LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 8/15 pp. 27-32
  • “Ħa jithennew il-ħafna gżejjer”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ħa jithennew il-ħafna gżejjer”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • MISSJUNARJI FIL-​GŻEJJER TAL-​PAĊIFIKU
  • XOGĦOL TAʼ TRADUZZJONI BIEX TIĠI MGĦALLMA L-​VERITÀ
  • INKARIGI OĦRA
  • DEĊIŻJONIJIET IMPORTANTI ĦAFNA
  • Ġrajja Sinjifikanti Għal Dawk Li Jħobbu l-Kelma t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • In-New World Translation Apprezzata minn Miljuni fid-Dinja Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ġeħova, l-Alla li jikkomunika
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Traduzzjoni tal-Bibbja li hi faċli biex tinftiehem u li hi taʼ benefiċċju
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 8/15 pp. 27-32

BIJOGRAFIJA

“Ħa jithennew il-​ħafna gżejjer”

Kif rakkontata minn Geoffrey Jackson

Qatt ma se ninsa dak il-​jum fi Brooklyn. Kont qed nistenna fil-​kamra tal-​konferenza tal-​Ġemgħa li Tiggverna m’aħwa rġiel oħra minn partijiet differenti tad-​dinja. Konna qed nistennew biex jidħol il-​Kumitat tal-​Kitba. Konna se nippreżentaw xi soluzzjonijiet għall-​problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom it-​tradutturi, u konna xi ftit eċċitati. Kien it-​22 taʼ Mejju tas-​sena 2000. Imma din il-​laqgħa għala kienet daqstant importanti? Qabel ma nispjega, ħa ngħidilkom ftit dwari.

Mappa turi l-Awstralja, it-Tasmanja, Tuvalu, Samoa, u Fiġi

Tgħammidt fi Queensland, qdejt bħala pijunier fit-Tasmanja, u qdejt bħala missjunarju f’Tuvalu, f’Samoa, u f’Fiġi

JIEN twelidt fl-​istat taʼ Queensland, l-​Awstralja, fl-​1955. Ftit wara dan, ommi, Estelle, bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Tgħammdet sena wara, u missieri, Ron, ġie fil-​verità 13-​il sena wara. Jien tgħammidt fl-​1968, fl-​inħawi iżolati taʼ Queensland.

Minn mindu kont għadni daqsxejn taʼ tifel, kont inħobb il-​kotba u l-​lingwi. Kull meta jien u l-​ġenituri konna nagħmlu vjaġġi bil-​karozza, jien kont noqgħod fuq wara tal-​karozza naqra xi ktieb. Il-​ġenituri tiegħi abbli ħassewhom frustrati għax ma kontx qed inħares lejn il-​veduta. Imma l-​fatt li kont inħobb naqra għenni mmur tajjeb fl-​iskola. U saħansitra rbaħt diversi premjijiet waqt li kont fl-​iskola sekondarja fil-​belt taʼ Glenorchy, fil-​gżira tat-​Tasmanja.

Matul dak iż-​żmien, kelli nieħu deċiżjoni importanti. Kont se naċċetta scholarship biex immur l-​università? Għalkemm kont inħobb naqra u nħobb nitgħallem, jien grat li ommi kienet għallmitni biex inħobb lil Ġeħova iktar minn kull persuna jew ħaġa oħra. (1 Korintin 3:18, 19) Għalhekk, bl-​approvazzjoni tal-​ġenituri tiegħi, iddeċidejt li malli nispiċċa l-​edukazzjoni bażika, kont se nitlaq mill-​iskola u nibda naqdi bħala pijunier. Dan għamiltu f’Jannar tal-​1971, meta kelli 15-​il sena.

Għal tmien snin, jiġifieri sal-​1978, kelli l-​privileġġ li naqdi bħala pijunier fit-​Tasmanja. Matul dak iż-​żmien, iżżewwiġt mara mill-​isbaħ mit-​Tasmanja, Jenny Alcock. Għal erbaʼ snin, qdejna flimkien bħala pijunieri speċjali fil-​bliet iżolati taʼ Smithton u Queenstown.

