Il-Kristjanità Vera Qed Tiffjorixxi
IL-MINISTERU taʼ Ġesù Kristu feġġ fix-xena dinjija b’impatt qawwi fl-ewwel seklu. Il-messaġġ tiegħu kien jagħti l-qawwa, id-dawl spiritwali, u jispira b’tali mod li n-nies baqgħu mistagħġbin. Ħafna minn dawk li semgħuh jitkellem baqgħu impressjonati ħafna bi kliemu.—Mattew 7:28, 29.
Ġesù rrifjuta bla biżaʼ li jinvolvi ruħu fis-sistemi ekkleżjastiċi u politiċi oppressivi taʼ żmienu imma għamel lilu nnifsu disponibbli għan-nies komuni. (Mattew 11:25-30) Hu rrikonoxxa fil-beraħ l-influwenza kbira li għandhom l-ispirti ħżiena fuq l-art u wera l-qawwa li hu għandu fuqhom u li ngħatatlu minn Alla. (Mattew 4:2-11, 24; Ġwanni 14:30) Ġesù b’sengħa kbira tefaʼ dawl fuq il-konnessjoni fundamentali bejn is-sofferenza u d-dnub, u bi mħabba pponta lejn is-Saltna t’Alla għal serħan dejjiemi. (Mark 2:1-12; Luqa 11:2, 17-23) Hu neħħa darba għal dejjem il-velu taʼ dlam li tant kien ilu jgħatti l-personalità vera taʼ Missieru, u għarraf isem Alla lil dawk kollha li huma interessati li jkollhom relazzjoni persunali Miegħu.—Ġwanni 17:6, 26.
Għaldaqstant, m’hijiex sorpriża li minkejja l-persekuzzjoni reliġjuża u politika intensa, id-dixxipli taʼ Ġesù xerrdu b’ħeffa kbira l-messaġġ dinamiku tiegħu. Fi żmien qasir taʼ madwar 30 sena, ġew ifformati kongregazzjonijiet Kristjani attivi fl-Afrika, l-Asja, u l-Ewropa. (Kolossin 1:23) Il-veritajiet sempliċi li kien għallem Ġesù dawlu l-qlub taʼ nies umli u taʼ qalb retta fl-Imperu Ruman kollu.—Efesin 1:17, 18.
Madankollu, dawn id-dixxipli ġodda kollha minn oqsma ekonomiċi, kulturali, lingwistiċi, u reliġjużi tant differenti kif kienu se jinġabru f’“fidi waħda” verament magħquda, bħalma sejħilha l-appostlu Pawlu? (Efesin 4:5) X’kien se jżommhom ‘jaqblu fi kliemhom’ sabiex ma jinqatgħux ’il bogħod minn xulxin? (1 Korintin 1:10) Minħabba n-nuqqas kbir t’għaqda li jeżisti llum fost dawk li jissejħu Kristjani, nagħmlu tajjeb jekk neżaminaw x’għallem Ġesù nnifsu.
Il-Bażi għall-Għaqda Kristjana
Meta kien għaddej ġuri quddiem Ponzju Pilatu, Ġesù identifika x’inhi l-bażi għall-għaqda Kristjana. Hu qal: “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jismaʼ leħni.” (Ġwanni 18:37) Għalhekk, il-fatt li jaċċettaw it-tagħlim taʼ Ġesù u l-bqija tal-Kelma mnebbħa t’Alla, il-Bibbja, għandu effett qawwi li jgħaqqad fuq id-dixxipli veri taʼ Kristu.—1 Korintin 4:6; 2 Timotju 3:16, 17.
M’għandniex xi ngħidu, xi drabi d-dixxipli taʼ Ġesù kien se jkollhom mistoqsijiet sinċieri jew nuqqas taʼ qbil bejniethom. Imbagħad x’kienu se jagħmlu? Ġesù spjega: “Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jismaʼ, u jħabbrilkom il-ġejjieni.” (Ġwanni 16:12, 13) Għaldaqstant, l-ispirtu t’Alla kien se jgħin lid-dixxipli veri taʼ Ġesù jifhmu l-verità hekk kif tiġi rivelata bil-mod il-mod minn Alla. Ukoll, dan l-ispirtu kien se jipproduċi l-frott, bħall-imħabba, l-hena, u s-sliem, u min-naħa tagħhom dawn il-kwalitajiet kellhom jinkuraġġixxu l-għaqda bejniethom.—Atti 15:28; Galatin 5:22, 23.
Ġesù ma ħalliex wisaʼ għal konflitti jew frid fost id-dixxipli tiegħu, u lanqas m’awtorizzahom biex jerġgħu jinterpretaw veritajiet divini skond it-tradizzjonijiet kulturali jew reliġjużi taʼ dawk li kienu se jiltaqgħu magħhom. Minflok, fl-aħħar lejla li qattaʼ magħhom, hu talab bil-ħrara: “M’iniex nitlob għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom; nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni.” (Ġwanni 17:20, 21) Għaldaqstant, l-għaqda ġenwina fl-ispirtu u l-verità kellha tkun il-marka li tidentifika b’mod ċar lid-dixxipli taʼ Kristu mill-bidu tal-Kristjanità sa żmienna. (Ġwanni 4:23, 24) Minkejja dan kollu, il-knejjes taʼ llum m’humiex magħqudin, imma mifrudin. Dan għala?
Għala l-Knejjes Huma Mifrudin
L-unika spjegazzjoni sinċiera għala hemm tant twemmin u prattiċi differenti fost dawk li jissejħu Kristjani llum hija li dawn ma żammewx mat-tagħlim taʼ Ġesù. Wieħed kittieb osserva: “Bħal fil-passat, il-Kristjani ġodda taʼ llum għandhom it-tendenza li jieħdu mill-Bibbja dak li jgħodd għalihom—u jinjoraw dak kollu li ma jaqbilx mat-tradizzjonijiet reliġjużi lokali tagħhom.” Dan hu eżatt dak li Ġesù u l-appostli tiegħu bassru li kellu jiġri.
Per eżempju, l-appostlu Pawlu kien imnebbaħ biex jikteb lill-indokratur sieħbu Timotju: “Għad jiġi żmien meta għat-tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar, iżda widnejhom jikluhom u jiġbru madwarhom qabda mgħallmin skond ma jixtiequ, u jwarrbu widnejhom mis-sewwa biex jiġġerrew wara l-ħrejjef.” Kienu l-Kristjani kollha se jiġu mqarrqin? Le. Pawlu kompla: “Imma int oqgħod dejjem b’għajnejk miftuħa, stabar fit-tiġrib, agħmel ħidma taʼ evanġelista, aqdi sewwa l-ministeru tiegħek.” (2 Timotju 4:3-5; Luqa 21:8; Atti 20:29, 30; 2 Pietru 2:1-3) Timotju u Kristjani leali oħrajn obdew dan il-parir imnebbaħ.
Il-Kristjani Veri Għadhom Magħqudin
Bħal Timotju, il-Kristjani veri llum qed joqogħdu b’għajnejhom miftuħin billi jiċħdu raġunar uman u jaċċettaw biss dak li tgħid l-Iskrittura dwar it-twemmin duttrinali tagħhom. (Kolossin 2:8; 1 Ġwanni 4:1) L-istess bħall-Kristjani taʼ l-ewwel seklu, ix-Xhieda taʼ Jehovah qed jaqdu fil-ministeru tagħhom f’iktar minn 230 pajjiż, u jwasslu l-messaġġ oriġinali taʼ Ġesù, l-aħbar tajba tas-Saltna, lin-nies taʼ kullimkien. Ikkunsidra erbaʼ modi importanti kif huma jimitaw f’unità lil Ġesù u jipprattikaw il-Kristjanità vera minkejja fejn jgħixu.
It-twemmin tagħhom hu bbażat fuq il-Kelma t’Alla. (Ġwanni 17:17) Kappillan fil-Belġju kiteb dwarhom: “Ħaġa li nistgħu nitgħallmu minnhom [mix-Xhieda taʼ Jehovah] hi l-ħerqa tagħhom biex jisimgħu mill-Kelma t’Alla u l-kuraġġ tagħhom biex jagħtu xiehda dwarha.”
Huma jħarsu lejn is-Saltna t’Alla biex iġġib serħan mill-problemi globali. (Luqa 8:1) F’Barranquilla, il-Kolumbja, wieħed Xhud tkellem m’Antonio, partitarju akkanit taʼ moviment politiku. Ix-Xhud la żamm miegħu, u lanqas ma tkellem favur xi ideoloġija politika oħra. Minflok, hu offra li jistudja l-Bibbja bla ħlas m’Antonio u maʼ ħutu l-bniet. Antonio malajr irrealizza li s-Saltna t’Alla hija tabilħaqq l-unika tama għan-nies foqra fil-Kolumbja u fil-bqija tad-dinja.
Huma jonoraw l-isem t’Alla. (Mattew 6:9) Meta x-Xhieda taʼ Jehovah iltaqgħu għall-ewwel darba maʼ Maria, Kattolika sinċiera li tgħix fl-Awstralja, hi ħalliet lix-Xhieda juruha l-isem t’Alla fil-Bibbja. Kif irreaġixxiet? “L-ewwel darba li rajt l-isem t’Alla fil-Bibbja, infqajt nibki. Tant ħassejtni emozzjonata għall-fatt li stajt inkun naf u nuża l-isem persunali t’Alla.” Maria kompliet tistudja l-Bibbja, u għall-ewwel darba f’ħajjitha, saret taf lil Jehovah bħala persuna u rnexxielha tibni relazzjoni dejjiema miegħu.
Huma magħqudin bl-imħabba. (Ġwanni 13:34, 35) Editorjal fil-gazzetta The Ladysmith-Chemainus Chronicle, tal-Kanada, ikkummenta: “Għandek twemmin reliġjuż jew m’għandikx, ikollok tammira lill-4,500 Xhud taʼ Jehovah li ħadmu lejl u nhar matul il-ġimgħa u nofs li għaddew biex jibnu Sala taʼ l-Assemblea t’2,300 metru kwadru f’Cassidy . . . Il-fatt li ħaġa bħal din issir bil-ferħ, mingħajr argumenti, tilwim u ftaħir, hija marka tal-Kristjanità vera.”
Mela ikkunsidra l-evidenza. Filwaqt li t-teoloġi, il-missjunarji, u l-lajċi tal-Kristjaneżmu jkomplu jissieltu mal-kriżi kontroversjali li riesqa fuq il-knejjes tagħhom, il-Kristjanità vera qed tiffjorixxi mad-dinja kollha. Tabilħaqq, il-Kristjani veri qed iwettqu l-ministeru mogħti lilhom biex jippridkaw u jgħallmu l-Kelma t’Alla. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Jekk int fost dawk li qed “jitniehdu u jitbikkew” minħabba l-affarijiet mistmerra li qed jiġru bħalissa u tinsab inkwetat minħabba n-nuqqas t’għaqda fost ir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu, nistidnuk biex tingħaqad max-Xhieda taʼ Jehovah fil-qima Kristjana magħquda taʼ l-uniku Alla veru, Jehovah.—Eżekjel 9:4; Isaija 2:2-4.