LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 6/8 pp. 19-21
  • Ipproteġi s-Smigħ Tiegħek!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ipproteġi s-Smigħ Tiegħek!
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Ħsejjes li Nisimgħu
  • Kif Jiffunzjona s-​Smigħ
  • Kif il-​Ħoss Jagħmel Ħsara lis-​Smigħ
  • Ipproteġi u Tawwal is-​Smigħ Tiegħek
  • Salva S-​Smigħ Tiegħek!
    Stenbaħ!—1997
Stenbaħ!—2002
g02 6/8 pp. 19-21

Ipproteġi s-​Smigħ Tiegħek!

“Iktar minn 120 miljun ruħ fid-​dinja għandhom id-​diżabilità taʼ impediment fis-​smigħ.”—L-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa.

L-​ABBILTÀ li nisimgħu hija rigal li rridu ngħożżuh. Iżda, hekk kif nibdew nikbru fiż-​żmien, is-​smigħ tagħna jibda jonqos bil-​mod il-​mod. Is-​soċjetà moderna, bil-​ħafna ħsejjes u storbju varjat li toħloq, donnha li ħaffet dan il-​proċess. Xjenzat imlaħħaq fl-​Istitut Ċentrali għal Dawk Neqsin mis-​Smigħ, f’St. Louis, Missouri, l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika, innota: “Madwar 75 fil-​mija mit-​telf taʼ smigħ . . . ma jiġix kaġunat biss mill-​proċess tax-​xjuħija imma wkoll minn dak li tkun għamilt lil widnejk f’ħajtek.”

Meta tesponi ruħek, anki għal ħin qasir, għal ħsejjes qawwijin b’mod estrem tkun qed tagħmel ħsara lill-​istrutturi sensittivi li għandna fil-​widna minn ġewwa. Iżda, iktar spiss, it-​telf taʼ smigħ ikun riżultat “tas-​snin li tkun ilek espost għall-​ħsejjes u l-​istorbju fuq ix-​xogħol, fil-​passatempi, u waqt id-​divertiment,” qalet Dr. Margaret Cheesman, speċjalista tal-​widnejn. X’tistaʼ tagħmel biex tipproteġi s-​smigħ tiegħek? Biex issib it-​tweġiba, ikun t’għajnuna li tkun taf xi ħaġa dwar kif jiffunzjona s-​sens taʼ smigħ.

Il-​Ħsejjes li Nisimgħu

L-​ambjent li ngħixu fih donnu li qed isir iktar storbjuż. Kuljum ħafna nies jiġu bombardjati bi ħsejjes li jvarjaw mill-​ħoss taʼ karozzi, xarabanks, u trakkijiet fit-​toroq sa l-​istorbju li joħolqu l-​għodod li jaħdmu bl-​elettriku fuq il-​post tax-​xogħol.

Kultant aħna nżidu mal-​problema billi ngħollu l-​volum taʼ l-​apparat li nkunu qed nisimgħu. Mod popolari kif in-​nies jisimgħu l-​mużika huwa permezz taʼ headphones imwaħħlin maʼ xi CD jew tejp rikorder li jġorru magħhom. Skond Marshall Chasin, wieħed mill-​fundaturi tal-​Kliniċi tal-​Mużiċisti fil-​Kanada, stħarriġ li sar fil-​Kanada u fl-​Istati Uniti jindika li ż-​żgħażagħ qegħdin iktar u iktar isofru minn telf taʼ smigħ kaġunat mill-​użu taʼ headphones b’volum għoli ħafna.

Imma x’inhu meqjus għoli ħafna? Il-​ħoss huwa karatterizzat minn tliet affarijiet—id-​dewmien, il-​frekwenza, u l-​għoli. Id-​dewmien jirreferi sempliċement għat-​tul taʼ ħin li jinstemaʼ l-​ħoss. Il-​frekwenza, jew qawwa, taʼ ħoss tiġi deskritta f’ċikli kull sekonda, jew hertz. Il-​varjazzjoni tal-​frekwenza tal-​ħoss għal smigħ normali u bla periklu hija minn 20 sa 20,000 ċiklu kull sekonda.

L-​għoli, jew is-​saħħa, taʼ ħoss jitkejjel b’qisien imsejħin deċibels (dB). Il-​konversazzjoni normali għandha livell taʼ ħoss taʼ bejn wieħed u ieħor 60 deċibel. Xi awdjoloġi jgħidu li iktar ma tkun ilek espost għal xi ħoss għoli ’l fuq minn 85 deċibel, akbar se jkun it-​telf taʼ smigħ li jirriżulta. Iktar ma jkun qawwi l-​ħoss, iktar se ssir ħsara malajr lis-​smigħ. Rapport fir-​rivista Newsweek innota: “Widintek tistaʼ tismaʼ bla periklu għal sagħtejn sħaħ il-​ħoss taʼ trapan li jaħdem bl-​elettriku (100 dB), imma mhux iktar minn nofs siegħa fl-​istorbju taʼ post fejn jintlagħab il-​logħob tal-​kompjuter (110 dB). Kull żjieda taʼ 10 deċibels fuq l-​iskala tal-​ħsejjes tirrappreżenta 10 darbiet iktar taʼ ħoss qawwi li jtarrax il-​widnejn.” Xi testijiet li saru jikkonfermaw li l-​ħoss jibda jweġġagħlek widnejk meta jilħaq bejn wieħed u ieħor 120 deċibel. Ħaġa taʼ l-​iskantament, xi apparat sterjo li ssib fid-​djar jistaʼ jipproduċi ħoss taʼ livell ogħla minn 140 deċibel!—Ara l-​kaxxa inkluża maʼ l-​artiklu.

Biex tkun tistaʼ tifhem għala l-​ħsejjes qawwijin jistgħu jagħmlulek ħsara fis-​smigħ, ejja nikkunsidraw x’jiġri meta l-​ħoss jasal f’widnejk.

Kif Jiffunzjona s-​Smigħ

Il-​forma tal-​parti mlaħħma tal-​widna minn barra, imsejħa l-​awrikola, jew pinna, hija mfassla biex tiġbor il-​ħoss u titfgħu fil-​kanal tal-​widna, fejn malajr jasal fit-​tanbur. F’dan il-​punt, il-​ħoss iġiegħel lit-​tanbur jivvibra, u t-​tanbur, mill-​banda l-​oħra, iġiegħel lit-​tliet għadmiet f’nofs il-​widna jivvibraw. Imbagħad, il-​vibrazzjonijiet jgħaddu għal ġol-​widna minn ġewwa, borża mimlija likwidu miksija bl-​għadam. Hawnhekk il-​vibrazzjonijiet jgħaddu minn ġol-​likwidu u jmorru fil-​ħofra tal-​widna, il-​parti tal-​widna minn ġewwa forma taʼ bebbuxu li tismaʼ u li fiha ċ-​ċelluli tax-​xagħar. Il-​likwidu taʼ ġol-​ħofra tal-​widna jġiegħel lill-​parti taʼ fuq taċ-​ċelluli tax-​xagħar tipproduċi impulsi tan-​nervituri li jistgħu jinqraw mill-​moħħ. Dawn l-​impulsi mbagħad jiġu trasmessi fil-​moħħ, fejn jiġu tradotti u interpretati bħala ħoss.

Il-moħħ għandu sistema li biha jkun jistaʼ jiddeċiedi liema ħsejjes irid joqgħod attent għalihom u liema jrid jinjora. Per eżempju, omm għandha mnejn ma tismax il-​ħsejjes normali taʼ tifel jew tifla li tkun qed tilgħab, imma twieġeb minnufih għal għajta maħsuda. Is-​smigħ b’żewġ widnejn jgħinna nisimgħu bħallikieku b’żewġ mikrofoni, u dan huwa utli ferm, għax permezz t’hekk inkunu nistgħu nindunaw minfejn ġej il-​ħoss. Madankollu, meta ħoss ikun jikkonsisti f’diskors, il-​moħħ ma jkunx jistaʼ jifhem iktar minn messaġġ wieħed fl-​istess ħin. “Huwa għalhekk,” jgħid il-​ktieb The Senses, “li meta in-​nies ikunu qed jisimgħu lil xi ħadd ikellimhom fuq it-​telefon, ma jkunux jistgħu jifhmu dak li jkun qed jgħidilhom taʼ ħdejhom.”

Kif il-​Ħoss Jagħmel Ħsara lis-​Smigħ

Biex tifhem kif il-​ħsejjes qawwijin jistgħu jagħmlu ħsara lis-​smigħ, ikkunsidra l-​paragun li ġej. Rapport dwar is-​sigurtà fuq il-​post tax-​xogħol iqabbel iċ-​ċelluli tax-​xagħar fil-​widna minn ġewwa mal-​qamħ f’għalqa u l-​ħoss li jidħol fil-​widna mar-​riħ. Żiffa ħelwa, bħal ħoss b’livell baxx, se ċċaqlaq il-​parti taʼ fuq tal-​qamħ, imma l-​qamħ ma ssirlux ħsara. Madankollu, jekk ir-​riħ iżid fil-​veloċità, dan se jisforza z-​zokk tal-​qamħa. Riħ qawwi ferm li jiġi ħabta u sabta jew kuntatt kontinwu maʼ rjieħ inqas qawwijin imma għal perijodu twil taʼ żmien jistaʼ jagħmel ħsara permanenti liz-​zokk u dan imut.

Huwa simili fil-​każ tal-​ħoss u ċ-​ċelluli ċkejknin u delikati tax-​xagħar fil-​widna minn ġewwa. Ħoss qawwi f’daqqa jistaʼ jċarrat it-​tessuti tal-​widna minn ġewwa u jħalli marki li jikkaġunaw telf taʼ smigħ permanenti. Iżjed minn hekk, ħsejjes b’livelli perikolużi u fit-​tul jistgħu jagħmlu ħsara permanenti liċ-​ċelluli delikati tax-​xagħar. Ladarba ssirilhom il-​ħsara, ma jkunux jistgħu jerġgħu jieħdu l-​ħajja. Ir-​riżultat taʼ dan jistaʼ jkun it-​tinnitus—żarżir, tisfir, jew tifqigħ fil-​widnejn jew fir-​ras.

Ipproteġi u Tawwal is-​Smigħ Tiegħek

Għalkemm l-​eredità jew xi inċident mhux mistenni jistaʼ jirriżulta f’telf taʼ smigħ, nistgħu nieħdu xi prekawzjonijiet biex nipproteġu u ntawlu s-​sens taʼ smigħ prezzjuż tagħna. Huwa tajjeb li nitgħallmu bil-​quddiem dwar xi perikli li jistgħu jinqalgħu fis-​smigħ. Bħalma qal wieħed awdjologu, “li tistenna li tqum xi problema qabel ma tieħu azzjoni huwa bħal meta tidlek xi krema biex ma tiħdokx ix-​xemx wara li tkun inħraqt.”

Spiss tkun kwistjoni taʼ kif nisimgħu mhux x’nisimgħu. Per eżempju, jekk tuża headphones li huma sterjo, forsi jkun tajjeb li tissettja l-​volum f’livell baxx biżżejjed biex tkun tistaʼ tismaʼ l-​ħsejjes taʼ madwarek. Jekk l-​isterjo fil-​karozza jew fid-​dar jiġi ssettjat tant għoli li joħnoq il-​konversazzjoni normali, dan jistaʼ jkun sinjal li qiegħed għoli biżżejjed ukoll biex jagħmel ħsara lis-​smigħ tiegħek. L-​esperti jwissu illi li tkun espost għal sagħtejn jew tlieta għal ħoss b’90 deċibel jistaʼ jagħmel ħsara lil widnejk. Tappijiet tal-​widnejn jew apparati oħrajn li jipproteġu s-​smigħ huma rikkmandati kulmeta tkun f’xi ambjent storbjuż.

Il-ġenituri jagħmlu tajjeb jiftakru li wliedhom huma iktar f’riskju għal ħsara fis-​smigħ milli huma l-​adulti. Żomm f’moħħok il-​periklu li jistgħu jikkaġunaw il-​ġugarelli storbjużi. Per eżempju, ċekċieka tal-​logħob tistaʼ tilħaq livell taʼ 110 deċibels!

Widnejna huma mekkaniżmi żgħar, delikati u taʼ l-​għaġeb. Bihom nistgħu nisimgħu l-​ħsejjes differenti u sbieħ kollha li fiha d-​dinja taʼ madwarna. Żgur li dan ir-​rigal prezzjuż tas-​smigħ jixraqlu jiġi protett.

[Kaxxa f’paġna 20]

Il-​Livell, bejn Wieħed u Ieħor, tad-​Deċibels taʼ Xi Ħsejjes Komuni

• In-​nifs—10 deċibels

• It-​tpespis—20 deċibel

• Il-​konversazzjoni—60 deċibel

• It-​traffiku fl-​aqwa tiegħu—80 deċibel

• Apparat li jitħan l-​ikel—90 deċibel

• Ferrovija għaddejja—100 deċibel

• Serrieq taʼ l-​elettriku—110 deċibels

• Ajruplan għaddej—120 deċibel

• Sparatura taʼ senter—140 deċibel

[Kaxxa f’paġna 21]

Tistaʼ Tkun Qed Titlef is-​Smigħ Jekk

• Tgħolli l-​volum tar-​radju jew tat-​TV imma lil oħrajn ikun qed idejjaqhom

• Titlob kontinwament lil oħrajn biex jirrepetu dak li jkunu qalu

• Spiss tqarras wiċċek, tinġibed ’il quddiem, u ddawwar rasek sabiex tismaʼ lil min ikun qed ikellmek

• Issibha diffiċli biex tismaʼ f’laqgħat pubbliċi jew meta jkun hemm l-​istorbju madwarek, bħal per eżempju f’xi laqgħa soċjali jew f’xi supermarkit iffollat

• Spiss tiddependi minn oħrajn biex jgħidulek dak li ntqal

[Dijagramma f’paġna 20]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Awrikola

Tliet għadmiet f’nofs il-​widna

Tanbur

Ħofra tal-​widna

Nervituri għall-​moħħ

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja