Imita Lil Jehovah, Alla Tagħna li Hu Imparzjali
“Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ.”—Rumani 2:11.
1, 2. (a) X’kien l-iskop taʼ Jehovah għall-Kangħanin in ġenerali? (b) Jehovah x’għamel, u dan x’mistoqsijiet iqajjem?
IKKAMPJATI fil-Wita taʼ Mowab fl-1473 Q.E.K., l-Iżraelin jinsabu attenti jisimgħu lil Mosè. Kien hemm sfida lesta għalihom in-naħa l-oħra tax-Xmara Ġordan. Mosè ddikjara l-iskop taʼ Jehovah li Iżrael jeqred lis-sebaʼ ġnus b’saħħithom taʼ Kangħan fl-Art Imwiegħda. Kemm kien rassiguranti l-kliem taʼ Mosè: “Il-Mulej, Alla tiegħek, ikun irħiehom f’idejk, u int tkun għelibthom”! Iżrael ma kellu jikkonkludi ebda patt magħhom, u dawn il-ġnus ma kienx jixirqilhom min iħenn għalihom.—Dewteronomju 1:1; 7:1, 2.
2 Madankollu, Jehovah ħeles lil familja waħda mill-ewwel belt li attakka Iżrael. Nies minn erbaʼ rħula oħra wkoll ġew protetti minn Alla. Dan għala? X’jgħallmuna dwar Jehovah il-ġrajjiet straordinarji konnessi mas-salvazzjoni taʼ dawn il-Kangħanin? U kif nistgħu nimitawh?
Kif Irreaġixxew Meta Semgħu X’Għamel Jehovah
3, 4. L-aħbarijiet dwar ir-rebħiet taʼ l-Iżraelin kif effettwaw lil xi individwi f’Kangħan?
3 Matul l-40 sena li l-poplu taʼ Iżrael għamel fix-xagħri qabel ma daħal fl-Art Imwiegħda, Jehovah ipproteġieh u ġġieled għalih. Fin-nofsinhar taʼ l-Art Imwiegħda, Iżrael iffaċċja s-sultan Għarad tal-Kangħanin. Bl-għajnuna taʼ Jehovah l-Iżraelin għelbuh flimkien man-nies tiegħu f’Ħorma. (Numri 21:1-3) Iktar tard, Iżrael dar madwar iċ-ċentru t’Edom u vvjaġġa lejn it-tramuntana, jiġifieri lejn il-grigal tal-Baħar il-Mejjet. F’dawn l-inħawi, li qabel kienu abitati minn Mowab, issa kien hemm l-Amurrin. Is-sultan Amurri Siħon ma riedx iħalli lil Iżrael jgħaddi mit-territorju tiegħu. Kien hemm battalja f’Ġaħaż, milli jidher fit-tramuntana tal-wied t’Arnon, fejn inqatel Siħon. (Numri 21:23, 24; Dewteronomju 2:30-33) Iktar lejn it-tramuntana, Għog kien jaħkem fuq xi Amurrin oħra f’Basan. Għalkemm Għog kien ġgant, hu ma setaʼ bl-ebda mod jirbaħ lil Jehovah. Għog inqatel f’Edregħi. (Numri 21:33-35; Dewteronomju 3:1-3, 11) L-aħbar taʼ dawn ir-rebħiet flimkien maʼ l-istejjer dwar l-Eżodu taʼ Iżrael mill-Eġittu kellhom effett qawwi fuq dawk li kienu jgħixu f’Kangħan.a
4 Għall-ewwel, meta l-Iżraelin daħlu f’Kangħan wara li qasmu l-Ġordan, huma kkampjaw f’Gilgal. (Ġożwè 4:9-19) Mhux ’il bogħod minnhom kien hemm il-belt fortifikata taʼ Ġeriko. Dak li Raħab il-Kangħanija semgħet dwar l-għemejjel taʼ Jehovah qanqalha biex taġixxi bil-fidi. Minħabba f’hekk, meta Jehovah qered lil Ġeriko, hu skansa kemm lilha kif ukoll lil dawk f’darha.—Ġożwè 2:1-13; 6:17, 18; Ġakbu 2:25.
5. X’qanqal lill-Gibgħonin biex jinqdew bil-ħażen taʼ moħħhom?
5 Imbagħad, Iżrael telaʼ mill-pjanuri taʼ ħdejn ix-xmara lejn l-għoljiet f’nofs ir-reġjun. Waqt li segwa d-direzzjoni taʼ Jehovah, Ġożwè uża t-tattika biex jonsob il-belt taʼ Għaj. (Ġożwè kapitlu 8) L-aħbar dwar il-qerda li ġiet wara qanqlet lil ħafna mis-slaten taʼ Kangħan biex jingħaqdu flimkien għall-gwerra. (Ġożwè 9:1, 2) Il-Ħiwwin, l-abitanti tal-belt fil-qrib taʼ Gibgħon irreaġixxew b’mod differenti. Huma minn jeddhom “inqdew bil-ħażen taʼ moħħhom” jgħid Ġożwè 9:4. Bħal Raħab, huma kienu semgħu bil-mod kif Jehovah ħeles lill-poplu tiegħu fl-Eżodu u meta għeleb lil Siħon u Għog. (Ġożwè 9:6-10) Il-Gibgħonin irrealizzaw li kien ikun kollu għalxejn li jipprovaw jirreżistuhom. Mela, għan-nom taʼ Gibgħon u taʼ tlett ibliet fil-qrib—Kefira, Birot, u Kirjat-ġegħarim—huma bagħtu għand Ġożwè f’Gilgal delegazzjoni taʼ nies li għamlu taʼ bir-ruħhom li ġejjin minn art fil-bogħod. Il-pjan irnexxa. Ġożwè kkonkluda patt magħhom li assigurahom li kienu se jsalvaw. Tlett ijiem wara, Ġożwè u l-Iżraelin saru jafu li kienu ġew ingannati. Iżda, huma kienu ħalfu b’Jehovah biex iżommu dan il-patt u għalhekk żammewh. (Ġożwè 9:16-19) Jehovah approvah dan?
6. Jehovah kif irreaġixxa għall-patt li Ġożwè kkonkluda mal-Gibgħonin?
6 Il-Gibgħonin tħallew jaqtgħu l-injam u jġorru l-ilma għall-Iżraelin, saħansitra “għall-artal tal-Mulej” fit-tabernaklu. (Ġożwè 9:21-27) Iktar minn hekk, meta ħames slaten Amurrin u l-armati tagħhom heddu lill-Gibgħonin, Jehovah daħal għalihom b’mod mirakoluż. Kien hemm iktar uħud mill-għadu li nqatlu b’ġebel tas-silġ li waqaʼ mis-smewwiet milli dawk li nqatlu mit-truppi taʼ Ġożwè. Jehovah saħansitra wieġeb it-talba taʼ Ġożwè biex ix-xemx u l-qamar jibqgħu weqfin ħalli l-għadu jinqered kompletament. “Qatt ma kien hemm jum bħalu, la qabel u lanqas wara, li fih il-Mulej samaʼ mill-kelma taʼ bniedem; għax il-Mulej kien jitqabad għal Iżrael.”—Ġożwè 10:1-14.
7. Liema verità li għaraf Pietru ntweriet fil-każ taʼ ċerti Kangħanin?
7 Raħab, il-Kangħanija, flimkien mal-familja tagħha, kif ukoll il-Gibgħonin, beżgħu minn Jehovah u ħadu l-passi meħtieġa. Dak li ġara lilhom juri eżatt kemm hu minnu l-kliem li qal iktar tard l-appostlu Pietru: “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa.”—Atti 10:34, 35.
Kif Jehovah Ittratta m’Abraham u maʼ Iżrael
8, 9. L-imparzjalità taʼ Jehovah kif tidher mill-mod kif ittratta lil Abraham u lill-ġens taʼ Iżrael?
8 Id-dixxiplu Ġakbu ġibed l-attenzjoni lejn il-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla fil-mod kif Hu ttratta lil Abraham u lil nislu. Kienet il-fidi t’Abraham, u mhux in-nazzjonalità tiegħu, li għamlitu l-“ħabib taʼ Alla.” (Ġakbu 2:23) Il-fidi u l-imħabba li Abraham kellu għal Jehovah ġabu barka fuq id-dixxendenti tiegħu. (2 Kronaki 20:7) Jehovah wiegħed lil Abraham: “Jien imbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar.” Iżda innota l-wegħda fil-vers li jmiss: “Jitbierku b’nislek il-ġnus kollha taʼ l-art.”—Ġenesi 22:17, 18; Rumani 4:1-8.
9 Mhux talli Jehovah ma kienx parzjali, imma talli bil-mod kif hu ttratta lil Iżrael wera x’jistaʼ jagħmel għal dawk li jobduh. Dawn huma eżempji taʼ kif Jehovah wera l-imħabba leali mal-qaddejja leali tiegħu. Għalkemm Iżrael kien il-“propjetà speċjali” taʼ Jehovah, dan ma jfissirx li popli oħra ma setgħux jibbenefikaw mir-rieda tajba t’Alla. (Eżodu 19:5, NW; Dewteronomju 7:6-8) Huwa minnu li Jehovah xtara lura lil Iżrael mill-jasar fl-Eġittu u minħabba f’hekk iddikjara: “Mir-razez kollha taʼ l-art ma ridt naf b’ħadd ħliefkom.” Imma permezz tal-profeta Għamos u profeti oħrajn, Jehovah wiegħed ukoll prospett meraviljuż lin-nies tal-“ġnus kollha.”—Għamos 3:2; 9:11, 12; Isaija 2:2-4.
Ġesù, l-Għalliem Imparzjali
10. Ġesù kif imita lil Missieru meta wera l-imparzjalità?
10 Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù, li hu x-xbieha eżatta taʼ Missieru, imita l-imparzjalità taʼ Jehovah. (Lhud 1:3) L-iktar ħaġa importanti għalih dak iż-żmien kienet li jsib in-“nagħaġ li ntilfu mid-dar taʼ Iżrael.” Madankollu, hu ma qagħadx lura milli jagħti xiehda lil waħda mara Samaritana ħdejn bir. (Mattew 15:24; Ġwann 4:7-30) Hu wkoll għamel miraklu, meta uffiċjal taʼ l-armata, li milli jidher ma kienx Lhudi, talbu l-għajnuna. (Luqa 7:1-10) Din kienet xi ħaġa oħra minbarra li bl-azzjonijiet tiegħu wera mħabbtu għan-nies t’Alla. Id-dixxipli taʼ Ġesù wkoll ippridkaw maʼ kullimkien. Beda jidher ċar li l-attitudni u mhux in-nazzjonalità kienet il-bażi biex dak li jkun jiġi mbierek minn Jehovah. Individwi umlin u taʼ qalb onesta li kienu bil-ġuħ għall-verità wieġbu għall-aħbar tajba tas-Saltna. Għall-kuntrarju, dawk li kienu jaħsbu li huma xi ħaġa u li kienu kburin stmerrew lil Ġesù u l-messaġġ tiegħu. “Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok.” (Luqa 10:21) Meta nittrattaw lil oħrajn fuq il-bażi taʼ l-imħabba u l-fidi, aħna naġixxu bl-imparzjalità, għaliex nafu li Jehovah hekk jieħu pjaċir.
11. Kif kienet tintwera l-imparzjalità fil-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu?
11 Fil-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu, il-Lhud u dawk li ma kinux Lhud kienu ndaqs. “Glorja u ġieħ u sliem għal kull min jagħmel it-tajjeb, l-ewwel għal-Lhud, u mbagħad għall-Griegi. Għax Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ!”b (Rumani 2:10, 11) Dak li ddetermina jekk kellhomx jibbenefikaw mill-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah ma kienx in-nazzjonalità iżda l-mod kif huma rreaġixxew meta tgħallmu dwar Jehovah u l-prospetti li offritilhom il-fidwa taʼ Ibnu, Ġesù. (Ġwann 3:16, 36) Pawlu kiteb: “Mhux dak li jidher li hu Lhudi minn barra hu Lhudi, lanqas min għandu ġismu ċirkonċiż; il-Lhudi veru hu dak li hu Lhudi minn ġewwa; iċ-ċirkonċiżjoni vera hi dik tal-qalb, opra taʼ l-ispirtu u mhux tal-Liġi miktuba.” Bl-użu taʼ kliem li jinvolvi t-terminu “Lhudi” (li jfisser “taʼ Ġuda,” jiġifieri, mgħolli jew imfaħħar), Pawlu żied: “Bniedem bħal dan, mhux il-bnedmin ifaħħruh, imma Alla.” (Rumani 2:28, 29) Jehovah ifaħħar lil kulħadd mingħajr parzjalità. Hekk nagħmlu aħna?
12. Apokalissi 7:9 liema prospett joffri, u lil min?
12 Iktar tard, f’viżjoni, l-appostlu Ġwanni ra l-Kristjani midlukin leali ffigurati bħala l-ġens spiritwali tal-144,000, “issiġillati . . . minn kull tribù taʼ wlied Iżrael.” Wara dan, Ġwanni lemaħ “kotra kbira . . . minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f’idejhom.” (Apokalissi 7:4, 9) Għalhekk, ebda nazzjonalità jew lingwa m’hija eskluża mill-kongregazzjoni Kristjana taʼ llum. Individwi minn kull ambjent għandhom il-prospett li jsalvaw “mit-taħbit il-kbir” li ġej u jixorbu mill-“ilmijiet taʼ l-għejun tal-ħajja” fid-dinja l-ġdida.—Apokalissi 7:14-17.
Effetti Pożittivi
13-15. (a) Kif nistgħu negħlbu d-differenzi razzjali u kulturali? (b) Semmi eżempji tal-benefiċċji li jiġu meta nkunu dħulin.
13 Jehovah jafna sew, daqskemm missier tajjeb jaf sew lil uliedu. Bl-istess mod, meta nibdew nifhmu lil oħrajn billi nieħdu interess fil-kultura u t-trobbija tagħhom, id-differenzi li jkun hemm isiru insinifikanti. Id-differenzi taʼ bejn in-nazzjonalitajiet jisparixxu, u r-rabta tal-ħbiberija u l-imħabba jissaħħu. L-għaqda se tikber. (1 Korintin 9:19-23) Dan jidher sew fl-attività tal-missjunarji li jaqdu f’inkarigi barra pajjiżhom. Huma jieħdu interess fin-nies li jgħixu hemm, u bħala riżultat, il-missjunarji malajr isibu li jsiru parti mill-kongregazzjonijiet lokali.—Filippin 2:4.
14 L-effetti pożittivi taʼ li nkunu imparzjali qed jispikkaw ferm f’ħafna pajjiżi. Aklilu, li ġej mill-Etjopja, ħassu waħdu fil-kapitali tal-Britannja, Londra. Hu beda jħossu iktar u iktar waħdu minħabba li n-nies in ġenerali ma tantx kienu dħulin maʼ individwi minn pajjiżi barranin, xi ħaġa li tinħass f’ħafna bliet kbar taʼ l-Ewropa taʼ żmienna. Kemm ħassu differenti Aklilu meta attenda laqgħa Kristjana fis-Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Jehovah! Dawk li kienu hemm laqgħuh, u ma tantx dam biex beda jħossu komdu. Malajr għamel progress u żied l-apprezzament tiegħu għall-Ħallieq. Ftit wara beda jfittex opportunitajiet biex jaqsam l-aħbar tajba tas-Saltna m’oħrajn f’dan id-distrett. Fil-fatt, darba minnhom dak li kien qed jakkumpanja lil Aklilu fl-ippridkar staqsieh dwar x’miri kellu issa fil-ħajja, u Aklilu mill-ewwel wieġbu li kien qed jittama li xi darba jkun parti minn kongregazzjoni tal-lingwa tiegħu, l-Amariku. Meta l-anzjani tal-kongregazzjoni lokali taʼ l-Ingliż saru jafu b’dan, huma bil-ferħ għamlu l-arranġamenti għal taħdita pubblika mill-Bibbja bil-lingwa oriġinali t’Aklilu. L-istedina li saret biex uħud jattendu ġabet għadd kbir taʼ stranġieri u nies lokali flimkien biex jappoġġaw l-ewwel laqgħa pubblika bl-Amariku fil-Britannja. Illum, l-Etjopjani u oħrajn f’dan il-post huma magħqudin f’kongregazzjoni li sejra tajjeb ħafna. Ħafna minnhom sabu li xejn ma jistaʼ jwaqqafhom milli jieħdu waqfa għal Jehovah u jissimbolizzaw dan bil-magħmudija Kristjana.—Atti 8:26-36.
15 Il-karatteristiċi u t-trobbija jvarjaw. M’hijiex kwistjoni taʼ li xi ħadd ikun superjuri jew inferjuri; hija sempliċement li wieħed ikun differenti. Meta kienu qed jaraw il-magħmudija taʼ qaddejja dedikati ġodda taʼ Jehovah fil-gżira taʼ Malta, il-ferħ mimli entużjażmu tax-Xhieda lokali kkumplimenta l-biki taʼ ferħ tal-viżitaturi mill-Britannja. Kemm il-Maltin u kemm l-Ingliżi esprimew is-sentimenti tagħhom iżda b’modi differenti, u l-imħabba kbira tagħhom għal Jehovah saħħet ir-rabta tas-sħubija Kristjana.—Salm 133:1; Kolossin 3:14.
Negħlbu l-Preġudizzju
16-18. Semmi esperjenza li turi kif il-preġudizzju jistaʼ jingħeleb fil-kongregazzjoni Kristjana.
16 Hekk kif l-imħabba tagħna għal Jehovah u għal ħutna l-Kristjani tkompli tikber, nistgħu nimitaw iktar mill-qrib lil Jehovah fil-mod kif hu jqis lill-oħrajn. Kwalunkwe preġudizzju li setaʼ kellna xi darba lejn ċerti nazzjonalitajiet, razez, jew kulturi jistgħu jingħelbu. Per eżempju, ejja nieħdu l-eżempju t’Albert li kien jaqdi fl-Armata Ingliża matul it-Tieni Gwerra Dinjija u li nqabad mill-Ġappuniżi meta ħadu lil Singapor taħt idejhom fl-1942. Wara dan, hu għamel xi tliet snin jaħdem fil-“linji tal-ferrovija li jwasslu għall-mewt,” ħdejn dak li sar magħruf bħala l-pont fuq ix-xmara Kwai. Meta nħeles fl-aħħar tal-gwerra, hu kien jiżen 32 kilo, kellu x-xedaq u mnieħru miksurin, u kien qed ibati mid-disenterija, il-ħżież, u l-malarja. Eluf minn sħabu l-priġunieri spiċċaw ħafna agħar minnu; ħafna minnhom lanqas biss salvaw. Minħabba l-moħqrija li Albert kien ra u għadda minnha, hu mar lura d-dar fl-1945 bħala raġel kollu mibegħda, li la ried jaf b’Alla u lanqas bir-reliġjon.
17 Irene, il-mara t’Albert, saret waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Biex jikkuntentaha, Albert attenda xi ftit laqgħat tal-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah. Paul, żagħżugħ Kristjan u ministru full-time, żar lil Albert biex jistudja l-Bibbja miegħu. Albert malajr irrealizza li Jehovah iħares lejn l-individwi skond il-kundizzjoni taʼ qalbhom. Hu ddedika ħajtu lil Jehovah u tgħammed.
18 Paul iktar tard mar jgħix Londra, tgħallem il-Ġappuniż, u beda jissieħeb maʼ kongregazzjoni tal-Ġappuniż. Meta ssuġġerixxa li jieħu lil xi Xhieda Ġappuniżi li kienu qed iżuruhom fil-kongregazzjoni li kellu qabel, l-aħwa t’hemmhekk ftakru fil-preġudizzju qawwi li Albert kellu għan-nies taʼ dik in-nazzjonalità. Mindu Albert kien reġaʼ mar lura l-Britannja, hu kien evita li jiġi wiċċ imbwiċċ maʼ kulmin hu Ġappuniż, għalhekk l-aħwa bdew jitħassbu kif kien se jirreaġixxi f’din is-sitwazzjoni. Ma kellhomx għalfejn jinkwetaw—Albert ma setax jilqaʼ lill-viżitaturi b’iktar affezzjoni milli laqagħhom.—1 Pietru 3:8, 9.
“Iftħu Qalbkom Beraħ”
19. Liema parir taʼ l-appostlu Pawlu jistaʼ jgħinna jekk għandna xi tendenza li nuru l-parzjalità?
19 “M’hux sewwa tħares lejn l-uċuħ,” kiteb is-Sultan għaref Salamun. (Proverbji 28:21) Huwa faċli li nħossuna qrib taʼ dawk li nafu sew. Madankollu, kultant għandna t-tendenza li ftit li xejn nieħdu interess f’dawk li ma nafuhomx sew. Din il-parzjalità ma tixraqx lil min hu qaddej taʼ Jehovah. M’hemm ebda dubju li nagħmlu tajjeb jekk insegwu l-parir ċar taʼ Pawlu biex ‘niftħu qalbna beraħ’—iva, niftħu qalbna beraħ fl-imħabba tagħna għall-Kristjani sħabna li jkollhom trobbija differenti.—2 Korintin 6:13.
20. F’liema aspetti taʼ ħajjitna għandna nimitaw lil Jehovah, l-Alla imparzjali tagħna?
20 Sew jekk għandna l-privileġġ tas-sejħa tas-sema u sew jekk għandna l-prospett li ngħixu għal dejjem fuq l-art, il-fatt li nkunu imparzjali se jgħinna ngawdu l-għaqda taʼ merħla waħda, Ragħaj wieħed. (Efesin 4:4, 5, 16) Jekk nistinkaw biex nimitaw lil Jehovah, l-Alla imparzjali tagħna, se niġu megħjunin fil-ministeru Kristjan tagħna, fil-familja tagħna, u fil-kongregazzjonijiet, tabilħaqq, fl-aspetti kollha tal-ħajja. Dan kif? L-artiklu li jmiss se jitkellem dwar dan is-suġġett.
[Noti taʼ taħt]
a Dak li għamel Jehovah iktar tard sar is-suġġett t’għanijiet qaddisa.—Salm 135:8-11; 136:11-20.
b Hawnhekk, l-espressjoni “Griegi” tirreferi għall-Ġentili in ġenerali.—Insight on the Scriptures, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah, l-Ewwel Volum, paġna 1004.
Int Kif Twieġeb?
• Jehovah kif wera li m’huwiex parzjali fil-każ taʼ Raħab u l-Gibgħonin?
• Ġesù kif wera li kien imparzjali fit-tagħlim tiegħu?
• X’jistaʼ jgħinna negħlbu kwalunkwe preġudizzju fil-kultura u r-razza?
[Stampa f’paġna 13]
Tibda l-konkwista taʼ Iżrael fuq Kangħan
[Stampa f’paġna 15]
Ġesù ma qagħadx lura milli jagħti xiehda lil waħda mara Samaritana
[Stampa f’paġna 16]
Laqgħa pubblika bl-Amariku fil-Britannja
[Stampa f’paġna 16]
L-imħabba t’Albert għal Jehovah għenitu jegħleb il-preġudizzju