MISSJUNARJI FIL-​GŻEJJER TAL-​PAĊIFIKU

Fl-​1978, jien u marti vvjaġġajna sa Port Moresby, il-​Papwa Ginea Ġdida, biex nattendu konvenzjoni internazzjonali. Għadni niftakarni nismaʼ lil missjunarju jagħti taħdita bil-​lingwa Hiri Motu. Għalkemm ma stajtx nifhem x’kien qed jgħid, nibtet fija x-​xewqa li jien ukoll insir missjunarju, nitgħallem lingwa oħra, u nkun nistaʼ ninkuraġġixxi lill-​aħwa billi nagħti taħdita bil-​lingwa tagħhom. Fl-​aħħar, indunajt kif stajt nuża l-​imħabba tiegħi għal-​lingwa biex naqdi lil Ġeħova.

Meta morna lura d-​dar, tistaʼ timmaġina kif bqajna mbellhin li konna ġejna mistidnin naqdu bħala missjunarji. F’Jannar tal-​1979 wasalna fuq il-​gżira taʼ Funafuti, f’Tuvalu. Tliet pubblikaturi mgħammdin oħra biss kien hemm f’Tuvalu kollu.

Geoffrey u Jenny Jackson f’Tuvalu

Maʼ Jenny f’Tuvalu

Ma kienx faċli li nitgħallem it-​Tuvaluan, il-​lingwa mitkellma f’Tuvalu. L-​uniku ktieb li kien jeżisti b’dik il-​lingwa kien it-​“Testment il-​Ġdid.” Ma kien hemm l-​ebda dizzjunarju u lanqas korsijiet tal-​lingwa, allura ddeċidejna li nipprovaw nitgħallmu bejn 10 kelmiet u 20 kelma ġdida kuljum. Imma malajr indunajna li ma konniex qed nifhmu t-​tifsira eżatta tal-​biċċa l-​kbira mill-​kliem li konna qed nitgħallmu. Minflok ma għedna lin-​nies li d-​demoniżmu hu ħażin, konna qed ngħidulhom li ma messhomx jużaw miżien u bsaten! Imma kellna nibqgħu nipprovaw nitgħallmu l-​lingwa għax konna bdejna diversi studji tal-​Bibbja. Ħafna snin wara, waħda li konna nistudjaw il-​Bibbja magħha fil-​bidu li ġejna, qaltilna: “Kemm aħna ferħanin li issa tistgħu titkellmu bil-​lingwa tagħna. Għall-​ewwel, lanqas idea ma kellna taʼ x’kontu qed tipprovaw tgħidu!”

Imma kien hemm xi ħaġa li vera għenitna nitgħallmu l-​lingwa iktar malajr. Peress li ma kienx hemm postijiet li stajna nikru, kellna ngħixu maʼ familja taʼ Xhieda fir-​raħal ewlieni. Kellna nitkellmu bit-​Tuvaluan kullimkien, anke d-​dar. Wara li konna ilna ma nitkellmu bl-​Ingliż għal xi snin, sibna li t-​Tuvaluan kienet saret il-​lingwa prinċipali tagħna.

Ftit wara li wasalna hemm, ħafna wħud bdew juru interess fil-​verità. Imma xi stajna nużaw biex nistudjaw magħhom? Ma kellniex letteratura bil-​lingwa tagħhom. Kif setgħu jagħmlu studju persunali? Meta bdew jiġu l-​laqgħat, liema għanjiet kienu se jkantaw, kif kienu se jagħtu t-​taħditiet, u kif setgħu jippreparaw għal-​laqgħat? Kif setgħu qatt jitgħammdu? Dawn in-​nies umli kellhom bżonn pubblikazzjonijiet bil-​lingwa tagħhom stess ħalli jitgħallmu dwar Ġeħova! (1 Korintin 14:9) Aħna ħsibna bejnna u bejn ruħna, ‘Qatt se jkollna letteratura bit-​Tuvaluan, lingwa mitkellma minn inqas minn 15,000 persuna?’ Ġeħova wieġeb dawn il-​mistoqsijiet, u b’hekk uriena żewġ affarijiet: (1) Hu jrid li n-​nies fil-​“gżejjer fil-​bogħod” jitgħallmu dwaru, u (2) irid li dawk l-​uħud li d-​dinja tqishom bħala li huma “bla ġieħ” u “mmaqdrin” jistkennu f’ismu.—Ġeremija 31:10; 1 Korintin 1:28.

XOGĦOL TAʼ TRADUZZJONI BIEX TIĠI MGĦALLMA L-​VERITÀ

Fl-​1980, l-​uffiċċju tal-​fergħa inkarigana biex nittraduċu xi pubblikazzjonijiet għat-​Tuvaluan. Bdejna x-​xogħol, avolja ma ħsibniex li konna tajbin biżżejjed fil-​lingwa. (1 Korintin 1:28, 29) Għall-​ewwel xtrajna magna antika mingħand il-​gvern biex nistampaw b’mod manwali l-​letteratura għal-​laqgħat tagħna. Iktar tard, saħansitra ttraduċejna l-​ktieb Il-​Verità li Twassal għal Ħajja Eterna għat-​Tuvaluan u stampajnieh permezz taʼ din il-​magna żgħira. Għadni niftakar ir-​riħa qawwija tal-​linka, kif ukoll is-​sħana tropikali qalila li għamlithielna diffiċli ħafna biex nistampaw dawn il-​pubblikazzjonijiet kollha b’mod manwali. F’dak iż-​żmien, ma kellniex elettriku!

Ma kienx faċli li naqilbu għat-​Tuvaluan għax ma stajniex infittxu l-​kliem f’dizzjunarju jew nagħmlu riċerka f’kotba bit-​Tuvaluan. Imma kultant konna nirċievu l-​għajnuna li kellna bżonn b’modi oħra. Għodwa minnhom bi żball ħabbatt il-​bieb taʼ xi ħadd li jopponi l-​verità. Dan ir-​raġel imdaħħal fiż-​żmien, li qabel kien għalliem, fakkarni li ma ridniex inħabbtulu l-​bieb. Imbagħad qal: “Imma rrid ngħidilkom xi ħaġa. Fit-​traduzzjoni tagħkom, tittraduċu ċerti verbi b’tali mod li ma tantx jintuża bit-​Tuvaluan.” Iċċekkjajt maʼ xi nies oħra, u sibt li kellu raġun. Għalhekk, għamilna xi bidliet biex intejbu t-​traduzzjoni tagħna. Bqajt mistagħġeb li Ġeħova kien għenna permezz taʼ raġel li kien jopponi l-​verità imma li ovvjament kien qed jaqra l-​pubblikazzjonijiet tagħna!

Aħbar Tajba Nru. 30 bit-Tuvaluan

Aħbar tas-Saltna Nru. 30 bit-Tuvaluan

L-​ewwel pubblikazzjoni bit-​Tuvaluan li offrejna lin-​nies kienet invit għat-​Tifkira. Imbagħad kellna l-​fuljett Aħbar tas-​Saltna Nru. 30, li ħareġ fl-​istess żmien mal-​Ingliż. Kemm konna ferħanin li stajna nagħtu lin-​nies xi ħaġa bil-​lingwa tagħhom stess! Wara ftit, kellna wkoll xi browxers u anke xi kotba bit-​Tuvaluan. Fl-​1983, il-​fergħa tal-​Awstralja bdiet tipprintja It-​Torri tal-​Għassa bit-​Tuvaluan. Ir-​rivista kellha 24 paġna u kienet toħroġ darba kull tliet xhur. Ħadu pjaċir in-​nies f’Tuvalu b’dawn il-​kotba u r-​rivisti? Iva, ħadu pjaċir għax iħobbu jaqraw. Kull darba li konna noħorġu xi pubblikazzjoni ġdida, l-​istazzjon tar-​radju tal-​gvern ħabbarha fl-​aħbarijiet, u kultant kienet l-​istorja ewlenija tal-​ġurnata!a—Ara n-​nota taʼ taħt.

Ix-​xogħol taʼ traduzzjoni kif kien isir? L-​ewwel konna niktbu kollox bil-​biro fuq il-​karti. Imbagħad konna nittajpjaw it-​traduzzjoni għal darba wara l-​oħra sakemm kienet tkun lesta biex tintbagħat il-​fergħa fl-​Awstralja. Żewġ aħwa nisa fil-​fergħa kienu jittajpjaw il-​kitba bit-​Tuvaluan f’kompjuter separatament, avolja ma kinux jifhmu l-​lingwa. Imma peress li t-​tnejn li huma kienu jdaħħlu l-​kitba u jqabblu d-​differenzi fuq il-​kompjuter, setgħu jevitaw l-​iżbalji. Imbagħad il-​fergħa kienet tagħmel composition tal-​pubblikazzjonijiet, jiġifieri kienet tgħaqqad il-​kitba mal-​istampi biex jiġu forma taʼ PDF. Imbagħad kienu jibagħtulna bl-​ajru dawn il-​paġni bl-​istampi. Aħna konna niċċekkjawhom u nibagħtuhom lura l-​fergħa ħalli jiġu pprintjati.

Ix-​xogħol taʼ traduzzjoni tjieb ħafna! Issa kull team tat-​traduzzjoni jikteb il-​kliem u jikkoreġih mill-​ewwel fuq il-​kompjuter. Ġeneralment, xi ħadd li hu fl-​istess post fejn jinsab it-​team jagħmel composition tal-​pubblikazzjonijiet. Imbagħad, permezz tal-​Internet, it-​team jibgħat il-​fajls lill-​fergħat li jistampaw. Ħadd m’għandu għalfejn jiġri s’għand tal-​posta fl-​aħħar minuta biex jibgħat il-​kitba tradotta.

INKARIGI OĦRA

Hekk kif għaddew is-​snin, jien u Jenny rċivejna diversi inkarigi f’partijiet differenti tal-​Paċifiku. Minn Tuvalu ġejna inkarigati naqdu fil-​fergħa taʼ Samoa fl-​1985. Hemmhekk għenna fit-​traduzzjoni tal-​lingwi tas-​Samoan, it-​Tongan, u t-​Tokelauan, minbarra li għenna fit-​traduzzjoni għat-​Tuvaluan.b (Ara n-​nota taʼ taħt.) Imbagħad, fl-​1996, ġejna inkarigati naqdu fil-​fergħa taʼ Fiġi, u hemm għenna fit-​traduzzjoni tal-​lingwi tal-​Fiġjan, il-​Kiribati, in-​Nauruan, ir-​Rotuman, u t-​Tuvaluan.

Geoffrey Jackson juża letteratura bit-Tuvaluan biex jgħin lil oħrajn

Konna nużaw il-pubblikazzjonijiet bit-Tuvaluan biex ngħinu lil oħrajn

Jien dejjem nibqaʼ mistagħġeb b’kemm it-​tradutturi jħobbu x-​xogħol tagħhom avolja mhuwiex faċli u jistaʼ jħallik bla saħħa. Bħal Ġeħova, dawn l-​aħwa rġiel u nisa leali verament iridu li n-​nies jisimgħu l-​aħbar tajba bil-​lingwa tagħhom. (Rivelazzjoni 14:6) Pereżempju, meta kienet qed tiġi organizzata t-​traduzzjoni tal-​ewwel rivista tat-​Torri tal-​Għassa bit-​Tongan, jien iltqajt mal-​anzjani kollha f’Tonga u staqsejt min minnhom setaʼ jiġi mħarreġ bħala traduttur. Wieħed mill-​anzjani, li kellu xogħol tajjeb bħala mekkanik, offra li jitlaq minn xogħlu l-​għada stess u mill-​ewwel jibda bħala traduttur. Ħassejtni inkuraġġit mill-​fidi b’saħħitha tiegħu, għax kellu familja u ma kellux idea kif kien se jaqlaʼ biżżejjed flus biex imantnihom. Imma Ġeħova ħa ħsieb tiegħu u tal-​familja tiegħu, u hu baqaʼ fix-​xogħol tat-​traduzzjoni għal bosta snin.

Bħal dawn it-​tradutturi, l-​aħwa fil-​Ġemgħa li Tiggverna tassew jimpurtahom dwar li jipprovdu pubblikazzjonijiet bil-​lingwi kollha, anke dawk mitkellma minn ammont żgħir taʼ nies. Pereżempju, qamet il-​mistoqsija jekk kienx worth it ix-​xogħol kollu involut biex il-​pubblikazzjonijiet jiġu maqluba għat-​Tuvaluan. Jien kont inkuraġġit ħafna meta qrajt din it-​tweġiba mill-​Ġemgħa li Tiggverna: “M’hemm l-​ebda raġuni għala għandkom tieqfu tittraduċu għat-​Tuvaluan. Għalkemm it-​territorju Tuvaluan hu iżgħar meta mqabbel maʼ dak taʼ lingwi oħra, in-​nies xorta għandhom bżonn li jirċievu l-​aħbar tajba bil-​lingwa tagħhom stess.”

Magħmudija f’għadira ħdejn il-baħar

Ngħammed lil xi ħadd f’għadira ħdejn il-baħar

Fl-​2003, jien u Jenny ntbgħatna biex mid-​Dipartiment tat-​Traduzzjoni f’Fiġi nibdew naqdu fis-​Servizzi tat-​Traduzzjoni f’Patterson, New York. Kienet qisha ħolma li saritilna realtà! Sirna parti minn team li jgħin biex jappoġġa t-​traduzzjoni tal-​pubblikazzjonijiet tagħna f’iktar lingwi. Matul is-​sentejn jew ftit iktar li konna fis-​Servizzi tat-​Traduzzjoni, ġejna inkarigati biex ngħinu fit-​taħriġ taʼ timijiet tat-​traduzzjoni f’diversi pajjiżi.

DEĊIŻJONIJIET IMPORTANTI ĦAFNA

Issa ħalli mmur lura għal-​laqgħa importanti li semmejt fil-​bidu. Sas-​sena 2000, il-​Ġemgħa li Tiggverna ħasset li t-​timijiet tat-​traduzzjoni kellhom bżonn l-​għajnuna biex jagħmlu x-​xogħol tagħhom. Il-​biċċa l-​kbira mit-​tradutturi ma kinux attendew xi kors tat-​traduzzjoni. Wara dik il-​laqgħa mal-​Kumitat tal-​Kitba, il-​Ġemgħa li Tiggverna ddeċidiet li t-​tradutturi kollha madwar id-​dinja jridu jiġu mħarrġin. It-​tradutturi kienu se jiġu mgħallmin kif jifhmu l-​Ingliż, kif jittrattaw maʼ problemi taʼ traduzzjoni, u kif jaħdmu flimkien bħala team.

X’kien ir-​riżultat taʼ dan it-​taħriġ kollu għat-​tradutturi? Il-​kwalità tat-​traduzzjoni marret għall-​aħjar. Ukoll, il-​pubblikazzjonijiet tagħna qed jiġu tradotti f’iktar lingwi minn qatt qabel. Fl-​1979, meta ġejna inkarigati biex naqdu bħala missjunarji, ir-​rivista It-​Torri tal-​Għassa kienet disponibbli fi 82 lingwa biss. Minkejja dan, fil-​maġġoranza tal-​lingwi, ir-​rivista It-​Torri tal-​Għassa kienet toħroġ ftit xhur wara l-​verżjoni bl-​Ingliż. Imma issa din ir-​rivista toħroġ f’iktar minn 240 lingwa, u għall-​biċċa l-​kbira minnhom, ir-​rivista toħroġ fl-​istess żmien li toħroġ bl-​Ingliż. Issa f’iktar minn 700 lingwa, in-​nies jistgħu jaqraw xi ħaġa li tgħallimhom il-​verità mill-​Bibbja. Xi snin ilu, dan kien jidher li kien impossibbli.

Fl-​2004, il-​Ġemgħa li Tiggverna ddeċidiet li kien importanti ħafna li jkun hemm disponibbli t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida b’ħafna iktar lingwi u malajr kemm jistaʼ jkun. Minħabba din id-​deċiżjoni, ħafna iktar nies issa jistgħu jaqraw it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida bil-​lingwa tagħhom stess. Infatti, fl-​2014, din il-​Bibbja jew partijiet minnha kienu disponibbli f’128 lingwa, inkluż għadd taʼ lingwi mitkellma fil-​Paċifiku tan-​Nofsinhar.

Geoffrey Jackson iħabbar il-ħruġ tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana bit-Tuvaluan

Meta ħarġet it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana bit-Tuvaluan

Waħda mill-​iktar memorji għal qalbi kienet dik taʼ konvenzjoni f’Tuvalu fl-​2011. Għal ħafna xhur, kien hemm nixfa kbira fil-​pajjiż kollu. L-​aħwa ħasbu li kien se jkollhom jikkanċellaw il-​konvenzjoni. Imma għall-​grazzja t’Alla, dik il-​lejla li wasalna, qabdet nieżla xita bil-​qliel. Allura setaʼ jkollna l-​konvenzjoni! Għalija kien privileġġ kbir li stajt inħabbar il-​ħruġ tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana bit-​Tuvaluan! Għalkemm hemm biss numru żgħir taʼ aħwa li jitkellmu b’dik il-​lingwa, huma wkoll setgħu jirċievu din l-​għotja mill-​isbaħ mingħand Ġeħova. Imbagħad fl-​aħħar tal-​konvenzjoni kien hemm maltempata oħra tax-​xita. Allura kulħadd kellu ħafna ilma tal-​verità kif ukoll ilma tax-​xita!

Geoffrey Jackson jintervista lill-ġenituri tiegħu f’konvenzjoni

Nintervista lill-ġenituri tiegħi, Ron u Estelle, f’konvenzjoni f’Townsville, l-Awstralja, fl-2014

B’sogħba, l-​għażiża marti Jenny ma kinitx hemm miegħi. Kienet mietet fl-​2009, wara li kienet ilha tissielet kontra l-​kanċer għal 10 snin. Konna ilna miżżewġin 35 sena. Meta tirxoxta, se tkun ferħana ħafna meta ssir taf dwar il-​ħruġ tal-​Bibbja bit-​Tuvaluan.

Ġeħova berikni b’mara mill-​isbaħ oħra, Loraini Sikivou. Loraini u Jenny kienu ħadmu flimkien fil-​Betel taʼ Fiġi, u Loraini wkoll kienet traduttriċi. Għalhekk, għal darb’oħra għandi mara li taqdi lil Ġeħova fedelment miegħi u li bħali tħobb il-​lingwi!

Geoffrey u Loraini Jackson jagħtu xhieda f’Fiġi

Maʼ Loraini, nagħtu xhieda f’Fiġi

Matul is-​snin, rajt kif Missierna kollu mħabba, Ġeħova, jieħu ħsieb il-​bżonnijiet tan-​nies taʼ kull lingwa, anke jekk il-​lingwa tagħhom hi mitkellma minn ftit nies biss. (Salm 49:1-​3) Rajt kemm in-​nies huma ferħanin meta jirċievu l-​pubblikazzjonijiet tagħna bil-​lingwa tagħhom għall-​ewwel darba jew meta jkantaw lil Ġeħova bil-​lingwa taʼ qalbhom. Fi żminijiet bħal dawn, naħseb dwar l-​imħabba kbira li Ġeħova għandu għalina. (Atti 2:8, 11) Għadni nistaʼ niftakar b’mod ċar il-​kliem taʼ Saulo Teasi, ħu mdaħħal fiż-​żmien minn Tuvalu. Wara li kanta għanja tas-​Saltna għall-​ewwel darba bil-​lingwa tiegħu, kien qal: “Naħseb li jmissek tgħid lill-​Ġemgħa li Tiggverna li dawn l-​għanjiet jinstemgħu aħjar bit-​Tuvaluan milli bl-​Ingliż.”

F’Settembru tal-​2005, bqajt sorpriż meta rċivejt il-​privileġġ li naqdi bħala membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Għalkemm m’għadnix nistaʼ naqdi bħala traduttur, nirringrazzja lil Ġeħova talli ħallieni nkompli nappoġġa x-​xogħol taʼ traduzzjoni li qed isir madwar id-​dinja. Tgħidx kemm iferraħni l-​fatt li naf li Ġeħova jieħu ħsieb il-​bżonnijiet tan-​nies kollha tiegħu, anke dawk fi gżejjer iżolati f’nofs l-​Oċean Paċifiku! Iva, bħalma qal is-​salmista, “Ġeħova sar sultan! Ħa tifraħ l-​art. Ħa jithennew il-​ħafna gżejjer.”—Salm 97:1.

a Biex taqra iktar dwar kif in-​nies irreaġixxew għall-​pubblikazzjonijiet tagħna, ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Diċembru 2000, paġna 32; It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 t’Awwissu 1988, paġna 22; u Stenbaħ! bl-​Ingliż tat-​22 taʼ Diċembru 2000, paġna 9.

b Biex taqra iktar dwar ix-​xogħol taʼ traduzzjoni f’Samoa, ara t-​2009 Yearbook, paġni 120-​121, 123-​124.

Xi ħaġa li ħadt pjaċir nagħmel

Dizzjunarju u ktieb tal-grammatika tat-Tuvaluan

Fl-​1979, fil-​ħin liberu tiegħi bdejt nikteb lista taʼ kliem Tuvaluan u xi jfisser. Kull filgħodu kont inqattaʼ siegħa naħdem fuq din il-​lista u bqajt nagħmel dan għal madwar 20 sena sakemm kont għamilt dizzjunarju. Fl-​2001, il-​gvern tal-​Awstralja pprintja d-​dizzjunarju bħala rigal għan-​nies taʼ Tuvalu. Fl-​1999, jien u Jenny ktibna wkoll ktieb tal-​grammatika tat-​Tuvaluan.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja