Int Tistaʼ Tgħix għal Dejjem
IL-MAĠĠURANZA vasta tan-nies reliġjużi fid-dinja jgħożżu l-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem f’xi forma jew oħra. Id-dettalji jistgħu jvarjaw minn reliġjon għal oħra, però, it-tama tibqaʼ bażikament l-istess—li jgħixu ferħanin f’kundizzjonijiet ideali mingħajr it-theddida tal-mewt. M’huwiex dan forsi dak li tixtieq int ukoll? Kif jistaʼ dan it-tagħlim mifrux jiġi spjegat? U qatt se jiġi realizzat il-prospett taʼ ħajja eterna?
L-Iskrittura turi li l-Ħallieq nissel fil-fond ix-xewqa għall-ħajja taʼ dejjem f’moħħ il-bniedem sa mill-bidu, miż-żmien li hu ħalaq lill-ewwel koppja umana. Il-Bibbja tgħid: “[Alla] qiegħed ukoll f’qalb ulied il-bniedem il-ħsieb taʼ l-eternità.”—Ekkleżjasti 3:11, Karm Żammit.
Madankollu, biex iwettqu dik ix-xewqa li jgħixu għal dejjem, l-ewwel koppja umana kellhom jaċċettaw l-awtorità t’Alla li jiddeċiedi dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Li kieku huma obdew, Ġeħova kien jiġġudikahom bħala li jistħoqqilhom jgħixu “għal dejjem” fid-dar li hu pprepara għalihom, il-ġnien taʼ l-Għeden.—Ġenesi 2:8; 3:22.
Il-Ħajja taʼ Dejjem Mitlufa
Ir-rakkont tal-Bibbja juri li Alla nibbet fil-ġnien “is-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin.” Hu ma ħalliex lil Adam u Eva jieklu mill-frott tagħha, inkella jmutu. (Ġenesi 2:9, 17) Li kieku żammew lura milli jieklu l-frotta, Adam u Eva kienu se juru lil Alla li huma qed jaċċettaw l-awtorità tiegħu. Mill-banda l-oħra, il-fatt li jieklu mis-siġra kien jindika li huma qed jirrifjutaw l-awtorità t’Alla. Adam u Eva m’obdewx l-istruzzjonijiet taʼ Ġeħova, u b’hekk marru man-naħa taʼ Satana, ħlejqa spirtu li rribella kontra l-awtorità t’Alla. B’riżultat taʼ dan, Alla b’mod ġust iddetermina li Adam u Eva ma kienx jistħoqqilhom jgħixu għal dejjem.—Ġenesi 3:1-6.
Dak li offra Alla kien ħajja jew mewt, eżistenza jew ineżistenza. Ir-riżultat tad-diżubbidjenza kien il-mewt u l-eżistenza tagħhom kellha tintemm għalkollox. Ma kienx possibbli għal Adam u Eva jew għal nisilhom li jibqgħu jgħixu permezz taʼ xi taħlita maġika jew xi ruħ immortali.a
In-nisel kollu taʼ Adam sofra minħabba r-ribelljoni tiegħu. Il-konsegwenzi huma spjegati mill-appostlu Pawlu. Hu kiteb: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.”—Rumani 5:12.
Il-Ħajja taʼ Dejjem Tinkiseb mill-Ġdid
L-appostlu Pawlu xebbah il-kundizzjoni tan-nisel taʼ Adam maʼ dik taʼ lsir taʼ l-ewwel seklu. Minħabba d-dnub li wirtu, ulied Adam u Eva twieldu bħala “lsiera tad-dnub,” destinati biex imutu, mingħajr ma kellhom għażla oħra. (Rumani 5:12; 6:16, 17) Ulied Adam u Eva ma kienx ikollhom għażla oħra li kieku Ġeħova ma pprovdiex rimedju legali sabiex jixtri lura l-ħelsien tagħhom. Pawlu spjega: “Bħalma b’nuqqas wieħed [dak taʼ Adam] ir-riżultat għall-bnedmin taʼ kull xorta kien il-kundanna, hekk ukoll b’att wieħed taʼ ġustifikazzjoni r-riżultat għall-bnedmin taʼ kull xorta hu li jiġu dikjarati ġusti għall-ħajja.” Dan l-“att wieħed taʼ ġustifikazzjoni” wassal biex Ġesù ssagrifika l-ħajja perfetta tiegħu “għal kulħadd bħala fidwa ekwivalenti.” Ġeħova approva l-qawwa legali tal-fidwa biex teħles lill-umanità mill-“ġudizzju” tal-“kundanna.”—Rumani 5:16, 18, 19; 1 Timotju 2:5, 6.
Dan hu għala x-xjenzati qatt m’huma se jsibu ċ-ċavetta għall-ħajja bla tmiem fil-ġenetika tal-bniedem. Iċ-ċavetta tinsab xi mkien ieħor. Skond ma tgħid il-Bibbja, il-kaġun tal-mewt tal-bnedmin huwa morali u legali, mhux bijoloġiku. Il-mezz li bih tiġi restawrata l-ħajja taʼ dejjem—is-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ġesù—huwa talba legali. Il-fidwa hija wkoll manifestazzjoni tas-sewwa t’Alla u l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu. Min sejjer allura jibbenefika mill-fidwa u jirċievi l-ħajja taʼ dejjem?
L-Għotja taʼ l-Immortalità
Alla Ġeħova hu “minn dejjem taʼ dejjem.” Huwa immortali. (Salm 90:2) L-ewwel individwu li Ġeħova tah l-għotja taʼ l-immortalità kien Ġesù Kristu. L-appostlu Pawlu jispjega: “Issa li ġie mqajjem mill-imwiet, Kristu ma jmutx iktar; il-mewt m’għadhiex tiddominah.” (Rumani 6:9) Meta jagħmel dan il-kuntrast bejn Ġesù u l-ħakkiema dinjin, Pawlu jiddeskrivih bħala l-unika wieħed fosthom li għandu l-immortalità. Ġesù se “jibqaʼ jgħix għal dejjem.” Il-ħajja tiegħu “ma tinqeridx.”—Ebrej 7:15-17, 23-25; 1 Timotju 6:15, 16.
Ġesù m’huwiex l-uniku wieħed li rċieva din l-għotja. Kristjani midlukin bl-ispirtu magħżulin biex jaħkmu bħala slaten fil-glorja tas-sema jirċievu l-istess tip taʼ rxoxt li kellu Ġesù. (Rumani 6:5) L-appostlu Ġwanni juri li dan il-privileġġ huwa mogħti lil 144,000 individwu. (Rivelazzjoni 14:1) Huma wkoll irċivew l-immortalità. Rigward l-irxoxt tagħhom, l-appostlu Pawlu qal: “Il-laħam u d-demm ma jistgħux jirtu s-saltna t’Alla . . . Għad tinstemaʼ t-trumbetta, u l-mejtin jiġu mqajmin bla taħsir, u aħna nitbiddlu. Għax jeħtieġ li dan il-ġisem li jitħassar jilbes in-nuqqas taʼ taħsir, u dan il-ġisem li jmut jilbes l-immortalità.” Il-mewt m’għandha l-ebda setgħa fuq dawk li jirċievu dan l-irxoxt.—1 Korintin 15:50-53; Rivelazzjoni 20:6.
Din ir-rivelazzjoni divina hija tabilħaqq straordinarja. Lanqas saħansitra l-anġli ma huma maħluqin immortali, minkejja li huma ħlejjaq spirti. Dan hu muri mill-fatt li dawk il-ħlejjaq spirti li ngħaqdu fir-ribelljoni taʼ Satana se jiġu meqruda. (Mattew 25:41) Mill-banda l-oħra, il-ħakkiema sħab maʼ Ġesù rċivew l-għotja taʼ l-immortalità, li hi prova tal-fiduċja li ma titħarrikx li Ġeħova għandu fil-lealtà tagħhom.
Ifisser dan li 144,000 individwu biss, numru relattivament żgħir meta tqabblu mal-biljuni taʼ bnedmin li għexu, se jgħixu għal dejjem? Le. Ejja ħalli naraw għala.
Il-Ħajja taʼ Dejjem fuq Art Magħmula Ġenna
Il-ktieb Bibliku taʼ Rivelazzjoni jippreżenta xena mill-isbaħ taʼ folla li ma tistax tgħoddha li ġiet mogħtija l-ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. Flimkien magħhom hemm dawk li kienu mietu imma li ġew irxoxtati u restawrati lura għas-saħħa li kellhom f’żgħożithom. (Rivelazzjoni 7:9; 20:12, 13; 21:3, 4) Huma qed jittieħdu lejn “xmara taʼ ilma tal-ħajja, ċar daqs il-kristall, ħierġa mit-tron t’Alla.” Fuq “kull naħa tax-xmara kien hemm siġar tal-ħajja . . . , u l-weraq tas-siġar kien għall-fejqan tal-ġnus.” B’qalb tajba, Alla Ġeħova jagħmel din l-istedina: “Kulmin hu bil-għatx ħa jiġi; u kulmin jixtieq ħa jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn.”—Rivelazzjoni 22:1, 2, 17.
Dawn is-siġar u l-ilmijiet m’humiex xi eliżir tal-ħajja jew xi funtana taż-żgħożija, bħalma fittxew għalihom l-alkemisti u l-esploraturi żmien twil ilu. Pjuttost, dawn jirrappreżentaw il-provvediment t’Alla permezz taʼ Ġesù Kristu biex jirrestawra lill-umanità fil-kundizzjoni perfetta li eżistiet oriġinalment.
