Fittex it-Tajjeb f’Kulħadd
“Ftakar fija, Alla tiegħi, biex ikunli taʼ ġid.”—NEĦEMIJA 13:31.
1. Jehovah kif jaġixxi bit-tjieba maʼ kulħadd?
WARA ħafna ġranet b’temp imsaħħab u mudlam, ix-xemx iġġib bidla li kulħadd jieħu pjaċir biha. In-nies ikollhom burdata aħjar u jħossuhom tajjeb. Bl-istess mod, wara żmien twil taʼ xemx tikwi u nixfa, ħalba xita—anki waħda qawwija—tiffriska u sserraħ lil dak li jkun. Il-Ħallieq tagħna kollu mħabba, Jehovah, bena fl-atmosfera taʼ l-art dan ir-rigal meraviljuż tat-temp. Ġesù ġibed l-attenzjoni lejn il-ġenerożità t’Alla meta għallem: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtallaʼ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex.” (Mattew 5:43-45) Iva, Jehovah jaġixxi bit-tjieba maʼ kulħadd. Il-qaddejja tiegħu għandhom jistinkaw biex jimitawh billi jfittxu t-tajjeb fl-oħrajn.
2. (a) Jehovah fuq liema bażi jaġixxi bit-tjieba? (b) Jehovah x’jinnota fil-mod kif aħna nwieġbu għat-tjieba tiegħu?
2 Jehovah fuq liema bażi jaġixxi bit-tjieba? Minn meta Adam waqaʼ fid-dnub, Jehovah ma waqafx ifittex it-tajjeb fil-bnedmin. (Salm 130:3, 4) L-iskop tiegħu hu li jirrestawra lill-bnedmin ubbidjenti għal ħajja f’Ġenna taʼ l-art. (Efesin 1:9, 10) Il-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu tatna l-prospett tal-ħelsien mid-dnub u l-imperfezzjoni permezz taż-Żerriegħa mwiegħda. (Ġenesi 3:15; Rumani 5:12, 15) Jekk dak li jkun jaċċetta l-arranġament tal-fidwa se jkun possibbli għalih li maż-żmien jerġaʼ jsir perfett. Jehovah issa qed josserva lil kull wieħed u waħda minna biex jara, fost affarijiet oħra, kif nirreaġixxu għall-ġenerożità tiegħu. (1 Ġwann 3:16) Hu jinnota kulma nagħmlu biex nuru kemm napprezzaw it-tjieba tiegħu. L-appostlu Pawlu kiteb: “Għax Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-qaddisin.”—Lhud 6:10.
3. Liema mistoqsija huwa xieraq li nikkunsidraw?
3 Allura, kif nistgħu nimitaw lil Jehovah f’li nfittxu t-tajjeb fl-oħrajn? Ejja nikkunsidraw it-tweġibiet għal din il-mistoqsija f’erbaʼ aspetti taʼ ħajjitna: (1) fil-ministeru Kristjan, (2) fil-familja, (3) fil-kongregazzjoni, u (4) fir-relazzjonijiet tagħna m’oħrajn.
Meta Nippridkaw u Nagħmlu Dixxipli
4. Meta nieħdu sehem fil-ministeru Kristjan kif inkunu qed nuru li nfittxu t-tajjeb fl-oħrajn?
4 “L-għalqa hija d-dinja,” spjega Ġesù biex iwieġeb il-mistoqsijiet tad-dixxipli tiegħu dwar it-tifsira tal-parabbola tal-qamħ u s-sikrana. Aħna, bħala d-dixxipli taʼ Ġesù f’dan iż-żmien, nagħrfu kemm dan huwa minnu meta nieħdu sehem fil-ministeru tagħna. (Mattew 13:36-38; 28:19, 20) Il-ministeru taʼ l-għalqa tagħna jinvolvi d-dikjarazzjoni pubblika tal-fidi tagħna. Il-fatt li x-Xhieda taʼ Jehovah issa huma magħrufin sew għall-ministeru tagħhom minn dar għal dar u fit-toroq huwa xiehda fih innifsu taʼ kemm aħna nħabirku biex infittxu lil dawk li jixirqilhom il-messaġġ tas-Saltna. Tabilħaqq, Ġesù ta l-istruzzjoni: “Fil-belt jew raħal fejn tidħlu, araw ikunx hemm min jixraqlu tmorru għandu.”—Mattew 10:11; Atti 17:17; 20:20.
5, 6. Għala nipperseveraw f’li nżuru lin-nies b’mod ripetut fi djarhom?
5 Meta mmorru nżuru lin-nies mingħajr ma niġu mistiedna minnhom, aħna nosservaw ir-reazzjoni tagħhom għall-messaġġ tagħna. Kultant insibu inkwilin li jismagħna waqt li xi ħadd mill-istess dar jgħajjat, “M’aħniex interessati,” u ż-żjara tintemm ħesrem. Kemm jiddispjaċina meta l-oppożizzjoni jew in-nuqqas taʼ interess taʼ individwu wieħed jeffettwa l-mod kif iwieġeb l-ieħor! Allura, x’nistgħu nagħmlu biex nipperseveraw ħalli nfittxu t-tajjeb f’kulħadd?
6 Iż-żjara li jmiss f’dik l-istess dar meta mmorru nippridkaw fl-istess inħawi tistaʼ tagħtina l-opportunità biex inkellmu direttament lil min ikun qatgħalna kliemna fiż-żjara taʼ qabel. Jekk niftakru x’ġara f’dik id-darba, dan se jkun t’għajnuna biex inkunu preparati. Jistaʼ jkun li dak li oppona aġixxa b’motiv tajjeb, għax jemmen li hu għandu jwaqqaf lil dak li beda jismaʼ milli jwieġeb għall-messaġġ tas-Saltna. Forsi l-ħarsa tiegħu ġiet effettwata minn xi informazzjoni falza dwar l-intenzjonijiet tagħna. Iżda dan ma jtellifniex milli nippersistu fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna f’dik id-dar, waqt li bit-tattika nipprovaw nikkoreġu xi impressjoni ħażina li setaʼ kien hemm. L-iskop tagħna hu li ngħinu lil kulħadd jikseb għarfien eżatt dwar Alla. Imbagħad Jehovah għandu mnejn jiġbed lil dak l-individwu lejh.—Ġwann 6:44; 1 Timotju 2:4.
7. X’jistaʼ jgħinna nkunu pożittivi meta mmorru fuq in-nies biex inkellmuhom?
7 L-istruzzjonijiet li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu kienu jinkludu wkoll l-oppożizzjoni mill-familja. Mhux hu stess stqarr: “Ġejt nifred lill-bniedem minn missieru, lill-bint minn ommha, u lil mara minn omm żewġha”? Ġesù żied: “Il-bniedem ikollu n-nies taʼ daru stess għedewwa tiegħu.” (Mattew 10:35, 36) Madankollu, iċ-ċirkustanzi u l-attitudnijiet jinbidlu. Marda li tiġi ħabta u sabta, il-mewt taʼ xi qarib, diżastri, kriżi emozzjonali, u numru bla għadd taʼ fatturi oħra jinfluwenzaw ir-reazzjoni tan-nies fl-ippridkar tagħna. Jekk għandna ħarsa negattiva—li n-nies li nippridkawlhom se jibqgħu ma jwiġbux—inkunu aħna verament qed infittxu t-tajjeb fihom? Għala ma nerġgħux inżuruhom bil-ferħ f’darhom f’okkażjoni oħra? Għandna mnejn insibu reazzjoni differenti. Kultant ma jkunx dak li ngħidu iżda kif ngħiduh li jqanqal bidla fil-mod taʼ kif iwiġbuna. Talb bil-ħrara lil Jehovah qabel ma nibdew l-ippridkar żgur li se jgħinna nkunu pożittivi u nkunu nistgħu nippreżentaw il-messaġġ tas-Saltna b’mod li jiġbed lil kulħadd.—Kolossin 4:6; 1 Tessalonikin 5:17.
8. X’jistaʼ jirriżulta meta l-Kristjani jfittxu t-tajjeb fil-qraba tagħhom li ma jemmnux?
8 F’bosta kongregazzjonijiet ħafna membri li jiġu mill-istess familja jaqdu lil Jehovah. Iż-żgħażagħ jammiraw u jirrispettaw il-perseveranza taʼ qarib akbar fl-età li jkollu relazzjonijiet tajbin fil-familja u fir-rabta taż-żwieġ u spiss dan jgħin biex titqanqal qalb iż-żgħażagħ. Ħafna nisa Kristjani ġew megħjuna billi taw każ il-parir taʼ l-appostlu Pietru biex lil żwieġhom jirbħuhom mingħajr kliem.—1 Pietru 3:1, 2.
Fil-Familja
9, 10. Ġakobb u Ġużeppi kif fittxew it-tajjeb fil-familja tagħhom?
9 Ir-rabta mill-qrib li tgħaqqad lill-membri taʼ familja tipprovdi post ieħor fejn nistgħu nfittxu t-tajjeb fl-oħrajn. Ikkunsidra lezzjoni mill-mod kif Ġakobb ittratta maʼ wliedu. F’Ġenesi kapitlu 37, versi 3 u 4, il-Bibbja tindika li Ġakobb kien iħobbu b’mod speċjali lil Ġużeppi. Ħut Ġużeppi bdew jgħiru, saħansitra waslu biex bdew jippjanaw li joqtluh. Madankollu, innota l-attitudnijiet taʼ Ġakobb u Ġużeppi iktar tard f’ħajjithom. It-tnejn li huma fittxew it-tajjeb fil-familja tagħhom.
10 Meta Ġużeppi kien qed jaqdi bħala l-kap fuq it-tqassim taʼ l-ikel fi żmien taʼ ġuħ kbir fl-Eġittu, hu laqaʼ lil ħutu. Għalkemm mhux mill-ewwel uriehom min kien, hu mexxa l-affarijiet sabiex jiżgura ruħu li jieħdu ħsiebhom u li jkollhom l-ikel x’jieħdu lura lil missierhom li kien imdaħħal sew fiż-żmien. Iva, minkejja li safa vittma tal-mibegħda tagħhom, Ġużeppi aġixxa għall-ġid tagħhom. (Ġenesi 41:53–42:8; 45:23) Bl-istess mod, meta kien qed imut, Ġakobb bierek b’mod profetiku lil uliedu kollha. Għalkemm l-aġir ħażin tagħhom wassal biex ġew miċħuda minn xi privileġġi, ħadd minnhom ma nqataʼ barra milli jirċievi wirt fl-art. (Ġenesi 49:3-28) Hawnhekk Ġakobb tabilħaqq wera mħabba meraviljuża li kienet lesta tissaporti!
11, 12. (a) Liema eżempju profetiku jenfasizza l-importanza li nfittxu t-tajjeb ġewwa l-familja? (b) Liema lezzjoni nitgħallmu mill-eżempju tal-missier fit-tixbiha taʼ Ġesù taʼ l-iben il-ħali?
11 Is-sabar taʼ Jehovah fil-mod kif ittratta lil ġens bla fidi taʼ Iżrael jagħtina iktar dehen dwar il-mod kif hu jfittex it-tajjeb fil-poplu tiegħu. Billi uża ċ-ċirkustanzi tal-familja tal-profeta Ħosegħa, Jehovah wera kemm hu lest jissaporti sforz l-imħabba tiegħu. Gomer, mart Ħosegħa, għamlet adulterju kemm-il darba. Minkejja dan, Jehovah idderieġa lil Ħosegħa: “Erġaʼ mur, u ħobb il-mara, maħbuba minn żewġha, li ħallietu biex tingħaqad maʼ rġiel oħra; l-istess kif il-Mulej iħobb ’l ulied Iżrael, għalkemm huma jduru lejn allat oħra u jħobbu l-ftajjar taż-żbib.” (Ħosegħa 3:1) Għala tah dawn l-istruzzjonijiet? Jehovah kien jaf li fost il-ġens li abbanduna triqatu, kien hemm individwi li se jwieġbu għall-paċenzja tiegħu. Ħosegħa ddikjara: “Mbagħad ulied Iżrael jerġgħu lura jfittxu lill-Mulej, Alla tagħhom, u lil David, is-sultan tagħhom; jersqu jitriegħdu quddiem il-Mulej, jersqu biex jieħdu l-ġid tal-Mulej fil-jiem li għad iridu jiġu.” (Ħosegħa 3:5) Żgur li dan huwa eżempju mill-aqwa li nistgħu nirriflettu fuqu meta niffaċċjaw diffikultajiet fil-familja. Jekk tibqaʼ tfittex it-tajjeb f’membri oħrajn tal-familja għallinqas tkun qed tagħti eżempju mill-aqwa fil-paċenzja.
12 Il-parabbola taʼ Ġesù taʼ l-iben il-ħali tagħtina saħansitra iktar dehen dwar kif nistgħu nfittxu t-tajjeb fejn tidħol il-familja tagħna stess. L-iben iż-żgħir mar lura d-dar wara li abbanduna l-ħajja xellerata li kien qed jgħix. Il-missier ittrattah bil-ħniena. Il-missier kif irreaġixxa għall-ilmenti taʼ l-iben il-kbir li qatt ma kien telaq lill-familja tiegħu? Waqt li kellem lill-ibnu l-kbir, il-missier iddikjara: “Ibni, . . . inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek.” Hawnhekk ma kienx jiksru iżda sempliċement kien qed jikkonfermalu l-imħabba tiegħu bħala missier. Hu kompla: “Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġaʼ qam, kien mitluf u nstab.” Aħna nistgħu bl-istess mod nibqgħu nfittxu t-tajjeb fl-oħrajn.—Luqa 15:11-32.
Fil-Kongregazzjoni Kristjana
13, 14. Liema hu mod wieħed kif nistgħu napplikaw l-aqwa liġi taʼ l-imħabba fil-kongregazzjoni Kristjana?
13 Bħala Kristjani, aħna nipprovaw napplikaw l-aqwa liġi taʼ l-imħabba. (Ġakbu 2:1-9) Jistaʼ jkun li fil-kongregazzjoni tagħna naċċettaw lil oħrajn li l-qagħda materjali tagħhom hija differenti minn tagħna. Iżda għandna xi preġudizzju rigward ir-razza, il-kultura, jew saħansitra l-isfond reliġjuż? Jekk inhu hekk, kif nistgħu nagħtu kas il-parir taʼ Ġakbu?
14 Meta nilqgħu lil kulmin jattendi l-laqgħat tagħna nkunu qed nuru kemm aħna ospitabbli. Meta nieħdu l-inizjattiva biex inkellmu lil uħud ġodda li jiġu s-Sala tas-Saltna, x’aktarx li kull biżaʼ u mistħija li jistaʼ jkollhom għall-ewwel jgħibu. Tabilħaqq, xi wħud li jattendu laqgħa Kristjana għall-ewwel darba, jgħidu: “Kulħadd kien verament dħuli. Qisu kulħadd kien diġà jafni. Ħassejtni komdu.”
15. Iż-żgħażagħ fil-kongregazzjoni kif jistgħu jiġu megħjuna biex juru interess f’dawk li huma akbar fl-età?
15 F’xi kongregazzjonijiet, xi żgħażagħ għandhom mnejn jinġabru flimkien ġewwa jew barra s-Sala tas-Saltna fl-aħħar tal-laqgħa, u ma tantx jassoċjaw maʼ wħud akbar fl-età. Kif tistaʼ ssir xi ħaġa pożittiva biex din id-drawwa tinqataʼ? M’għandniex xi ngħidu, l-ewwel pass hu li l-ġenituri jħarrġu lil uliedhom mid-dar, waqt li jippreparawhom għal-laqgħat. (Proverbji 22:6) Jistgħu jingħataw l-inkarigu li jlestu diversi pubblikazzjonijiet biex kulħadd jieħu miegħu dak li għandu bżonn għal-laqgħat. Il-ġenituri jistgħu wkoll jinkuraġġixxu ’l uliedhom biex jgħidu żewġ kelmiet lix-xjuħ u lil dawk batuti mis-saħħa fis-Sala tas-Saltna. It-tfal se jħossuhom sodisfatti għax ikollhom xi ħaġa inkuraġġanti x’jgħidu lil uħud bħal dawn.
16, 17. Il-kbar kif jistgħu jfittxu t-tajjeb fiż-żgħażagħ tal-kongregazzjoni?
16 L-aħwa rġiel u nisa li huma akbar fl-età għandhom jieħdu interess fiż-żgħażagħ tal-kongregazzjoni. (Filippin 2:4) Jistgħu jieħdu l-inizjattiva biex ikellmu liż-żgħażagħ b’mod li jinkuraġġihom. Ġeneralment ikun hemm punti li jkunu spikkaw waqt il-laqgħa. Forsi tistaʼ tistaqsi liż-żgħażagħ jekk ħadux pjaċir bil-laqgħa u jekk kienx hemm xi punti li verament laqtuhom u li jistgħu japplikawhom. Bħala parti importanti mill-kongregazzjoni, iż-żgħażagħ iridu jiġu mfaħħrin talli joqogħdu attenti u taʼ kull kumment li jagħmlu waqt il-laqgħa jew għal xi sehem li jkollhom f’partijiet tal-programm. Il-mod kif iż-żgħażagħ jingwalawha maʼ min hu akbar minnhom fil-kongregazzjoni u l-mod kif jieħdu ħsieb taʼ xogħlijiet sempliċi fid-dar se jindikaw li wisq probabbli huma se jkunu kapaċi jieħdu ħsieb responsabbiltajiet akbar iktar tard f’ħajjithom.—Luqa 16:10.
17 Xi żgħażagħ jaċċettaw ir-responsabbiltà, u b’hekk jimxu ’l quddiem sal-punt li minħabba l-kwalitajiet spiritwali tagħhom jingħataw inkarigi iktar importanti. Il-fatt li jkollhom x’jagħmlu se jżommhom lura milli jġibu ruħhom ħażin. (2 Timotju 2:22) Inkarigi bħal dawn jistgħu jkunu bħal “prova” għall-aħwa rġiel li l-mira tagħhom hi li jaqdu bħala qaddejja ministerjali. (1 Timotju 3:10) Il-parteċipazzjoni preparata tagħhom fil-laqgħat u ż-żelu tagħhom fil-ministeru, kif ukoll l-interess li juru lejn kulħadd fil-kongregazzjoni, se jgħinu lill-anzjani biex jaraw humiex kapaċi meta jikkunsidrawhom għal iktar inkarigi.
Infittxu t-Tajjeb f’Kulħadd
18. Liema periklu għandu jiġi evitat meta jsir ġudizzju, u għala?
18 “M’hux sewwa żżomm maʼ dak u maʼ l-ieħor fil-ħaqq,” jgħid Proverbji 24:23. L-għerf tas-sema jitlob li l-anzjani ma jkunux parzjali meta jiġġudikaw il-kwistjonijiet fil-kongregazzjoni. Ġakbu qal: “L-għerf li ġej mis-sema, qabel kollox hu għerf safi, imbagħad hu għerf li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-ħlewwa, huwa kollu ħniena u frott tajjeb, bla ma jħares lejn l-uċuħ u bla qerq.” (Ġakbu 3:17, Edizzjoni taʼ l-1998) M’għandniex xi ngħidu, waqt li jfittxu t-tajjeb fl-oħrajn, l-anzjani jridu jkunu ċerti li l-ġudizzju tagħhom ma jkunx preġudikat minħabba r-relazzjonijiet persunali jew l-emozzjonijiet tagħhom. “Alla joqgħod fil-laqgħa [tal-“Wieħed Divin,” NW],” kiteb is-salmista Asaf. “F’nofs l-allat [jew inkella “wħud bħal allat,” li jirreferi għall-imħallfin umani] jaqtaʼ s-sentenza: ‘Kemm se ddumu taqtgħu l-ħaqq bil-ħażen, u tħarsu lejn wiċċ il-ħżiena?’” (Salm 82:1, 2) Minħabba f’hekk, l-anzjani jwarrbu kull traċċa taʼ preferenzi meta jkun hemm xi ħabib jew qarib involut fil-kwistjoni. B’dan il-mod huma jippreservaw l-għaqda tal-kongregazzjoni u jħallu l-ispirtu taʼ Jehovah jopera bla xkiel.—1 Tessalonikin 5:23.
19. B’liema modi nistgħu nfittxu t-tajjeb fl-oħrajn?
19 Meta nfittxu t-tajjeb f’ħutna, aħna nkunu qed nirriflettu l-attitudni taʼ Pawlu meta indirizza lill-kongregazzjoni tat-Tessalonikin. Hu qal: “Aħna żguri minnkom fil-Mulej, jiġifieri, li intom qegħdin tagħmlu u għad tagħmlu dak li ordnajnielkom.” (2 Tessalonikin 3:4) Se nkunu iktar lesti ninjoraw id-dgħjufijiet taʼ l-oħrajn meta nfittxu t-tajjeb tagħhom. Se nfittxu raġunijiet għalxiex nistgħu nfaħħru lil ħutna, u żgur nevitaw spirtu taʼ kritika. Pawlu kiteb: “L-amministraturi wieħed jistenniehom li jkunu fidili.” (1 Korintin 4:2) Il-fedeltà, mhux biss taʼ dawk li għandhom l-inkarigi fil-kongregazzjoni iżda taʼ ħutna l-Kristjani kollha, se ġġagħalna nħobbuhom iktar. Għaldaqstant, se nsiru iktar qrib tagħhom u se nsaħħu r-rabta tas-sħubija Kristjana. Se jkollna l-istess opinjoni li Pawlu kellu taʼ ħutu taʼ żmienu. Huma ‘jaħdmu magħna għas-Saltna taʼ Alla’ u “huma taʼ faraġ kbir,” jew għajnuna li ssaħħaħ, għalina. (Kolossin 4:11) B’hekk nuru l-istess attitudni li juri Jehovah.
20. Liema barkiet se jiġu fuq dawk li jfittxu t-tajjeb f’kulħadd?
20 Żgur li aħna nidwu l-kliem tat-talba taʼ Neħemija: “Ftakar fija, Alla tiegħi, biex ikunli taʼ ġid.” (Neħemija 13:31) Kemm aħna kuntenti li Jehovah ifittex it-tajjeb fin-nies! (1 Slaten 14:13) Jalla nimitawh fil-mod kif nittrattaw m’oħrajn. Jekk nagħmlu dan se jkollna l-prospett tal-fidwa u taʼ ħajja taʼ dejjem f’dinja ġdida li issa tant tinsab fil-qrib.—Salm 130:3-8.
Int Kif Twieġeb?
• Jehovah fuq liema bażi jaġixxi bit-tjieba maʼ kulħadd?
• Kif nistgħu nfittxu t-tajjeb fl-oħrajn
• fil-ministeru tagħna?
• fil-familja tagħna?
• fil-kongregazzjoni tagħna?
• fir-relazzjonijiet kollha tagħna?
[Stampa f’paġna 18]
Minkejja l-mibegħda li qabel kellhom ħutu lejh, Ġużeppi fittex it-tajjeb tagħhom
[Stampa f’paġna 19]
L-oppożizzjoni ma ttellifniex milli nipprovaw ngħinu lil kulħadd
[Stampa f’paġna 20]
Minkejja l-passat tagħhom, ħadd minn ulied Ġakobb ma nqataʼ barra mill-barkiet tiegħu
[Stampa f’paġna 21]
Ilqaʼ lil kulħadd fil-laqgħat Kristjani