LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 6/1 pp. 12-17
  • “Jekk Alla Hu Magħna Min Jistaʼ Jkun Kontra Tagħna?”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Jekk Alla Hu Magħna Min Jistaʼ Jkun Kontra Tagħna?”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Min Illum Għandu l-​Appoġġ t’Alla?
  • Il-​Marki li Bihom Jingħaraf Min Għandu l-​Appoġġ t’Alla
  • Żmien li Nikkunsidraw il-​Fatti
  • Qima Approvata minn Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Sibtha Int ir-Reliġjon it-Tajba?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Nidentifikaw Il-Vera Reliġjon
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Kif nistaʼ nsib ir-reliġjon vera?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 6/1 pp. 12-17

“Jekk Alla Hu Magħna Min Jistaʼ Jkun Kontra Tagħna?”

“Xi ngħid, mela, quddiem dan kollu? Jekk Alla hu magħna min jistaʼ jkun kontra tagħna?”—RUMANI 8:31.

1. Min telaq mill-​Eġittu maʼ l-​Iżraelin, u x’ġagħalhom jagħmlu dan?

META l-​Iżraelin ħarġu mill-​Eġittu bħala nies ħielsa wara li kienu qattgħu 215-il sena hemmhekk, li l-​biċċa l-​kbira minn dak iż-​żmien qattgħuh fil-​jasar, “telgħet magħhom kotra kbira [“mħallta,” NW] taʼ nies.” (Eżodu 12:38) Dawn in-​nies li ma kinux Iżraelin raw b’għajnejhom l-​għaxar kastigi tal-​biżaʼ li ġabu diżastru sħiħ fuq l-​Eġittu u waqqgħu għaċ-​ċajt lill-​allat foloz tiegħu. Fl-​istess ħin, huma raw—speċjalment mir-​rabaʼ kastig ’il quddiem—kemm Jehovah kien kapaċi jipproteġi lin-​nies tiegħu. (Eżodu 8:​19, 20 [8:​23, 24, NW]) Għalkemm ma tantx kellhom għarfien dwar l-​iskopijiet taʼ Jehovah, huma kienu ċerti minn ħaġa waħda: L-​allat taʼ l-​Eġittu ma kellhomx il-​ħila jipproteġu lill-​Eġizzjani, filwaqt li Jehovah wera kemm kien iktar b’saħħtu meta aġixxa għan-​nom taʼ l-​Iżraelin.

2. Raħab għala appoġġat lill-​ispiji Iżraelin, u l-​fiduċja tagħha f’Alla tagħhom għala ma kinitx għalxejn?

2 Erbgħin sena wara, preċiż qabel ma l-​Iżraelin daħlu fl-​Art Imwegħda, Ġożwè, is-​suċċessur taʼ Mosè, bagħat żewġ spiji biex jitkixxfu l-​art. Hemmhekk huma ltaqgħu maʼ Raħab, waħda mill-​abitanti taʼ Ġeriko. Din kienet semgħet dwar l-​atti taʼ qawwa kbira li kien wettaq Jehovah biex jipproteġi lill-​Iżraelin matul l-​40 sena mit-​tluq tagħhom mill-​Eġittu. Dan ikkonvinċieha li biex ikollha l-​barka t’Alla riedet bilfors tappoġġa lin-​nies tiegħu. Permezz taʼ din id-​deċiżjoni għaqlija kemm hi u kemm in-​nies taʼ darha ħelsu mill-​qerda li ġiet fuq il-​belt meta iktar tard l-​Iżraelin ħaduha f’idejhom. Il-​mod mirakoluż li bih ġew salvati kien ċertament prova fih innifsu li Alla kien magħhom. B’hekk, il-​fiduċja li Raħab uriet f’dak Alla taʼ l-​Iżraelin ma kinitx għalxejn.—Ġożwè 2:​1, 9-13; 6:​15-17, 25.

3. (a) Ġesù liema miraklu wettaq ħdejn il-​belt taʼ Ġeriko, li kienet reġgħet inbniet, u membri tal-​kleru Lhudi kif irreaġixxew? (b) Liema ħaġa bdew jirrealizzaw xi Lhud u iktar tard ħafna li ma kinux Lhud?

3 Ħmistax-il seklu wara, Ġesù Kristu fejjaq lil wieħed tallab agħma ħdejn il-​belt taʼ Ġeriko, li kienet reġgħet inbniet. (Mark 10:​46-52; Luqa 18:​35-43) Meta dan ir-​raġel talab lil Ġesù biex ikollu ħniena minnu, hu kien qed jirrikonoxxi li Ġesù kellu l-​appoġġ t’Alla. Mill-​banda l-​oħra, il-​mexxejja reliġjużi Lhud u s-​segwaċi tagħhom, ġeneralment, ma ridux jaċċettaw il-​fatt li l-​mirakli li Ġesù wettaq kienu prova li hu kien qed jagħmel ix-​xogħol t’Alla. Minflok, huma sabu fuqiex jikkritikawh. (Mark 2:​15, 16; 3:​1-6; Luqa 7:​31-35) Saħansitra meta ġew wiċċ imbwiċċ mal-​fatt li Ġesù kien ġie rxoxtat wara li huma kienu qatluh, ma kinux lesti li jammettu li dan kien bis-​saħħa t’Alla. Minflok, kienu minn taʼ quddiem biex jippersegwitaw lis-​segwaċi taʼ Ġesù, u pprovaw ifixkluhom fix-​xogħol tagħhom li ‘jxandru l-​Evanġelju tal-​Mulej Ġesù.’ Imma xi Lhud, u iktar tard ħafna li ma kinux Lhud, żammew f’moħħhom dawn il-​ġrajjiet u eżaminawhom bir-​reqqa. Għalihom kien ovvju li Alla kien ċaħad lill-​mexxejja Lhud li riduha taʼ qaddisin, u issa kien qed jappoġġa lis-​segwaċi taʼ Ġesù Kristu.—Atti 11:​19-21.

Min Illum Għandu l-​Appoġġ t’Alla?

4, 5. (a) Xi nies kif iħossuhom dwar li jagħżlu r-​reliġjon tagħhom? (b) Liema mistoqsija kruċjali se tgħinna nagħrfu liema hi r-​reliġjon vera?

4 F’intervista reċenti li saritlu fuq it-​televixin dwar il-​kwistjoni taʼ x’inhi r-​reliġjon vera, membru tal-​kleru qal: “Nibqaʼ ninsisti li reliġjon turi jekk hix vera jew le meta individwu li jgħix fi qbil mat-​tagħlim tagħha jsir persuna aħjar.” Irridu nammettu li fil-​fatt ir-​reliġjon vera lin-​nies tagħmilhom persuni aħjar. Imma huwa l-​fatt li reliġjon tipproduċi nies aħjar fih innifsu prova li din għandha l-​appoġġ t’Alla? Huwa dan l-​uniku fattur li fuqu jiġi determinat jekk reliġjon hix vera jew le?

5 Kulħadd japprezza li jistaʼ jagħmel l-​għażliet persunali tiegħu, inkluż l-​għażla tar-​reliġjon li jixtieq li jkun parti minnha. Imma l-​fatt li wieħed għandu l-​libertà taʼ l-​għażla ma jiggarantix li l-​għażla li jagħmel se tkun tajba. Per eżempju, hemm min jibbaża l-​għażla tiegħu tar-​reliġjon fuq kemm din għandha membri, ġid materjali, ċerimonji sbieħ, jew minħabba r-​rabtiet tiegħu maʼ tal-​familja. L-​ebda waħda minn dawn l-​affarijiet ma tistaʼ b’xi mod tkun deċiżiva biex tiddetermina liema reliġjon hija t-​tajba u liema m’hijiex. L-​iktar mistoqsija kruċjali f’din il-​kwistjoni hi: Liema reliġjon tħeġġeġ lis-​segwaċi tagħha biex jagħmlu r-​rieda t’Alla u tipproduċi evidenza ċara li għandha l-​appoġġ t’Alla, sabiex dawk li jipprattikawha jistgħu jgħidu b’fiduċja sħiħa, “Alla hu magħna”?

6. Liema kliem taʼ Ġesù jitfaʼ dawl fuq il-​kwistjoni taʼ liema hi r-​reliġjon vera u dik falza?

6 Ġesù għamel din ir-​regola biex wieħed ikun jistaʼ jagħraf il-​qima vera minn dik falza meta qal: “Iftħu għajnejkom mill-​profeti foloz; għax dawn jiġu għandkom libsin taʼ nagħaġ, u minn ġewwa jkunu lpup ħattafa! Mill-​frott tagħhom tagħrfuhom.” (Mattew 7:​15, 16, korsiv tagħna; Malakija 3:18) Ejja naraw x’inhu ftit mill-​“frott,” jew marki, li minnu tingħaraf ir-​reliġjon vera, sabiex inkunu nistgħu niddeterminaw bis-​sinċerità kollha min illum għandu l-​appoġġ divin.

Il-​Marki li Bihom Jingħaraf Min Għandu l-​Appoġġ t’Alla

7. Xi jfisser li tgħallem biss dak li hu bbażat fuq il-​Bibbja?

7 Jibbażaw it-​tagħlim tagħhom fuq il-​Bibbja. Ġesù qal: “It-​tagħlim tiegħi m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni. Min irid jagħmel ir-​rieda tiegħu jaf jekk dan it-​tagħlim huwiex minn Alla jew jekk iniex ngħid xi ħaġa minn tiegħi.” U wkoll: “Min hu minn Alla jismaʼ dak li jgħid Alla.” (Ġwann 7:​16, 17; 8:47) B’mod loġiku, biex igawdi l-​appoġġ t’Alla, wieħed irid jgħallem biss dak li Alla jirrivela fil-​Kelma tiegħu u jirrifjuta t-​tagħlim ibbażat fuq l-​għerf jew it-​tradizzjonijiet tal-​bniedem.—Isaija 29:13; Mattew 15:​3-9; Kolossin 2:8.

8. Għala huwa importanti li nużaw l-​isem t’Alla fil-​qima?

8 Jużaw u jxandru l-​isem t’Alla, Jehovah. Isaija bassar: “F’dak il-​jum għad tgħidu: ‘Roddu ħajr lill-​Mulej, sejjħu ismu, għarrfu lill-​ġnus bl-​għemejjel tiegħu, xandru li ismu huwa fl-​għoli. Għannu lill-​Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar; ħa jkun dan magħruf maʼ l-​art kollha.’” (Isaija 12:​4, 5) Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu: “Missierna, li inti fis-​smewwiet, jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Għalhekk sew jekk kienu Lhud jew le, il-​Kristjani kellhom jaqdu bħala “poplu għal [isem Alla].” (Atti 15:​14, Saydon) Ovvjament, Alla jieħu gost jagħti l-​appoġġ tiegħu lil dawk li jħossuhom onorati li huma “poplu għal ismu.”

9. (a) Il-ferħ għala huwa kwalità li tispikka fil-​membri tar-​reliġjon vera? (b) Isaija kif jagħmel kuntrast bejn ir-​reliġjon vera u dik falza?

9 Jirriflettu l-​personalità ferriħija t’Alla. Bħala l-​awtur taʼ l-​“aħbar tajba,” Jehovah hu “Alla hieni.” (1 Timotju 1:​11, NW) Għalhekk, kif jistaʼ jkun li l-​adoraturi tiegħu jkunu mdejqin jew dejjem jaraw kollox ħażin? Minkejja n-​niket li hawn fid-​dinja u l-​problemi persunali, il-​Kristjani veri jżommu spirtu ferrieħi għaliex huma regolarment jieħdu ikel spiritwali abbundanti. Isaija jagħmel kuntrast bejnhom u bejn dawk li jipprattikaw ir-​reliġjon falza: “Għalhekk dan jgħid Sidi l-​Mulej: ‘Araw, il-​qaddejja tiegħi jieklu, imma intom tkunu bil-​ġuħ; araw, il-​qaddejja tiegħi jixorbu, imma intom tkunu bl-​għatx; araw, il-​qaddejja tiegħi jifirħu, imma intom tistħu; araw, il-​qaddejja tiegħi jgħannu bl-​hena taʼ qalbhom, imma intom tgħajjtu bin-​niket taʼ qalbkom, u tixhru bid-​diqa taʼ ruħkom.’”—Isaija 65:​13, 14.

10. Dawk li għandhom ir-​reliġjon vera kif jevitaw li jitgħallmu mill-​iżbalji tagħhom stess?

10 Jibbażaw il-​kondotta u d-​deċiżjonijiet tagħhom fuq il-​prinċipji tal-​Bibbja. “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek,” jagħtina l-​parir il-​kittieb tal-​Proverbji, “fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” (Proverbji 3:​5, 6) Alla jappoġġa lil dawk li jfittxu lilu biex jidderiġihom minflok ma joqogħdu fuq it-​teoriji kontradittorji taʼ bnedmin li jinjoraw l-​għerf t’Alla. Iktar ma bniedem ikun lest li jfassal ħajtu fuq il-​Kelma t’Alla, iktar se jkun jistaʼ jevita li jitgħallem mill-​iżbalji tiegħu stess.—Salm 119:33; 1 Korintin 1:​19-21.

11. (a) Il-membri tar-​reliġjon vera għala ma jistgħux ikunu maqsumin fi kleru u lajċi? (b) Dawk li qed jirgħu lill-​poplu t’Alla liema eżempju għandhom jagħtu lill-​merħla?

11 Organizzati bl-​istess mod bħall-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu. Ġesù wriena l-​prinċipju: “Tħallux min isejjħilkom Rabbi, għax l-​Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejjħu lil ħadd missierkom fuq din l-​art, għax il-​Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-​smewwiet. Hekk ukoll tħallux min isejjħilkom mexxejja, għax il-​mexxej tagħkom wieħed hu, il-​Messija. Il-​kbir fostkom għandu jkun il-​qaddej tagħkom.” (Mattew 23:​8-11) F’kongregazzjoni t’aħwa m’hemmx post għal xi kleru kburi li jonora lilu nnifsu b’titli biex jidher importanti u jgħolli lilu nnifsu fuq l-​oħrajn li jissejħu lajċi. (Ġob 32:​21, 22, NW) Dawk li jirgħu l-​merħla t’Alla jintqalilhom biex jagħmlu dan ‘mhux imġegħlin, imma minn rajhom; mhux għall-​qliegħ moqżież, imma b’qalb imħeġġa; mhux qishom is-​sidien tal-​wirt t’Alla, imma billi jsiru eżempji tal-​merħla.’ (1 Pietru 5:​2, 3, Karm Żammit) Rgħajja Kristjani ġenwini ma jipprovawx jagħmluha taʼ sidien fuq il-​fidi t’oħrajn. Bħala ħaddiema maʼ sħabhom fis-​servizz t’Alla, huma sempliċement jagħmlu l-​aħjar li jistgħu biex jagħtu eżempju mill-​aqwa.—2 Korintin 1:24.

12. Alla liema ħarsa bilanċjata dwar il-​gvernijiet umani jrid li jkollhom dawk li jixtiequ l-​appoġġ tiegħu?

12 Sottomessi lejn il-​gvernijiet umani u madankollu jibqgħu newtrali. Min ma ‘jobdix lill-​awtorità taʼ fuqu’ ma jistax jistenna li jkollu l-​appoġġ t’Alla. Għala? Għaliex “l-​awtoritajiet li hemm, qegħdin hemm [fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom] bl-​ordni taʼ Alla. Għalhekk, dawk li jeħduha kontra l-​awtorità jkunu qegħdin jeħduha kontra l-​ordni mwaqqaf minn Alla.” (Rumani 13:​1, 2) Madankollu, Ġesù kien jaf li x’aktarx kien se jkun hemm nuqqas taʼ qbil dwar dan meta qal: “Agħtu lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, u lil Alla dak li hu taʼ Alla.” (Mark 12:17) Dawk li jixtiequ jkollhom l-​appoġġ t’Alla jridu jibqgħu ‘jfittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla,’ u fl-​istess ħin jobdu l-​liġijiet tal-​pajjiż li ma jmorrux kontra r-​responsabbiltajiet iktar importanti tagħhom lejn Alla. (Mattew 6:33; Atti 5:29) Ġesù kien qed jenfasizza n-​newtralità meta qal dan dwar id-​dixxipli tiegħu: “Huma m’humiex tad-​dinja bħalma jiena m’iniex tad-​dinja.” Iktar tard żied: “Is-​saltna tiegħi m’hijiex taʼ din id-​dinja.”—Ġwann 17:16; 18:36.

13. L-​imħabba kif tistaʼ tgħin biex jintgħarfu n-​nies t’Alla?

13 Ma jurux preferenzi meta jiġu biex jagħmlu “l-​ġid maʼ kulħadd.” (Galatin 6:​10, korsiv tagħna.) L-​imħabba Kristjana ma timxix bil-​preferenzi, u taċċetta lil kull tip taʼ nies, minkejja l-​kulur tal-​ġilda, il-​qagħda ekonomika, il-​livell taʼ edukazzjoni, in-​nazzjonalità, jew il-​lingwa li jkollhom. Dawk li verament għandhom l-​appoġġ t’Alla jistgħu jintgħarfu mill-​fatt li huma jagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd, speċjalment maʼ dawk li huma taʼ l-​istess twemmin tagħhom. Ġesù qal: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.”—Ġwann 13:35; Atti 10:​34, 35.

14. Huma n-​nies li għandhom l-​approvazzjoni t’Alla aċċettati minn kulħadd? Spjega.

14 Lesti li jissaportu l-​persekuzzjoni li tiġi għax jagħmlu r-​rieda t’Alla. Ġesù wissiehom minn qabel lis-​segwaċi tiegħu: “Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll; jekk ħarsu l-​kelma tiegħi, għad iħarsu tagħkom ukoll.” (Ġwann 15:20; Mattew 5:​11, 12; 2 Timotju 3:12) Dawk li jkollhom l-​appoġġ t’Alla minn dejjem ma tantx kienu popolari, bħal Noè, li kkundanna d-​dinja permezz tal-​fidi tiegħu. (Lhud 11:7) Illum dawk li jixtiequ li jkollhom l-​appoġġ t’Alla ma jażżardawx inaqqsu mill-​importanza tal-​Kelma t’Alla jew iċedu fejn jidħlu l-​prinċipji divini sabiex jevitaw il-​persekuzzjoni. Sakemm jibqgħu jaqdu fedelment lil Alla, huma jafu li n-​nies se ‘jistagħġbu u jinfexxu jgħajruhom.’—1 Pietru 2:12; 3:16; 4:​4, Saydon.

Żmien li Nikkunsidraw il-​Fatti

15, 16. (a) X’mistoqsijiet se jgħinuna nagħrfu liema grupp reliġjuż għandu l-​appoġġ t’Alla? (b) Għal liema konklużjoni waslu miljuni taʼ nies, u għala?

15 Staqsi lilek innifsek, ‘Liema grupp reliġjuż huwa magħruf li jżomm mill-​qrib mal-​Kelma t’Alla, saħansitra meta t-​tagħlim tiegħu jkun differenti minn dak taʼ ħafna nies? Min huma dawk li jisħqu dwar l-​importanza taʼ l-​isem persunali t’Alla, u saħansitra jużawh biex jintgħarfu minn oħrajn? Min b’ottimiżmu qed juri li s-​Saltna t’Alla hija l-​unika soluzzjoni għall-​problemi kollha tal-​bniedem? Min huma dawk li jżommu mal-​livelli tal-​Bibbja dwar il-​kondotta, akkost taʼ li jiġu msejħin antikwati? Liema grupp huwa magħruf għax m’għandu ebda klassi tal-​kleru bis-​salarju, imma l-​membri tiegħu kollha jippridkaw? Min huma dawk li qed jiġu mfaħħrin għax huma ċittadini li jobdu l-​liġi, avolja ma jiħdux sehem fil-​politika? Min huma dawk li jużaw ħinhom u flushom biex jgħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Alla u l-​iskopijiet tiegħu? U minkejja dawn l-​affarijiet tajbin kollha, min huma dawk li xorta jiġu mżebilħin, imwaqqgħin għaċ-​ċajt, u persegwitati?’

16 Miljuni taʼ nies madwar id-​dinja kkunsidraw il-​fatti u kkonvinċew ruħhom li x-​Xhieda taʼ Jehovah biss qed jipprattikaw ir-​reliġjon vera. Huma waslu għal din il-​konklużjoni fuq il-​bażi taʼ dak li jgħallmu x-​Xhieda taʼ Jehovah u fuq il-​mod kif iġibu ruħhom, kif ukoll fuq il-​bażi tal-​benefiċċji li ġabet ir-​reliġjon tagħhom. (Isaija 48:17) Fil-​fatt, miljuni taʼ nies qed jgħidu dak li ġie mbassar f’Żakkarija 8:23: “Ħa niġu magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom!”

17. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għala m’humiex qed ikunu prużuntużi meta jgħidu li huma għandhom ir-​reliġjon vera?

17 Qegħdin ix-​Xhieda taʼ Jehovah jkunu prużuntużi meta jgħidu li huma biss għandhom l-​appoġġ t’Alla? Xi ngħidu għall-​Iżraelin fl-​Eġittu meta sostnew li kienu huma li kellhom l-​appoġġ t’Alla minkejja t-​twemmin taʼ l-​Eġizzjani? Jew għall-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu li sostnew li Alla lilhom kien jappoġġa u mhux lir-​reliġjonisti Lhud? Il-​fatti jitkellmu waħedhom. Illum, f’235 pajjiż, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jinsabu għaddejjin bix-​xogħol li Ġesù bassar li kellhom ikunu qed jagħmlu s-​segwaċi veri tiegħu f’dan iż-​żmien tat-​tmiem: “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mattew 24:14.

18, 19. (a) Ix-Xhieda taʼ Jehovah għala m’għandhomx għalfejn jieqfu milli jagħmlu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar avolja jkollhom oppożizzjoni? (b) Salm 41:12 [41:​11, NW] kif juri li x-​Xhieda għandhom l-​appoġġ t’Alla?

18 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah se jkomplu jwettqu dan l-​inkarigu, u qatt ma se jħallu l-​persekuzzjoni jew l-​oppożizzjoni jfixkluhom fl-​attività tagħhom. Ix-​xogħol taʼ Jehovah jeħtieġ li jsir u ħadd ma se jwaqqfu. Kull attentat li sar matul is-​seklu li għadda biex ifixkel lix-​Xhieda milli jwettqu x-​xogħol t’Alla sfaxxa kompletament fix-​xejn għaliex Jehovah wiegħed: “L-​ebda arma msawra kontrik ma tiswa, u kull ilsien li jiġġieled miegħek fil-​ħaqq toħorġu tellief. Dan hu wirt il-​qaddejja tal-​Mulej, u r-​rebħ li ħaqqhom mingħandi.”—Isaija 54:​17, Saydon.

19 Il-​fatt li x-​Xhieda taʼ Jehovah issa huma iktar b’saħħithom u iktar attivi minn qatt qabel, minkejja l-​oppożizzjoni kollha li jiffaċċjaw madwar id-​dinja, huwa prova li Jehovah kuntent b’dak li qed jagħmlu. Is-​Sultan David qal: “Minn dan nagħraf li int kuntent bija, li l-​għadu ma jifraħx minħabba fija.” (Salm 41:12 [41:​11, NW]; 56:​10, 12 [56:​9, 11, NW]) L-​għedewwa t’Alla qatt ma se jkunu jistgħu jgħajtu bil-​ferħ għax jittrijonfaw fuq in-​nies taʼ Jehovah, għaliex il-​Mexxej tagħhom, Ġesù Kristu, miexi ’l quddiem lejn ir-​rebħa finali!

Taf Twieġeb?

• Liema huma xi eżempji taʼ nies tal-​qedem li kellhom l-​appoġġ t’Alla?

• X’inhuma xi marki li bihom tingħaraf ir-​reliġjon vera?

• Int personalment għala tħossok konvint li x-​Xhieda taʼ Jehovah għandhom l-​appoġġ t’Alla?

[Stampa f’paġna 13]

Dawk li jixtiequ jkollhom l-​appoġġ t’Alla jridu jibbażaw it-​tagħlim tagħhom fuq il-​Kelma tiegħu biss

[Stampa f’paġna 15]

Kristjani li jaqdu bħala anzjani huma eżempju għall-​merħla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja