LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 6/15 pp. 8-11
  • Naqdu fi Grupp taʼ Lingwa Unika fil-Korea

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Naqdu fi Grupp taʼ Lingwa Unika fil-Korea
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Bidu Żgħir
  • Iż-​Żgħażagħ Joffru Lilhom Infushom minn Rajhom
  • Naħdmu mat-​Torox
  • Għoti taʼ Xiehda Informali Jagħti l-​Frott
  • Id-​Determinazzjoni Tiġi Premjata
  • Traduzzjoni għat-​Torox
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 6/15 pp. 8-11

Naqdu fi Grupp taʼ Lingwa Unika fil-​Korea

GRUPP taʼ nies mimlijin entużjażmu imma pjuttost kwieti ltaqgħu flimkien għal konvenzjoni distrettwali tax-​Xhieda taʼ Jehovah fis-​sajf taʼ l-​1997. Din kienet l-​ewwel konvenzjoni tat-​tip tagħha fil-​Korea għan-​nies torox u dawk neqsin mis-​smigħ. L-​attendenza laħqet quċċata taʼ 1,174 ruħ. Il-​programm kollu kemm hu—inkluż it-​taħditiet, l-​intervisti, u d-​drama—ġie preżentat bil-​Lingwa tas-​Sinjali Koreana u muri fuq skrin kbir li setaʼ jidher minn kull naħa tas-​sala taʼ l-​Assemblea. Din il-​quċċata kienet ir-​riżultat taʼ ħafna snin taʼ xogħol iebes minn għadd kbir taʼ volontieri.

Għad jasal iż-​żmien f’art magħmula ġenna meta se “jinfetħu widnejn it-​torox.” (Isaija 35:5) Sabiex tinkiseb il-​ħajja f’dik il-​Ġenna, kulħadd, inkluż dawk neqsin mis-​smigħ, irid l-​ewwel jidħol fil-​ġenna spiritwali, il-​kundizzjoni spiritwali prosperuża tan-​nies imberkin minn Alla. Huma jridu jsiru Xhieda dedikati u mgħammdin taʼ Jehovah, u jiġu mgħallmin minnu.—Mikea 4:​1-4.

Bidu Żgħir

Għalkemm fis-​snin 60 tas-​seklu l-​ieħor kien sar xi ppridkar fost dawk neqsin mis-​smigħ, ma kienx qabel is-​snin 70 li xi wħud minnhom bdew jattendu l-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Seoul, il-​kapitali tal-​Korea. Wieħed ħu Kristjan li kien jaf jikteb bil-​ħeffa uża blackboard biex jikteb il-​punti prinċipali tat-​taħditiet, inkluż l-​iskritturi li ntużaw.

Fl-1971 fil-​belt taʼ Taejon, wieħed mix-​Xhieda li kellu ibnu trux beda jgħallmu, flimkien maʼ ħbiebu li wkoll kienu torox, dwar il-​messaġġ tas-​Saltna. Minn dan il-​grupp ħarġu diversi individwi żelużi li llum huma t’appoġġ kbir fil-​qasam tal-​lingwa tas-​sinjali.—Żakkarija 4:​10.

Iż-​Żgħażagħ Joffru Lilhom Infushom minn Rajhom

Sabiex ikun possibbli li nies neqsin mis-​smigħ jieħdu l-​għarfien dwar Jehovah u Ġesù u b’hekk jidħlu fit-​triq tal-​ħajja, jeħtieġ li jsir sforz kbir minn volontieri oħra. (Ġwann 17:3) Għal dan l-​għan, numru mhux ħażin mix-​Xhieda taʼ Jehovah tgħallmu l-​lingwa tas-​sinjali u ġew imberkin b’esperjenzi sbieħ li tant saħħewhom.

Park In-​sun, li kellu 15-il sena, għamel mira li jitgħallem il-​lingwa tas-​sinjali. Biex jagħmel dan, hu sar apprendist f’fabbrika li fiha kienu jaħdmu 20 individwu li kienu neqsin mis-​smigħ. Għal tmien xhur sħaħ hu ħadem mill-​qrib magħhom sabiex jitgħallem il-​lingwa u l-​mod kif jaħsbu dawn in-​nies torox. Is-​sena taʼ wara, hu beda jaqdi bħala pijunier regulari, jew proklamatur full-time tas-​Saltna, u ħadem maʼ grupp taʼ nies neqsin mis-​smigħ li kienu interessati fil-​verità tal-​Bibbja. Il-​grupp malajr żdied, u f’qasir żmien attendew iktar minn 35 persuna għal-​laqgħat taʼ nhar taʼ Ħadd.—Salm 110:​3, Karm Żammit.

Minn dakinhar, għall-​ewwel darba f’Seoul, tħejjew il-​laqgħat Kristjani fil-​lingwa tas-​sinjali. Ħuna Park In-​sun qeda bħala pijunier speċjali f’dan il-​grupp li dejjem qed jiżdied. Issa hu kien sar jafha tajjeb il-​lingwa tas-​sinjali. F’ċerti xhur, hu kien qed jikkonduċi 28 studju tal-​Bibbja maʼ nies neqsin mis-​smigħ. Ħafna minnhom għamlu progress u saru Xhieda taʼ Jehovah.

B’riżultat taʼ l-​attività kbira f’dan ix-​xogħol volontarju, f’Ottubru taʼ l-​1976 ġiet ifformata l-​ewwel kongregazzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali f’Seoul, li kellha 40 pubblikatur u 2 pijunieri regulari. Dan ta spinta lill-​attività fi bliet oħra fil-​Korea. Ħafna nies neqsin mis-​smigħ kienu bil-​ġuħ għall-​aħbar tajba u kienu qed jistennew li xi ħadd iżurhom.

Naħdmu mat-​Torox

Għandek mnejn tgħid bejnek u bejn ruħek, ‘Kif irnexxielhom isibu lil dawn in-​nies neqsin mis-​smigħ?’ Ħafna minnhom ġew kuntattjati għax xi ħaddieħor bagħatna għandhom. Barra minn hekk, il-​propjetarji tal-​ħwienet tar-​ross ġew avviċinati, u dawn taw l-​ismijiet u l-​indirizzi taʼ nies li kienu neqsin mis-​smigħ. Xi uffiċċji governattivi għenu wkoll billi pprovdew informazzjoni bħal din. It-​territorju fejn joqogħdu t-​torox inħadem b’reqqa kbira u dan l-​isforz tant irnexxa li maż-​żmien ġew ifformati erbaʼ kongregazzjonijiet tal-​lingwa tas-​sinjali. Bosta żgħażagħ Kristjani ġew inkuraġġiti biex jitgħallmu l-​lingwa tas-​sinjali.

Xi pijunieri speċjali li kienu tgħallmu l-​lingwa tas-​sinjali ntbagħtu mill-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah biex jaħdmu mal-​kongregazzjonijiet. Dan l-​aħħar, xi gradwati taʼ l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali ntbagħtu f’dawn il-​kongregazzjonijiet u saħħewhom spiritwalment.

Hemm xi diffikultajiet li jridu jiġu megħlubin. Biex taqdi f’dan territorju trid tagħmel sforz ħalli tifhem id-​drawwiet u l-​mod kif jaħsbuha dawn in-​nies neqsin mis-​smigħ. Dawn huma nies sinċieri kemm fil-​ħsieb kif ukoll fl-​għemil. Kultant, dan jixxokkja lil xi ħadd u forsi anki joħloq nuqqas taʼ ftehim. Barra minn hekk, meta x-​Xhieda jagħmlu xi studju tal-​Bibbja maʼ nies neqsin mis-​smigħ, ikollhom bżonn jgħinuhom jitgħallmu iktar il-​lingwa tagħhom stess u jinkuraġġuhom biex jaqraw u jistudjaw iktar.

Fl-attivitajiet tagħhom taʼ kuljum, in-​nies neqsin mis-​smigħ iħabbtu wiċċhom maʼ ħafna diffikultajiet li nies oħra ma jafux bihom. Taʼ spiss, isibuha diffiċli ħafna biex jikkomunikaw f’xi uffiċċju tal-​gvern u xi faċilità għall-​kura tas-​saħħa kif ukoll biex sempliċement jixtru xi ħaġa. Peress li Xhieda minn kongregazzjonijiet fil-​qrib bi mħabba offrew l-​għajnuna tagħhom, in-​nies neqsin mis-​smigħ fil-​kongregazzjoni Kristjana ħassewhom parti minn fratellanza vera.—Ġwann 13:​34, 35.

Għoti taʼ Xiehda Informali Jagħti l-​Frott

F’Pusan, belt kbira fin-​nofsinhar tal-​Korea fejn hemm il-​port, kien hemm Xhud taʼ Jehovah li ltaqaʼ maʼ tnejn li kienu torox, u dawn kitbu fuq biċċa karta: “Aħna togħġobna l-​Ġenna. Nixtiequ nkunu nafu l-​iskritturi li jitkellmu dwar il-​ħajja taʼ dejjem.” Dan il-​ħu ħa l-​indirizz tagħhom u rranġa biex iżurhom. Meta mar għandhom sab kamra mimlija nies neqsin mis-​smigħ jistennewh biex jisimgħu l-​messaġġ tas-​Saltna. Din l-​esperjenza qanqlitu biex jibda jitgħallem il-​lingwa tas-​sinjali. Ma damitx ma ġiet ifformata kongregazzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali f’Pusan.

Wieħed ħu minn din il-​kongregazzjoni nnota li żewġ persuni torox bdew jitkellmu bis-​sinjali u mar fuqhom. Skopra li kienu għadhom ġejjin minn laqgħa reliġjuża, għalhekk hu stidinhom biex imorru fis-​Sala tas-​Saltna fis-​sagħtejn taʼ wara nofsinhar dakinhar stess. Huma marru, u nbeda studju tal-​Bibbja magħhom. Ftit wara, it-​2 li huma attendew il-​konvenzjoni distrettwali maʼ 20 mill-​ħbieb tagħhom li huma wkoll neqsin mis-​smigħ. Minn dak il-​grupp, hemm diversi wħud li ddedikaw ħajjithom lil Jehovah. Tnejn saru anzjani tal-​kongregazzjoni u wieħed qaddej ministerjali fil-​kongregazzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali.

Id-​Determinazzjoni Tiġi Premjata

Peress li xi nies neqsin mis-​smigħ joqogħdu ’l bogħod minn dawn il-​kongregazzjonijiet tal-​lingwa tas-​sinjali, spiss ikun meħtieġ sforz kbir u determinazzjoni biex jiġu provduti b’ikel spiritwali mill-​Bibbja regolarment. Per eżempju, raġel taʼ 31 sena kien jaqlaʼ l-​għajxien bħala sajjied fuq gżira. Hu sar jaf bil-​messaġġ tal-​Bibbja mingħand ħuh iż-​żgħir, li kien ġie kuntattjat mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Biex jagħmel sforz ħalli jissodisfa l-​ġuħ spiritwali tiegħu, dan is-​sajjied nieqes mis-​smigħ ivvjaġġa sittax-il kilometru bid-​dgħajsa għall-​Belt taʼ Tongyoung, mal-​kosta tan-​nofsinhar tal-​Korea. Dan għamlu sabiex jiltaqaʼ maʼ pijunier speċjali mill-​kongregazzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali li tinsab fil-​Belt taʼ Masan. Kull nhar taʼ Tnejn, dan il-​pijunier speċjali kien jivvjaġġa 65 kilometru sempliċement biex jikkonduċi studju tal-​Bibbja maʼ dan is-​sajjied nieqes mis-​smigħ.

Biex jattendi l-​laqgħa tal-​Ħadd fil-​Belt taʼ Masan, dan listudent tal-​Bibbja trux kien ikollu jivvjaġġa 16-il kilometru bid-​dgħajsa u mbagħad jaqbad karozza tal-​linja u jivvjaġġa 65 kilometru ieħor. Id-​determinazzjoni tiegħu tat il-​frott. Fi ftit xhur, tjieb fil-​lingwa tas-​sinjali, tgħallem iktar l-​alfabet Korean, u—l-​iktar ħaġa importanti—tgħallem dwar l-​uniku mod kif jistaʼ jibni relazzjoni maʼ Jehovah. Minħabba li rrealizza l-​importanza tal-​laqgħat u x-​xandir regulari, hu mar joqgħod fit-​territorju tal-​kongregazzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali. Kien dan faċli għalih? Dażgur li le. Hu kellu jitlaq l-​impjieg bħala sajjied li minnu kien idaħħal maʼ l-​Lm1,551 fix-​xahar, iżda d-​determinazzjoni tiegħu ġiet premjata. Wara li għamel progress fil-​verità, tgħammed, u issa jinsab ferħan jaqdi lil Jehovah mal-​familja tiegħu.

Traduzzjoni għat-​Torox

L-​aħbar tajba tas-​Saltna ġeneralment tingħata bil-​fomm. Madankollu, biex il-​messaġġ tal-​Kelma t’Alla jingħata b’iktar eżattezza, hemm bżonn li t-​tagħlim tal-​Bibbja jiġi preżentat b’mezz iktar permanenti. Kien għalhekk li fl-​ewwel seklu nkitbu kotba u ittri minn irġiel ixjeħ taʼ l-​esperjenza. (Atti 15:​22-31; Efesin 3:4; Kolossin 1:2; 4:16) Fi żmienna, ġie provdut abbundanza taʼ ikel spiritwali permezz taʼ kotba u pubblikazzjonijiet Kristjani oħra. Dawn ġew tradotti b’mijiet taʼ lingwi, inkluż diversi lingwi tas-​sinjali. Biex dawn jistgħu jiġu tradotti bil-​Lingwa tas-​Sinjali Koreana, fl-​uffiċċju tal-​fergħa hemm dipartiment tat-​traduzzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali. Dipartiment tal-​vidjos jipproduċi vidjos bil-​lingwa tas-​sinjali. Dan jipprovdi nutriment spiritwali għall-​proklamaturi u dawk interessati neqsin mis-​smigħ li jinsabu fid-​diversi kongregazzjonijiet madwar il-​Korea.

Għalkemm hemm ħafna li tgħallmu jikkomunikaw tajjeb bil-​lingwa tas-​sinjali u għenu biex isiru vidjos apposta, xorta waħda l-​aqwa tradutturi huma t-​tfal li l-​ġenituri tagħhom huma neqsin mis-​smigħ. Dawn tgħallmu l-​lingwa tas-​sinjali minn ċkunithom. Huma mhux talli jagħmlu s-​sinjali b’eżattezza imma talli permezz tal-​ġesti u l-​espressjoni taʼ wiċċhom jittrasmettu dak li jġagħalhom iħossu l-​messaġġ u jenfasizzawh biex b’hekk jilħqu l-​moħħ kif ukoll il-​qalb taʼ dak li jkun.

Kif ġie notat, il-​konvenzjonijiet u l-​assembleat bil-​lingwa tas-​sinjali fil-​Korea issa qed jinżammu fuq bażi regulari. Dan jirrikjedi ħafna xogħol, sforz, u spejjeż. Madankollu, dawk li jattendu japprezzaw dan l-​arranġament. Wara li jispiċċaw dawn il-​laqgħat, ħafna jibqgħu hemm biex ikomplu jgawdu s-​sħubija inkuraġġanti u joqogħdu jitkellmu dwar l-​ikel spiritwali mill-​aqwa li jkun ġie provdut. Huwa minnu li dawk li jaqdu f’dan il-​grupp uniku jiffaċċjaw sfidi kbar, imma l-​barkiet spiritwali jpattu sew għalihom.

[Stampa f’paġna 10]

Il-​vidjos bil-​lingwa tas-​sinjali li saru fil-​Korea: “Alla X’Jirrikjedi Minna?,” “Napprezzaw il-​Wirt Spiritwali Tagħna,” “Eżempji taʼ Twissija għal Żmienna,” u “Irrispetta l-​Awtorità taʼ Jehovah”

[Stampi f’paġna 10]

Minn taħt skond l-​arloġġ: Vidjo bil-​lingwa tas-​sinjali qed jiġi prodott fil-​fergħa tal-​Korea; qed jiġu preparati s-​sinjali għal termini teokratiċi; grupp taʼ tradutturi tal-​lingwa tas-​sinjali; suġġerimenti lil dak li jkun qed jitkellem bis-​sinjali waqt il-​produzzjoni taʼ vidjo

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja