Għalfejn Tistudjaha l-Bibbja?
BILL kien żagħżugħ, atletiku, edukat, u kien tat-tajjeb. Però, xorta ma kienx kuntent. Ħajtu ma kien fiha ebda skop, u dan kien jinkwetah ferm. Hu beda jistudja dwar reliġjonijiet differenti biex jipprova jsib x’inhu l-iskop tal-ħajja, imma kollu għalxejn. Fl-1991 iltaqaʼ maʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah li ħallielu ktieb li kien jiddiskuti dak li tgħid il-Bibbja dwar l-iskop tal-ħajja. Saru arranġamenti biex jinbeda studju tal-Bibbja ħalli Bill ikun jistaʼ jiddiskuti dan is-suġġett u suġġetti oħra.
Bill jiftakar: “Għamilna l-ewwel studju u minħabba li rreferejna l-ħin kollu għall-Bibbja, irrealizzajt li sibt dak li kont qed infittex. It-tweġibiet mill-Bibbja tant kienu eċċitanti! Wara dak l-istudju, soqt sa fuq il-muntanji, u ħriġt mit-trakk tiegħi, u bdejt ngħajjat bil-ferħ li kelli. Ħassejtni ntir bil-ferħ li sa fl-aħħar kont sibt it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tiegħi.”
M’għandniex xi ngħidu, mhux kulmin isib il-verità tal-Bibbja jibda jgħajjat letteralment bil-ferħ. Però ħafna jsibu li meta jsiru jafu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet importanti tal-ħajja, għalihom din tkun verament esperjenza taʼ ferħ. Iħossuhom bħal dak ir-raġel fil-parabbola taʼ Ġesù li skopra teżor moħbi f’għalqa. Ġesù qal: “[Hu] kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.”—Mattew 13:44.
Il-Qofol għal Ħajja Mimlija Skop
Bill kien ilu moħħu jberren dwar mistoqsija bażika, X’inhu l-iskop tal-ħajja? Il-filosfi, it-teoloġi, u x-xjenzati ilhom millennji sħaħ jissieltu biex jipprovaw iwieġbu din il-mistoqsija. Individwi kitbu volumi sħaħ biex jipprovaw iwiġbuha. L-isforzi tagħhom kienu għalxejn, u ħafna waslu għall-konklużjoni li m’hemmx tweġiba għal din il-mistoqsija. Iżda, tweġiba hemm! Għalkemm hija profonda, m’hijiex komplikata. Din tiġi spjegata fil-Bibbja. Il-qofol taʼ ħajja ferħana u mimlija skop hu dan: Irid ikollna relazzjoni tajba maʼ Jehovah, il-Ħallieq tagħna u Missierna tas-sema. Din kif nistgħu niksbuha?
Hemm żewġ aspetti kif nistgħu nersqu qrib lejn Alla, li forsi mad-daqqa t’għajn jidhru li huma kontradittorji. Dawk li jersqu qrib lejh iridu jibżgħu minnu u fl-istess ħin iħobbuh. Ejja nikkunsidraw żewġ skritturi li jappoġġaw din l-istqarrija. Żmien twil ilu, l-għaref Sultan Salamun għamel studju bir-reqqa dwar il-bniedem u dak li skopra niżżlu bil-miktub fil-ktieb Bibliku taʼ Koħèlet, jew Ekkleżjasti. Hu ġabar fil-qosor dak li osserva u kiteb: “Il-konklużjoni, wara li kollox instamaʼ, hi: Ibżaʼ minn Alla u ħares il-kmandamenti tiegħu: għax dan hu d-dmir taʼ kull bniedem.” (Ekkleżjasti 12:13, Karm Żammit, korsiv tagħna.) Sekli wara, meta lil Ġesù staqsewh liema kien l-akbar kmandament fil-Liġi li ngħatat lil Mosè, hu weġibhom: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.” (Mattew 22:37, korsiv tagħna.) Tinstemaʼ daqsxejn stramba li trid tibżaʼ minn Alla u fl-istess ħin trid tħobbu? Ejja naraw x’importanza għandhom il-biżaʼ u l-imħabba u kif dawn jaħdmu id f’id biex wieħed jistaʼ jkollu relazzjoni sodisfaċenti m’Alla.
Xi Jfisser li Jkollok il-Biżaʼ minn Alla
Biżaʼ muri b’rispett kbir huwa essenzjali jekk irridu nqimu lil Alla kif jogħġob lilu. Il-Bibbja tgħid: “Il-bidu taʼ l-għerf hu l-biżaʼ tal-Mulej.” (Salm 111:10) L-appostlu Pawlu kiteb: “Ejjew inkomplu jkollna qalb tajba mhix mistħoqqa, li permezz tagħha nistgħu b’mod aċċettabbli nagħtu lil Alla servizz sagru bil-biżaʼ minn Alla u riverenza profonda.” (Lhud 12:28, NW) Bl-istess mod, anġlu jittajjar fl-għoli tas-sema, li l-appostlu Ġwanni ra fil-viżjoni, beda l-proklama tiegħu taʼ l-aħbar tajba bil-kelmiet: “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja.”—Apokalissi 14:6, 7.
Dan il-biżaʼ minn Alla, li tant hu essenzjali biex wieħed ikollu ħajja mimlija skop, m’huwiex l-istess bħal dak il-biżaʼ li jġagħalna nħossuna mwerwrin u mdejqin. Dan jiġri meta niġu mheddin minn xi kriminal perikoluż! Imma l-biżaʼ minn Alla hu riverenza profonda lejn il-Ħallieq. Jinvolvi wkoll biżaʼ bnin li jġagħalna noqogħdu attenti li ma noffendux lil Alla għaliex hu l-Imħallef Suprem u Dak li jistaʼ kollox, li għandu kemm il-qawwa u kemm l-awtorità li jikkastiga lil dawk li ma jobdux.
Il-Biżaʼ u l-Imħabba Jimxu Id f’Id
Madankollu, Jehovah ma jridx li n-nies jaqduh biss għax iħossu riverenza profonda lejh. Jehovah jispikka l-iktar bħala Alla taʼ mħabba. L-appostlu Ġwanni ġie mqanqal biex jikteb: “Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) Alla Jehovah ttratta b’imħabba kbira mal-bnedmin, u jrid li n-nies iwieġbu għal imħabbtu billi jħobbuh huma wkoll. Iżda, din l-imħabba kif timxi id f’id mal-biżaʼ minn Alla? Fil-fatt waħda tikkomplimenta lill-oħra. Is-salmista kiteb: “Midħla l-Mulej taʼ dawk li jibżgħu minnu.”—Salm 25:14.
Immaġina r-rispett u r-riverenza profonda li tifel żgħir ikollu għal missieru li f’għajnejh ikun jidher tant b’saħħtu u għaref. Fl-istess ħin, dan it-tifel jaf kemm iħobbu missieru u hu jħobbu wkoll. It-tifel jafdah lil missieru u jmur għandu għall-pariri, għax jaf li l-gwida tiegħu hija taʼ ġid għalih. Bl-istess mod, jekk inħobbu lil Jehovah u jkollna l-biżaʼ tiegħu, aħna se nobdu d-direzzjonijiet li jagħtina u dan se jkun taʼ ġid għalina. Innota Jehovah xi jgħid dwar l-Iżraelin: “M’hux li kien ikollhom dan il-ħsieb, li jibżgħu minni, u jħarsu kull ma nordnalhom għal ħajjithom kollha, [sabiex] ikollhom ir-riżq, huma u wliedhom, għal dejjem.”—Dewteronomju 5:29.
Iva, il-biżaʼ minn Alla mhux se jwassalna għall-jasar imma għall-ħelsien, mhux għan-niket imma għall-ferħ. Isaija pprofetizza dan dwar Ġesù: “L-għaxqa tiegħu fil-biżaʼ tal-Mulej.” (Isaija 11:3) U s-salmista kiteb: “Hieni l-bniedem li jibżaʼ mill-Mulej, li jitgħaxxaq ħafna bil-kmandamenti tiegħu.”—Salm 112:1.
Ovvjament, jekk ma nkunux nafuh lil Alla la nistgħu nibżgħu minnu u lanqas inħobbuh. Din hi r-raġuni għala l-istudju tal-Bibbja hu daqshekk importanti. Studju bħal dan se jgħinna nifhmu l-personalità t’Alla u napprezzaw kemm hu għaqli li nsegwu d-direzzjonijiet tiegħu. Hekk kif nersqu eqreb lejn Alla, inkunu rridu nagħmlu r-rieda tiegħu u niġu motivati biex nobdu l-kmandamenti tiegħu, għax nafu li dan se jkun taʼ ġid għalina.—1 Ġwann 5:3.
Kemm tħossok kuntent meta tkun taf li qiegħed fit-triq it-tajba! Hekk iħossu Bill, li ssemma fil-bidu taʼ l-artiklu. M’ilux wisq hu qal: “Fid-disaʼ snin li għaddew mindu kelli l-ewwel studju tal-Bibbja, ir-relazzjoni tiegħi maʼ Jehovah tant kibret. Dik l-għajta taʼ ferħ li għajjatt fil-bidu saret verament ħajja mimlija ferħ. Issa sirt inħares lejn il-ħajja b’mod ottimist. Jien ninsab medhi f’attività sinifikanti, u mhux fil-ġiri bla skop wara l-pjaċiri. Jehovah sar persuna reali għalija, u naf li hu jħobbni u jixtieqli l-ġid.”
Fl-artiklu li jmiss, se nkomplu naraw kif l-għarfien dwar Jehovah jġib ferħ u benefiċċji lil dawk li japplikawh f’ħajjithom.
[Kumment f’paġna 5]
Min jersaq lejn Alla mhux iħobbu biss irid imma wkoll jibżaʼ minnu
[Stampa f’paġna 6]
Ġesù kien hieni li jibżaʼ minn Jehovah