LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 9/15 pp. 23-27
  • Il-mewt, l-aħħar għadu, tinġieb fix-xejn

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-mewt, l-aħħar għadu, tinġieb fix-xejn
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • TWISSIJA TAʼ MĦABBA
  • KIF BDIET IL-​MEWT FIL-​FAMILJA UMANA
  • ID-DNUB U L-MEWT SE JINĠIEBU FIX-XEJN
  • Il-​mewt u l-​irxoxt ta’ Ġesù—X’jistgħu jfissru għalik
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Alla ħalaq l-ewwel raġel u mara
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Għala nixjieħu u mmutu?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2019
  • Ġesù Jsalvana—Kif?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 9/15 pp. 23-27
Adam u Eva mnikktin hekk kif iħarsu lejn binhom Abel li hu mejjet

Il-mewt, l-aħħar għadu, tinġieb fix-xejn

“Bħala l-aħħar għadu, il-mewt se tinġieb fix-xejn.”—1 KOR. 15:26.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Ġeħova liema kmand serju imma taʼ mħabba ta lil Adam?

  • Kif bdiet il-mewt fil-familja umana?

  • Il-mewt, l-aħħar għadu, meta se tinġieb fix-xejn?

1, 2. Fil-​bidu kif kienet il-​ħajja għal Adam u Eva, u liema mistoqsijiet iqumu?

META Adam u Eva ġew maħluqin, ma kellhom l-​ebda għadu. Kienu bnedmin perfetti u kienu jgħixu f’ġenna tal-​art. Huma gawdew relazzjoni mill-​qrib mal-​Ħallieq tagħhom bħala wliedu. (Ġen. 2:7-​9; Lq. 3:38) Alla tahom inkarigu importanti. (Aqra Ġenesi 1:28.) Kemm kellhom jgħixu biex iwettqu dan l-​inkarigu? Biex ‘jimlew l-​art u jrażżnuha’ kellhom bżonn ċertu ammont taʼ żmien, imma biex jieħdu ħsieb “kull ħliqa ħajja li titħarrek fuq l-​art,” kien se jkollhom bżonn jgħixu għal dejjem. Huma setgħu gawdew dan l-​inkarigu għall-​eternità.

2 Issa l-​affarijiet għala huma daqstant differenti? Għala għandna tant għedewwa li jridu jisirqulna l-​ferħ, l-​akbar wieħed minnhom il-​mewt? Alla kif se jeqred lil dawn l-​għedewwa? It-​tweġibiet taʼ dawn il-​mistoqsijiet insibuhom fil-​Bibbja u issa se neżaminawhom flimkien.

TWISSIJA TAʼ MĦABBA

3, 4. (a) Alla liema kmand ta lil Adam u Eva? (b) Kemm kien importanti li jobdu dan il-​kmand?

3 Għalkemm kellhom il-​prospett li jgħixu għal dejjem, Adam u Eva ma kinux immortali. Biex jibqgħu ħajjin, huma kellhom jieħdu n-​nifs, jixorbu, jorqdu, u jieklu. Iktar importanti minn hekk, ħajjithom kienet tiddependi mir-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova, is-​Sors tal-​Ħajja. (Dt. 8:3) Huma kellhom iħallu lil Ġeħova jiggwidahom biex jibqgħu jgawdu l-​ħajja. Saħansitra qabel ma ħalaq lil Eva, Ġeħova b’mod ċar qal lil Adam: “Minn kull siġra tal-​ġnien tistaʼ tiekol sakemm tixbaʼ. Imma mis-​siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin ma tistax tiekol, għax fil-​jum li tiekol minnha int żgur li tmut.”—Ġen. 2:16, 17.

4 “Is-​siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin” indikat li Alla kellu d-​dritt li jiddeċiedi x’kien tajjeb u x’kien ħażin. Adam diġà kien jifhem x’kien tajjeb u x’kien ħażin għax hu kien maħluq fix-​xbieha t’Alla u kellu kuxjenza. Is-​siġra kienet tfakkar lil Adam u Eva li huma dejjem kien se jkollhom bżonn id-​direzzjoni taʼ Ġeħova. Jekk jieklu mis-​siġra, huma jkunu qed jgħidu lil Alla, “Aħna m’għandniex bżonn ir-​regoli tiegħek.” Bħala konsegwenza serja, huma u wliedhom kienu se jmutu, sewwasew bħalma Alla kien wissiehom.

KIF BDIET IL-​MEWT FIL-​FAMILJA UMANA

5. Adam u Eva għala m’obdewx lil Ġeħova?

5 Wara li Eva ġiet maħluqa, Adam qalilha x’kien il-​kmand t’Alla. Hi kienet tafu sew u setgħet tirripetih kważi kelma b’kelma. (Ġen. 3:1-​3) Hi rripetietu lil Satana, li kien qed jitkellem permezz taʼ serp. Satana x-​Xitan ħalla x-​xewqa għall-​poter u l-​indipendenza tikber ġo fih. (Qabbel Ġakbu 1:14, 15.) Biex jilħaq l-​iskop mill-​agħar tiegħu, hu qal li Alla gideb. Hu aċċerta lil Eva li ma kinitx se tmut jekk tipprova tkun indipendenti, imma minflok kienet se ssir bħal Alla. (Ġen. 3:4, 5) Eva emmnitu, aġixxiet b’mod indipendenti billi kielet mill-​frotta, u qalet lil Adam biex jagħmel l-​istess. (Ġen. 3:6, 17) Satana kien gidbilha. (Aqra l-​1 Timotju 2:14.) Minkejja dan, Adam ‘semaʼ minn kliem martu.’ Għalkemm is-​serp setaʼ deher li kien ħabib, Satana x-​Xitan fir-​realtà kien għadu kiefer li kien jaf x’se jkunu l-​konsegwenzi fatali tal-​gidba tiegħu.

6, 7. Ġeħova kif għamel ħaqq minn Adam u Eva?

6 Kemm Adam u kemm Eva rribellaw kontra l-​Wieħed li tahom il-​ħajja u kull ħaġa li kellhom. Naturalment, Ġeħova kien konxju taʼ dak kollu li ġara. (1 Kron. 28:9; aqra Proverbji 15:3.) Hu kien ħalla lil Adam, lil Eva, u lil Satana juru kif kienu jħossuhom dwaru. Bħala Missier, żgur li Ġeħova ħassu mweġġaʼ ħafna. (Qabbel Ġenesi 6:6.) Imma bħala Mħallef, hu għamel ħaqq mill-​midinbin.

7 Alla qal lil Adam: “Fil-​jum li tiekol minnha [is-​siġra tal-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin] int żgur li tmut.” Adam għandu mnejn fehem li dan il-​“jum” kien wieħed t’24 siegħa. Wara li kiser il-​kmand t’Alla, hu setaʼ ħaseb li Ġeħova kien se jaġixxi qabel ma tinżel ix-​xemx. Imma iktar tard dakinhar, Ġeħova kellem lil Adam u Eva. (Ġen. 3:8) Bħala Mħallef ġust, hu l-​ewwel semaʼ dak li kellhom x’jgħidu. (Ġen. 3:9-​13) Imbagħad ikkundanna liż-​żewġ midinbin għall-​mewt. (Ġen. 3:14-​19) Li kieku qabad u qatilhom dakinhar, l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin kien jisfa fix-​xejn. (Is. 55:11) Għalkemm l-​effetti tad-​dnub bdew immedjatament, hu ppermetta li Adam u Eva jkollhom it-​tfal. Dawn it-​tfal setgħu jibbenefikaw minn provvedimenti oħrajn li Hu kien se jagħmel. B’hekk, mill-​ħarsa t’Alla, Adam u Eva mietu dakinhar li dinbu. U ladarba 1,000 sena huma bħal jum wieħed għal Ġeħova, huma mietu f’“jum” wieħed.—2 Pt. 3:8.

8, 9. Id-​dnub t’Adam kif effettwa d-​dixxendenti tiegħu kollha? (Ara l-​ewwel stampa.)

8 Kienu t-​tfal t’Adam u Eva se jiġu effettwati minn dak li għamlu l-​ġenituri tagħhom? Iva. Rumani 5:12 jispjega: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għax kollha dinbu.” L-​appostlu Pawlu żied jgħid: “Bid-​diżubbidjenza taʼ bniedem wieħed ħafna saru midinbin.” (Rum. 5:19) L-​ewwel bniedem li miet kien ir-​raġel leali Abel. (Ġen. 4:8) Imbagħad id-​dixxendenti l-​oħra t’Adam xjaħu u mietu. Il-​bnedmin wirtu d-​dnub u l-​mewt, żewġ għedewwa li ma jistgħux jaħarbuhom. Għalkemm ma nafux eżattament kif id-​dnub u l-​mewt għaddew fuq it-​tfal t’Adam, nistgħu naraw ir-​riżultati.

9 B’mod xieraq, il-​Bibbja tqabbel id-​dnub u l-​mewt maʼ “nisġa minsuġa fuq il-​ġnus kollha” u li qed “tgħatti lill-​popli kollha.” (Is. 25:7) L-​ebda bniedem ma jistaʼ jaħrab id-​dnub u l-​mewt. Huwa għalhekk li l-​Bibbja tgħid li “kulħadd qed imut f’Adam.” (1 Kor. 15:22) B’hekk, Pawlu staqsa l-​mistoqsija: “Min jeħlisni mill-​ġisem li qed iġarrab din il-​mewt?” (Rum. 7:24) Setaʼ xi ħadd jeħles lil Pawlu?a

ID-DNUB U L-MEWT SE JINĠIEBU FIX-XEJN

10. (a) Liema versi tal-​Bibbja juru li Ġeħova se jġib il-​mewt fix-​xejn? (b) Dawn il-​versi x’juru dwar Ġeħova u Ibnu?

10 Iva, Ġeħova setaʼ jeħles lil Pawlu. Fil-​Bibbja naqraw: “Hu jiblaʼ l-​mewt għal dejjem, u l-​Mulej Sovran Ġeħova se jimsaħ id-​dmugħ mill-​uċuħ kollha.” (Is. 25:8) Bħal missier li jneħħi l-​kaġun tat-​tbatija taʼ wliedu u jixxottalhom id-​dmugħ, hi l-​għaxqa taʼ Ġeħova li jġib il-​mewt fix-​xejn. Ġesù jaħdem id f’id miegħu. L-​1 Korintin 15:22 jgħid: “Bħalma kulħadd qed imut f’Adam, hekk ukoll kulħadd għad jingħata l-​ħajja fil-​Kristu.” B’mod simili, wara li Pawlu staqsa, “Min jeħlisni?” hu kompla: “Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu, il-​Mulej tagħna!” (Rum. 7:25) B’mod ċar, l-​imħabba li qanqlet lil Ġeħova biex joħloq lill-​bnedmin ma naqsitx meta Adam u Eva rribellaw. U l-​wieħed li għen lil Ġeħova joħloq l-​ewwel koppja baqaʼ jgħożż b’mod speċjali lid-​dixxendenti tagħhom. (Prov. 8:30, 31) Imma l-​familja umana kif kienet se tinħeles mid-​dnub u l-​mewt?

11. Ġeħova x’għamel biex jgħin lill-​bnedmin?

11 Meta Adam dineb, Ġeħova kkundannah għall-​mewt. Minħabba f’hekk, il-​bnedmin kollha wirtu l-​imperfezzjoni u l-​mewt. (Rum. 5:12, 16) Rumani 5:18 jispjega: “B’nuqqas wieħed ir-​riżultat għall-​bnedmin taʼ kull xorta kien il-​kundanna.” Ġeħova x’setaʼ jagħmel biex jgħin lill-​bnedmin mingħajr ma jinjora l-​livelli tiegħu stess? Ġesù wieġeb din il-​mistoqsija meta qal li hu kien ġie biex “jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mt. 20:28) Bħala bniedem perfett, Ġesù setaʼ jipprovdi fidwa. Din il-​fidwa kif kienet se ġġib ġustizzja?—1 Tim. 2:5, 6.

12. X’kienet il-​fidwa ekwivalenti li kienet se ġġib ġustizzja?

12 Bħala bniedem perfett, Ġesù kellu prospetti simili għal dawk li kellu Adam qabel ma dineb. L-​iskop taʼ Ġeħova kien li jimla l-​art bin-​nisel perfett t’Adam. Għalhekk, bi mħabba profonda għal Missieru u għad-​dixxendenti t’Adam, Ġesù ta l-​ħajja umana tiegħu bħala sagrifiċċju. Iva, Ġesù ta ħajja umana perfetta li kienet ekwivalenti għal dik li tilef Adam. Wara dan, Ġeħova rxoxta lil Ġesù fis-​sema bħala spirtu. (1 Pt. 3:18) Ġeħova b’ġustizzja setaʼ jaċċetta s-​sagrifiċċju taʼ dan ir-​raġel perfett, Ġesù, bħala fidwa, jew bħala l-​prezz li kellu jitħallas, biex jixtri lura lill-​familja t’Adam u jagħtihom il-​prospetti tal-​ħajja li hu kien tilef. F’ċertu sens, Ġesù ħa post Adam. Pawlu jispjega: “Saħansitra hekk hemm miktub: ‘L-​ewwel bniedem Adam sar ruħ ħajja.’ L-​aħħar Adam sar spirtu li jagħti l-​ħajja.”—1 Kor. 15:45.

Stampa taʼ Abel eżatt wara li jiġi rxoxtat

Abel, l-ewwel wieħed li miet, se jibbenefika mill-fidwa taʼ Ġesù (Ara paragrafu 13)

13. “L-​aħħar Adam” x’se jagħmel għal dawk li mietu?

13 Dalwaqt, “l-​aħħar Adam” se jagħti l-​ħajja taʼ dejjem lill-​bnedmin inġenerali. Dawn se jinkludu lill-​biċċa l-​kbira tan-​nies li mietu fil-​passat. Huma se jiġu rxoxtati, jew jerġgħu jingħataw il-​ħajja, fuq l-​art.—Ġw. 5:28, 29.

14. Kif se jkun possibbli li l-​bnedmin jinħelsu mill-​imperfezzjoni?

14 Kif se jkun possibbli li l-​bnedmin jinħelsu mill-​imperfezzjoni? Ġeħova stabbilixxa gvern fis-​sema biex iwettaq dan. Il-​ħakkiema huma Ġesù u 144,000 ruħ magħżula minn fost il-​bnedmin. (Aqra Rivelazzjoni 5:9, 10.) Peress li l-​144,000 kienu bnedmin imperfetti, se jkunu jistgħu jifhmu lis-​sudditi tagħhom. Għal elf sena, Ġesù u dawk li jaħkmu miegħu se jgħinu lill-​bnedmin isiru perfetti.—Riv. 20:6.

15, 16. (a) X’inhu “l-​aħħar għadu,” u meta se jinġieb fix-​xejn? (b) Skont l-​1 Korintin 15:28, maż-​żmien Ġesù x’se jagħmel?

15 Sat-​tmiem tal-​elf sena tal-​ħakma tas-​Saltna, il-​bnedmin ubbidjenti se jkunu ġew meħlusin mill-​għedewwa kollha, jiġifieri d-​dnub u l-​mewt, li ġew bid-​diżubbidjenza t’Adam. Il-​Bibbja tgħid: “Bħalma kulħadd qed imut f’Adam, hekk ukoll kulħadd għad jingħata l-​ħajja fil-​Kristu. Imma kull wieħed skond kif imissu: Kristu l-​ewwel frott; wara, dawk li huma tal-​Kristu [dawk li jaħkmu miegħu] matul il-​preżenza tiegħu. Imbagħad it-​tmiem, meta jgħaddi s-​saltna lil Alla tiegħu u Missieru, meta jkun ġab fix-​xejn kull gvern u kull awtorità u qawwa. Għax hu jrid isaltan sakemm Alla jkun qiegħed l-​għedewwa kollha taħt saqajh. Bħala l-​aħħar għadu, il-​mewt se tinġieb fix-​xejn.” (1 Kor. 15:22-​26) Sa fl-​aħħar, il-​mewt li writna mingħand Adam se tkun spiċċat. Din “l-​għata” li qed tifga lill-​umanità se titneħħa għal dejjem.—Is. 25:7, 8.

16 L-​appostlu Pawlu jkompli jgħid: “Meta kollox ikun ġie suġġettat għalih, imbagħad l-​Iben innifsu wkoll jissottometti ruħu lejn Dak li ssuġġettalu kollox, biex Alla jkun kollox għal kulħadd.” (1 Kor. 15:28) L-​iskop tal-​ħakma tal-​Iben se jkun intlaħaq. Imbagħad hu, b’sodisfazzjon kbir, se jagħti lura l-​awtorità tiegħu lil Ġeħova u jippreżentalu l-​familja umana perfetta.

17. X’se jiġrilu Satana?

17 X’se jiġrilu Satana, il-​wieħed li beda din il-​miżerja kollha li l-​bnedmin qed jesperjenzaw? Rivelazzjoni 20:7-​15 jagħti t-​tweġiba. Fit-​tmiem tal-​elf sena, Satana se jitħalla jipprova jqarraq bil-​bnedmin perfetti. Ix-​Xitan u dawk kollha li jsegwu t-​tmexxija tiegħu se jiġu meqrudin għal dejjem fit-​“tieni mewt.” (Riv. 21:8) Din il-​mewt qatt mhi “se tinġieb fix-​xejn” għax dawk li jmutu fit-​“tieni mewt” qatt mhu se jerġgħu jgħixu. Jekk nibqgħu leali lejn Ġeħova, m’għandniex għalfejn ninkwetaw dwar “it-​tieni mewt.”

18. Kif se jitlesta l-​inkarigu li Alla ta lil Adam?

18 Imbagħad, il-​bnedmin kollha se jkunu perfetti u approvati għalkollox minn Ġeħova biex jgħixu għal dejjem. L-​għedewwa kollha li jridu jisirqu l-​ferħ tal-​bniedem se jkunu spiċċaw. L-​inkarigu li Alla ta lil Adam se jkun tlesta mingħajru. Id-​dixxendenti tiegħu se jkollhom il-​pjaċir li jieħdu ħsieb l-​art u l-​annimali. Kemm nistgħu nkunu ferħanin li Ġeħova dalwaqt se jġib l-​aħħar għadu, il-​mewt, fix-​xejn!

a Il-​ktieb Insight on the Scriptures jgħid li meta x-​xjentisti jipprovaw isibu x’jikkawża x-​xjuħija u l-​mewt, dawn jinjoraw fatt importanti. Huma ma jirrikonoxxux li kien il-​Ħallieq li kkundanna lill-​ewwel bnedmin għall-​mewt. Minħabba f’hekk, ma jistgħux jifhmu bis-​sħiħ il-​proċess.—Vol. 2, p. 247.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja