Il-Pressjonijiet li Jiffaċċjaw iż-Żgħażagħ taʼ Llum
L-ADOLOXXENZA—anki fl-aqwa ċirkustanzi—tistaʼ tkun żmien taʼ taqlib. Matul iż-żmien taʼ l-iżvilupp iż-żgħażagħ jinħakmu minn sentimenti u emozzjonijiet ġodda. Kuljum jiffaċċjaw pressjonijiet mill-għalliema u minn sħabhom. Huma jħabbtu wiċċhom kontinwament maʼ influwenza mit-televixin, mill-films, mill-industrija tal-mużika, u mill-Internet. Għaldaqstant, rapport mill-Ġnus Magħquda jiddeskrivi l-adoloxxenza bħala “żmien taʼ bidla spiss karatterizzat minn stress u ansjetà.”
Sfortunatament, iż-żgħażagħ ġeneralment huma wisq bla esperjenza biex ikunu jafu kif għandhom ikampaw maʼ l-istress u l-ansjetà b’mod pożittiv. (Proverbji 1:4) Mingħajr il-gwida xierqa, huma malajr jistgħu jibdew iġibu ruħhom b’mod li hu taʼ ħsara għalihom infushom. Per eżempju, ir-rapport tal-Ġnus Magħquda jgħid: “Ir-riċerka turi li l-abbuż tad-droga spiss jibda matul l-adoloxxenza jew iż-żgħożija.” L-istess jistaʼ jingħad dwar imġiba ħażina oħra bħall-vjolenza u s-sess maʼ min jiġi.
Il-ġenituri li jinjoraw dawn l-affarijiet għax mingħalihom jiġru biss fost “il-foqra” jew ċerti gruppi etniċi spiss jiddispjaċihom. Il-problemi li ż-żgħażagħ qed iġarrbu llum jeffettwaw lil żgħażagħ taʼ kull razza u taʼ diversi livelli ekonomiċi u soċjali. “Jekk qed taħseb li ‘delinkwent żagħżugħ’ ifisser biss ġuvni taʼ 17-il sena minn grupp taʼ minoranza li jgħix fil-qalba tal-belt u li ommu tirċievi benefiċċji soċjali għax fqira, mela ma tafx x’qed jiġri madwarek,” jikteb l-awtur Scott Walter. “Iż-żagħżugħ diffiċli taʼ llum jistaʼ jkun taʼ razza bajda, jistaʼ jkun ġej minn familja tal-klassi tan-nofs u dik ftit iktar għolja, jistaʼ jkun iżgħar (ħafna iżgħar) minn 16-il sena, u jistaʼ jkun kemm tifel kif ukoll tifla.”
Iżda, għala hawn tant żgħażagħ li jinsabu f’riskju? Iż-żgħażagħ taʼ qabel mhux ukoll iffaċċjaw sfidi u tentazzjonijiet? Iva, imma aħna qed ngħixu f’perijodu li l-Bibbja tiddeskrivih bħala “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1-5) Hemm ċirkustanzi u pressjonijiet uniċi għal dan iż-żmien partikulari fl-istorja li jeffettwaw liż-żgħażagħ. Ejja neżaminaw ftit minnhom.
Bidliet fil-Familja
Ikkunsidra, per eżempju, il-bidliet fis-sitwazzjoni tal-ħajja tal-familja. “Iktar minn terz tat-tfal Amerikani jesperjenzaw id-divorzju tal-ġenituri tagħhom qabel ma jagħlqu t-18-il sena,” jirrapporta l-Journal of Instructional Psychology. Nistgħu nikkwotaw statistiki simili minn pajjiżi tal-Punent. Hekk kif ir-rabta taż-żwieġ tal-ġenituri tagħhom tisfaxxa, iż-żgħażagħ spiss ikollhom ikampaw m’emozzjonijiet taʼ wġigħ. Dan il-ġurnal jgħid: “Ġeneralment it-tfal li jkunu għadhom kemm esperjenzaw firda fil-familja jsibuha iktar diffiċli biex imorru tajjeb fl-iskola u biex jingwalawha m’oħrajn fl-iskola minn tfal li jiġu minn familji sħaħ jew familji stabbiliti b’ġenitur wieħed jew li jkollhom ġenituri li reġgħu żżewġu . . . Iktar minn hekk, id-divorzju tal-ġenituri spiss jeffettwa l-istabbilità emozzjonali u r-rispett persunali tat-tfal.”
L-għadd li dejjem jikber taʼ nisa li ħarġu jaħdmu biddel ukoll is-sitwazzjoni tal-familja. Studju dwar il-kriminalità fost iż-żgħażagħ fil-Ġappun osserva li hu iktar diffiċli għal familji b’żewġ pagi biex jieħdu ħsieb uliedhom milli għal familji fejn wieħed mill-ġenituri jibqaʼ d-dar.
Veru, ħafna familji għandhom bżonn żewġ pagi sempliċement biex jipprovdu l-bżonnijiet tal-ħajja. B’żewġ pagi t-tfal jistaʼ jkollhom ukoll ħajja iktar komda. Imma hemm żvantaġġ: Miljuni taʼ tfal jiġu lura mill-iskola u jsibu dar vojta. Meta jaslu l-ġenituri, spiss ikunu għajjenin u inkwetati bil-problemi fuq ix-xogħol. X’inhu r-riżultat? Ħafna adoloxxenti m’humiex qed jingħataw attenzjoni biżżejjed mill-ġenituri. Wieħed żagħżugħ ilmenta: “Aħna ma nqattgħux ħin flimkien bħala familja.”
Ħafna li jħossu li din id-drawwa m’hijiex sinjal tajjeb għall-futur taż-żgħażagħ. “Nemmen li l-bidliet fit-trobbija tat-tfal f’dawn l-aħħar tletin sena qed jirriżultaw fi tfal bla rabta emozzjonali, li ma jikkomunikawx, ma jistgħux jitgħallmu, u ma tistax tikkontrollahom,” jgħid it-Tabib Robert Shaw. “Il-ġenituri jsibu ruħhom imjassrin minn soċjetà materjalistika u li titlob iżżejjed minnhom, u minħabba fiha jispiċċaw iqattgħu tant sigħat fuq ix-xogħol u jonfqu tant flus li ma jkunux jistgħu jsibu l-ħin biex jagħmlu dak li hemm bżonn ħalli jiżviluppaw rabta emozzjonali maʼ wliedhom.”
Hemm xi ħaġa oħra li thedded il-benesseri taʼ l-adoloxxenti: It-tfal taʼ ġenituri li jaħdmu, spiss ikollhom iqattgħu ħafna ħin bla superviżjoni. Jekk il-ġenituri ma jiħdux ħsieb uliedhom kemm hemm bżonn ikunu qed jistiednu l-inkwiet.
Opinjonijiet Differenti dwar id-Dixxiplina
Il-fatt li l-opinjonijiet dwar id-dixxiplina mill-ġenituri dejjem jinbidlu wkoll effettwa liż-żgħażagħ taʼ llum. Bħalma qal ċar u tond Dr. Ron Taffel, ħafna ġenituri “jċedu l-awtorità tagħhom.” Meta jiġri hekk, iż-żgħażagħ jikbru bi ftit, jew xejn, regoli jew gwida biex tikkontrolla l-imġiba tagħhom.
F’xi każi, jidher li l-ġenituri jkunu qed jirreaġixxu għall-esperjenzi negattivi li kellhom fit-tfulija tagħhom stess. Huma jixtiequ jkunu ħbieb taʼ wliedhom u mhux uħud li jżommu d-dixxiplina. “Kont inċedilhom wisq,” tammetti waħda omm. “Il-ġenituri tiegħi kienu jżommuli ħafna; jien ridt inkun differenti maʼ wliedi imma kont żbaljata.”
Eżattament x’lesti jagħmlu l-ġenituri f’dan ir-rigward? USA Today tirrapporta: “Stħarriġ ġdid taʼ kważi 600 adoloxxenti li qed jieħdu kura għall-vizzju tad-drogi fi New York, Texas, Florida u Kalifornja indika li 20 fil-mija ħadu d-drogi, minbarra l-alkoħol, mal-ġenituri tagħhom, u fil-każ taʼ madwar 5 fil-mija taʼ l-adoloxxenti kienu l-ommijiet jew il-missirijiet li fil-fatt qabbduhom il-vizzju tad-drogi—ġeneralment il-marijuana.” Xi jqanqal lil ġenitur biex jagħmel xi ħaġa daqshekk irresponsabbli? Waħda omm ammettiet: “Għedtilha li nippreferiha tiħodhom id-dar fejn stajt inżommha taħt għajnejja.” Milli jidher oħrajn iħossu li billi jieħdu d-drogi maʼ wliedhom ikunu jistgħu jiżviluppaw “rabta” magħhom.
Attakki mill-Mezzi tax-Xandir
Imbagħad hemm l-influwenza qawwija tal-mezzi tax-xandir. Skond ir-riċerkatriċi Marita Moll, stħarriġ wieħed wera li ż-żgħażagħ fl-Istati Uniti bejn wieħed u ieħor iqattgħu erbaʼ sigħat u 48 minuta kuljum quddiem it-televixin jew fuq il-kompjuter.
Huwa dan tassew taʼ ħsara? Artiklu pubblikat fir-rivista Science rrapporta li “sitt soċjetajiet professjonali ewlenin fl-Istati Uniti,” inkluż l-Għaqda Medika Amerikana, kollha qablu li l-vjolenza fil-mezzi tax-xandir hija konnessa maʼ “l-imġiba aggressiva taʼ xi tfal.” “Minkejja li l-esperti jaqblu bejniethom,” osservat ir-rivista Science, “il-pubbliku ġenerali ma jidhirx li qed jieħu l-messaġġ . . . li l-vjolenza fuq il-mezzi tax-xandir tikkontribwixxi għal soċjetà iktar vjolenti.”
Per eżempju, ikkunsidra l-vidjos tad-diski. Il-ġenituri spiss jinħasdu meta jaraw kemm xi wħud minn dawn il-vidjos huma dettaljati u espliċiti sesswalment. Jistgħu dawn tassew jeffettwaw il-mod kif iġibu ruħhom xi żgħażagħ? Skond studju li sar fuq 500 student, “il-kliem vjolenti fid-diski jżid il-ħsibijiet u s-sentimenti aggressivi.” Skond studju reċenti ieħor, l-adoloxxenti li jqattgħu iktar ħin jaraw is-sess u l-vjolenza fil-vidjos tad-diski tal-mużika rap, li tigglorifika l-mibegħda u l-vjolenza, għandhom iktar ċans li jwettqu dawn l-affarijiet fir-realtà. Dan l-istudju li sar fuq iktar minn 500 tfajla wera li dawk li jaraw ħafna minn dawn il-vidjos għandhom iktar ċans li jfajru xi daqqa lill-għalliema, jiġu arrestati, u jkollhom relazzjonijiet sesswali maʼ diversi wħud.
L-Adoloxxenti u l-Kompjuters
F’dawn l-aħħar snin il-kompjuter ukoll effettwa bil-kbir il-mod kif jaħsbu ż-żgħażagħ. “L-għadd taʼ kompjuters persunali fid-dar żdied b’mod drammatiku fl-aħħar għaxriet taʼ snin,” jgħid il-ġurnal Pediatrics. “Mal-pajjiż kollu [fl-Istati Uniti], żewġ terzi mill-familji bi tfal taʼ l-età li jmorru l-iskola (minn 6 sa 17-il sena) kellhom kompjuter . . . Il-persentaġġ taʼ tfal li kellhom minn 3 sa 17-il sena fl-Istati Uniti u li kienu jgħixu f’dar li kellha kompjuter żdied minn 55 fil-mija fl-1998 għal 65 fil-mija fis-sena 2000.” F’ħafna pajjiżi oħra l-kompjuter qed jintuża iktar.
Madankollu, żagħżugħ m’hemmx għalfejn ikollu kompjuter biex juża wieħed. Riċerkatur wieħed għalhekk jgħid li “madwar 90 fil-mija miż-żgħar bejn il-5 u s-17-il sena jużaw il-kompjuter, u 59 fil-mija minnhom jużaw l-Internet.” Minħabba f’hekk iż-żgħażagħ għandhom aċċess għall-informazzjoni li qabel qatt ma kien ikollhom—ħaġa tajba jekk il-kompjuter jintuża b’mod xieraq, u jekk il-kbar joqogħdu biżżejjed għassa tagħhom. Imma hemm wisq ġenituri li ħallew liż-żgħar jużaw dan l-apparat mingħajr ebda restrizzjoni.
Bħala evidenza taʼ dan, ir-riċerkatriċi Moll kitbet fil-ġurnal Phi Delta Kappan li skond stħarriġ li sar fis-sena 2001 dwar l-użu taʼ l-Internet, “71 fil-mija mill-ġenituri ħasbu li kienu jafu ‘ħafna jew biżżejjed’ dwar kif uliedhom jużaw l-Internet. Madankollu, meta t-tfal ġew mistoqsijin l-istess mistoqsija, 70 fil-mija qalu li l-ġenituri tagħhom kienu jafu ‘ftit jew xejn’ dwar l-attivitajiet tagħhom fuq l-Internet.” Skond dan l-istħarriġ, “30 fil-mija mit-tfal taʼ bejn id-9 u l-10 snin qalu li kienu jidħlu f’chat rooms privati li suppost jidħlu fihom il-kbar biss. Il-problema tkompli tiggrava, bi 58 fil-mija mit-tfal taʼ bejn il-11 u t-12-il sena, 70 fil-mija mit-tfal taʼ bejn it-13 u l-14-il sena, u 72 fil-mija mit-tfal bejn il-15 u s-17-il sena jirrapportaw li jagħmlu dan. . . . Fi stħarriġ li sar fil-Britannja dwar l-użu taʼ l-Internet fid-dar, wieħed minn kull sebaʼ ġenituri ammetta li ma kellux idea taʼ x’kienu qed jaraw it-tfal fuq l-Internet.”
Meta l-Internet jintuża bla superviżjoni, iż-żgħar jistgħu jispiċċaw jaraw il-pornografija. Madankollu, ir-riskji ma jiqfux hemm. Taffel, li semmejnieh qabel, jilmenta: “Uliedna qed jagħmlu ħbieb fl-iskola u [fuq l-Internet]—u bħala riżultat qed iqattgħu l-ħin maʼ tfal li spiss aħna ma jirnexxilniex niltaqgħu magħhom.”
Jidher ċar li ż-żgħażagħ taʼ llum jiffaċċjaw ħafna pressjonijiet u problemi li l-ġenerazzjonijiet taʼ qabel lanqas biss kienu jafu bihom. Mhux taʼ b’xejn li ħafna żgħażagħ qed jaġixxu b’mod li jinkwetak! X’jistaʼ jsir biex tingħata għajnuna liż-żgħażagħ taʼ llum?
[Kumment f’paġna 6]
“Nemmen li l-bidliet fit-trobbija tat-tfal f’dawn l-aħħar tletin sena qed jirriżultaw fi tfal bla rabta emozzjonali, li ma jikkomunikawx, ma jistgħux jitgħallmu, u ma tistax tikkontrollahom.”—IT-TABIB ROBERT SHAW
[Stampa f’paġna 6, 7]
Il-fatt li iktar nisa ħarġu jaħdmu biddel is-sitwazzjoni tal-familja
[Stampa f’paġna 7]
Żgħażagħ mingħajr superviżjoni malajr jistgħu jsibu ruħhom fl-inkwiet
[Stampa f’paġna 8]
Ir-riċerkaturi jorbtu l-vidjos vjolenti tad-diski maʼ mġiba vjolenti
[Stampa f’paġna 9]
Taf x’qed jaraw uliedek fuq l-Internet?