Għandu t-Twemmin Reliġjuż Ikun Ibbażat fuq ir-Raġuni?
“Hemm wisq nies ‘reliġjużi’ li jsiru hekk preċiżament biex ma jkollhomx għalfejn joqogħdu jużaw il-qawwa tar-raġunar tagħhom,” jikteb id-djaknu taʼ seminarju teoloġiku fl-Istati Uniti. Hu jżid li huma jridu sempliċement jaċċettaw kollox b’għajnejhom magħluqa.
DAN jimplika li l-biċċa l-kbira min-nies li jgħidu li għandhom twemmin reliġjuż ma tantx iħabblu rashom dwar għala jemmnu dak li jemmnu jew dwar jekk hemmx bażi li hi raġunevoli għat-twemmin tagħhom. Mhux taʼ b’xejn li r-reliġjon saret suġġett li ħafna ma tantx jieħdu gost jitħaddtu dwaru.
Jisgħobbina ngħidu li prattiċi bħalma huma l-użu taʼ xbihat reliġjużi u r-ripetizzjoni taʼ talb bl-amment ukoll jiskuraġġixxu r-raġunar. Dawn il-prattiċi, flimkien m’arkitettura impressjonanti, twieqi mżejnin bi ħġieġ kulurit, u mużika li ssaħħrek, huma l-uniċi affarijiet li hija bbażata fuqhom ir-reliġjon taʼ miljuni sħaħ taʼ nies. Għalkemm xi knejjes isostnu li t-twemmin tagħhom huwa bbażat fuq il-Bibbja, il-messaġġ tagħhom taʼ ‘emmen f’Ġesù u ssalva’ jiskuraġġixxi l-istudju serju tal-Bibbja. Oħrajn jiddedikaw ruħhom biex jippridkaw evanġelju soċjali jew politiku. X’inhu r-riżultat taʼ dan kollu?
Dwar is-sitwazzjoni li hemm fl-Amerika taʼ Fuq, kittieb tar-reliġjon qal: “Il-Kristjanità . . . għandha t-tendenza li tkun superfiċjali, [u] l-membri tagħha ftit li xejn jiġu edukati f’dik li hi reliġjon.” Riċerkatur taʼ l-opinjoni pubblika saħansitra wasal biex jiddeskrivi l-Istati Uniti bħala “ġens taʼ nies li ftit li xejn jafu x’fiha l-Bibbja.” Biex inkunu għedna kollox, dawn l-osservazzjonijiet japplikaw ukoll għal pajjiżi oħrajn fejn tiddomina l-hekk imsejħa Kristjanità. Ħafna reliġjonijiet li m’humiex Kristjani bl-istess mod jiskuraġġixxu r-raġunar. Huma jagħtu iktar importanza lill-innijiet, lit-talb ritwalistiku, u lid-diversi forom taʼ meditazzjoni li jinvolvu s-sopranaturali, milli li dak li jkun jirraġuna u jifhem.
Madankollu, fil-ħajja tagħhom taʼ kuljum, l-istess nies li ma tantx iħabblu rashom dwar kemm hu eżatt it-twemmin reliġjuż tagħhom, jew kemm hu bbażat fuq il-verità, spiss tgħidx kemm iħabblu rashom fuq affarijiet oħrajn. Ma taħsibx li hi ħaġa stramba li l-istess individwu li tgħidx kemm idum jistaqsi u jfittex sempliċement biex jixtri karozza—li llum jew għada se taqaʼ biċċiet—jgħid dwar ir-reliġjon tiegħu, ‘Jekk kienet tajba għall-ġenituri tiegħi, tajba għalija’?
Jekk aħna interessati verament li nogħġbu lil Alla, m’għandniex aħna nqisu bis-serjetà jekk dak li nemmnu huwiex fi qbil mal-verità? L-appostlu Pawlu tkellem dwar ċerti nies reliġjużi taʼ żmienu li kellhom ‘ħeġġa għal Alla, iżda din ma kinitx skond l-għerf veru.’ (Rumani 10:2) Uħud bħal dawn jistgħu jitqabblu maʼ bajjâd li jaħdem iebes biex jiżbogħ dar imma juża kuluri żbaljati għax ma jagħtix widen għall-istruzzjonijiet taʼ sid id-dar. Il-bajjâd jistaʼ jkun kuntent b’xogħlu, imma s-sid se jaċċettah?
X’inhu aċċettabbli għal Alla rigward il-qima vera? Il-Bibbja twieġeb: “Dan hu tajjeb u jogħġob lil Alla s-Salvatur tagħna, li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.” (1 Timotju 2:3, 4) Xi wħud għandhom mnejn iħossu li huwa impossibbli li ssib għarfien bħal dan fost il-ħafna reliġjonijiet taʼ llum. Imma aħseb ftit—jekk hi r-rieda t’Alla li n-nies jaslu għal għarfien eżatt tal-verità, se jkun hu daqshekk inġust li jaħbihulhom? Mhux skond il-Bibbja, li tgħid: “Jekk inti tfittxu [lil Alla], iħallik issibu.”—1 Kronaki 28:9.
Alla kif iħallihom isibuh lil dawk li jfittxuh bis-sinċerità? L-artiklu li jmiss se jgħidilna.