taʼ Ġesù u t-tlugħ tiegħu fis-sema, hu setaʼ jiġi deskritt bħala l-wieħed “li ebda bniedem ma ra jew jistaʼ jara.” Għaldaqstant, id-dixxipli midlukin tiegħu se jaraw lil Ġesù wara l-mewt tagħhom stess u wara li jiġu rxoxtati għas-sema bħala ħlejjaq spirti. (Ġwanni 17:24) Imma ebda bniedem fuq l-art ma se jara lil Ġesù fl-istat glorifikat tiegħu. Għalhekk, verament jistaʼ jingħad li minn meta Ġesù ġie rxoxtat u telaʼ s-sema “ebda bniedem” ma rah.
Huwa minnu li għall-ewwel jistaʼ jidher bħallikieku li d-deskrizzjonijiet li jinsabu fl-1 Timotju 6:15, 16 jistgħu japplikaw għal Alla. Imma l-kuntest tal-kliem taʼ Pawlu—flimkien maʼ dak li jidher ċar minn skritturi oħra—juri li Pawlu kien qed jirreferi għal Ġesù.
[Nota taʼ taħt]
a Espressjonijiet simili huma applikati għal Ġesù fl-1 Korintin 8:5, 6; Rivelazzjoni 17:12, 14; 19:16.