L-iskop t’Alla li jagħti l-ħajja eterna fuq l-art lill-umanità ubbidjenti għadu ma nbidilx. Dan l-iskop se jiġi mwettaq, għax Ġeħova hu leali. Salm 37:29 jgħid: “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” Din il-wegħda tqanqalna, flimkien maʼ dawk li ġew mogħtijin l-immortalità fis-sema, biex niddikjaraw: “Kbar u taʼ l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, Alla Ġeħova, li Tistaʼ Kollox. Ġusti u veri triqatek, Sultan taʼ l-eternità. Min tassew ma jibżax minnek, Ġeħova, u ma jigglorifikax ismek, għax int biss leali?”—Rivelazzjoni 15:3, 4.
Tixtieq int li jkollok l-għotja prezzjuża taʼ ħajja eterna? Jekk iva, int għandek tagħti prova tal-lealtà u taʼ l-ubbidjenza tiegħek lis-“Sultan taʼ l-eternità.” Għandek bżonn titgħallem dwar Ġeħova u dwar dak il-wieħed li permezz tiegħu dan it-tip taʼ ħajja huwa possibbli, Ġesù Kristu. Dawk kollha li huma lesti li jaċċettaw il-livelli għoljin t’Alla dwar dak li hu tajjeb u ħażin se jiġu mogħtijin l-għotja taʼ “ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 17:3.
[Nota taʼ taħt]
a Għal diskussjoni dettaljata dwar it-tagħlim taʼ l-immortalità tar-ruħ, jekk jogħġbok ara l-browxer X’Jiġrilna Meta Mmutu? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 5]
Xewqa Dejjiema
L-Epika taʼ Gilgamex, leġġenda fil-Mesopotamja li tmur lura sat-tieni millennju Q.E.K., tiddeskrivi t-tfittxija t’eroj għaż-żgħożija taʼ dejjem. L-Eġizzjani tal-qedem kienu jibbalzmaw il-mejtin, bil-ħsieb li r-ruħ, li kienu jemmnu li kienet immortali, kienet tistaʼ terġaʼ tuża l-ġisem tagħha. Minħabba f’hekk, xi oqbra taʼ l-Eġizzjani kienu jimtlew b’dak kollu li l-mejjet setaʼ jiġi bżonn fl-hekk imsejħa ħajja taʼ wara.
Fost l-alkemisti Ċiniżi, it-twemmin taʼ l-immortalità tal-ġisem imur lura mill-inqas sat-tmien seklu Q.E.K., u t-twemmin fil-possibbiltà li tinkiseb permezz taʼ taħlit maġiku jmur lura sar-rabaʼ seklu Q.E.K. L-Ewropej medjevali u l-alkemisti Għarab fittxew u pprovaw iħalltu eliżir tal-ħajja. Ftit mit-taħlitiet tagħhom kienu jikkonsistu fi frak taʼ l-arseniku, il-merkurju, u l-kubrit. Min jaf kemm kienu dawk l-uħud li vvelenaw lilhom infushom meta pprovaw dan it-taħlit!
Għal xi żmien, leġġendi dwar l-hekk imsejħa Funtana taż-Żgħożija kienu komuni wkoll. Hu maħsub li din kienet xi nixxiegħa li tirrestawra s-saħħa lil dawk li jixorbu minnha.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 7]
Ħajja taʼ Dejjem—Taʼ Dwejjaq?
Xi wħud jargumentaw li l-ħajja taʼ dejjem tkun taʼ dwejjaq, sempliċement ħela taʼ ħin f’passatempi bla sens ripetuti għal dejjem. Forsi l-eternità li huma jimmaġinaw hija estensjoni bla tmiem tal-mod tal-ħajja u l-kundizzjonijiet preżenti, li għal ħafna nies jistgħu jidhru taʼ dwejjaq u bla sens. Madankollu, fil-ġenna li Alla se jirrestawra, hu jwiegħed li “bi sliem kotran jitgħaxxqu” l-bnedmin. (Salm 37:11) Ħajja bħal din se tagħti lill-umanità l-opportunità biex tikseb għarfien dwar il-ħolqien taʼ Ġeħova u tiddedika ħin biex tiżviluppa kull tip taʼ snajjaʼ, studji, jew xogħol affaxxinanti li issa nistgħu biss noħolmu bih.
It-tabib Aubrey de Grey, ġenetista fl-Università taʼ Cambridge li hu involut fir-riċerka dwar l-estensjoni tal-ħajja, osserva: “Nies li għandhom edukazzjoni tajba u l-ħin biex jużawha qatt ma jiddejqu llum u lanqas ma jistgħu jimmaġinaw li mhux se jkollhom iktar affarijiet ġodda li jixtiequ jagħmlu.” Minkejja dan, il-Kelma ispirata t’Alla tgħid li ‘l-bniedem qatt ma se jirnexxilu jikxef x’jagħmel Alla mill-bidu sat-tmiem.’—Koħèlet 3:11.