Għala nixjieħu u mmutu?
MA KIENX l-iskop t’Alla li l-bnedmin imutu. L-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, kienu maħluqin perfetti mentalment u fiżikament u bil-possibiltà li jgħixu għal dejjem. Dan hu ċar minn dak li Ġeħova qal lil Adam rigward siġra partikolari li kien hemm fil-ġnien tal-Għeden.
“Fil-jum li tiekol minnha,” Alla qal lil Adam, “int żgur li tmut.” (Ġenesi 2:17) Dan il-kmand ma kienx jagħmel sens kieku Adam xorta kien se jixjieħ u jmut. Adam kien jaf li jekk hu ma jikolx mis-siġra, ma kienx se jmut.
MA KIENX L-ISKOP T’ALLA LI L-BNEDMIN IMUTU
Adam u Eva ma kellhomx bżonn jieklu minn dik is-siġra biex jibqgħu ħajjin. Il-ġnien kien mimli b’siġar tal-frott. (Ġenesi 2:9) Billi ma jiklux minn dik is-siġra, l-ewwel koppja kienu juru li jobdu lill-Wieħed li tahom il-ħajja. Dan kien juri wkoll li huma kienu jirrikonoxxu li Alla għandu d-dritt jgħidilhom x’għandhom jagħmlu.
GĦALA MIETU ADAM U EVA?
Biex nifhmu għala Adam u Eva mietu, hemm bżonn li neżaminaw konversazzjoni li effettwat lilna lkoll. Satana x-Xitan uża serp biex iwassal gidba malizzjuża. Ir-rakkont tal-Bibbja jgħid: “Issa s-serp kien l-iktar wieħed attent mill-bhejjem salvaġġi kollha tar-rabaʼ li kien għamel Alla Ġeħova. Għalhekk, qal lill-mara: ‘Veru li Alla qalilkom li ma tistgħux tieklu minn kull siġra tal-ġnien?’”—Ġenesi 3:1.
Għal dan, Eva wieġbet: “Mill-frott tas-siġar tal-ġnien nistgħu nieklu. Imma dwar il-frott tas-siġra li qiegħda f’nofs il-ġnien, Alla qalilna, ‘Ma tistgħux tieklu minnu, le, ma tistgħux tmissuh, inkella tmutu.’” Imbagħad is-serp qalilha: “Żgur li ma tmutux. Għax Alla jaf li fil-jum li tieklu minnu għajnejkom jinfetħu u tkunu bħal Alla, tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin.” B’hekk, Satana qal li Ġeħova kien giddieb u li kien qed iżomm lura milli jagħti xi ħaġa tajba lill-ewwel ġenituri tagħna.—Ġenesi 3:2-5.
Eva emmnet dak li semgħet. Hi baqgħet tħares lejn is-siġra. Kienet tidher tant sabiħa, tant mixtieqa. Hi ħadet mill-frott u bdiet tiekol minnu. Imbagħad il-Bibbja tgħid: “U wara, meta żewġha kien magħha, tatu minnu wkoll u beda jieklu.”—Ġenesi 3:6.
Alla qal lil Adam: “Fil-jum li tiekol minnha int żgur li tmut.”—ĠENESI 2:17
Min jaf kemm tnikket Alla meta l-ulied maħbubin tiegħu għażlu li ma jobduhx! X’għamel hu? Lil Adam, Ġeħova qallu: “[Int] terġaʼ lura lejn l-art, għax minnha kont meħud. Għax trab int u trab terġaʼ ssir.” (Ġenesi 3:17-19) Infatti, “il-jiem kollha li għex Adam kienu disaʼ mija u tletin sena; u miet.” (Ġenesi 5:5) Adam ma marx is-sema jew f’xi qasam tal-ispirti ieħor. Hu ma kienx jeżisti qabel Ġeħova ħalqu mit-trab tal-art. Allura meta miet, hu ġie bla ħajja bħat-trab li minnu kien ġie maħluq. Hu ma baqax jeżisti. X’ħasra!
IR-RAĠUNI GĦALA M’AĦNIEX PERFETTI
Minħabba li m’obdewx apposta, Adam u Eva tilfu l-perfezzjoni u t-tama li jgħixu għal dejjem. Huma esperjenzaw bidla fiżika; saru imperfetti u midinbin. Imma d-dnub tad-diżubbidjenza tagħhom m’affettwax lilhom biss. Din il-kundizzjoni midinba għaddewha lin-nisel tagħhom. Rumani 5:12 jgħid: “Permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.”
Il-Bibbja tiddeskrivi d-dnub u l-mewt bħala “l-għata li qed tgħatti lill-popli kollha, u n-nisġa minsuġa fuq il-ġnus kollha.” (Isaija 25:7) Din l-għata li tgħatti lill-bnedmin hi bħal ċpar velenuż li ħadd ma jistaʼ jiskansah. Tabilħaqq, “kulħadd qed imut f’Adam.” (1 Korintin 15:22) Il-mistoqsija li tqum, bħalma saqsa l-appostlu Pawlu, hi: “Min jeħlisni mill-ġisem li qed iġarrab din il-mewt?” Jistaʼ xi ħadd?—Rumani 7:24.