Salva S-Smigħ Tiegħek!
STĦARRIĠ riċenti fuq 400 żagħżugħ u żagħżugħa fi Franza rrivela li 1 minn kull 5 minnhom isofri minn telf taʼ smigħ. Studju simili għaxar snin qabel wera li 1 biss minn kull 10 żgħażagħ kien isofri minn telf bħal dan. Bħala azzjoni fuq iż-żjieda drammatika fit-telf taʼ smigħ fiż-żgħażagħ, iktar kmieni din is-sena l-Assemblea Nazzjonali taʼ Franza vvotat li tillimita l-livell tal-ħoss minn stereos persunali għal 100 deċibel.
Ħafna mill-ħtija għat-telf tas-smigħ hija mitfugħa fuq il-livelli għoljin tal-ħsejjes li joħorġu mill-headphones taʼ l-istereos persunali. Il-kirurgu tal-widnejn Jean-Pierre Cave jgħid li volumi ’l fuq minn 100 deċibel jistgħu jirriżultaw fi ħsara permanenti wara ftit sigħat. Jieħu biss minuti għal ħsara bħal din biex isseħħ meta l-volum huwa ’l fuq minn 115-il deċibel. Il-FNAC, waħda mill-kumpaniji ewlenin li jbigħu prodotti elettroniċi fi Franza, tgħid li l-biċċa l-kbira taʼ l-istereos persunali tagħha jipproduċu iżjed minn 100 deċibel. Xi stereos persunali jistgħu jipproduċu 126 deċibel, li huwa saħħa t’400 darb’iżjed minn 100 deċibel!
Il-kunċerti tal-mużika rock għandhom mnejn qegħdin ikunu taʼ ħsara saħansitra akbar għaż-żgħażagħ milli qegħdin jagħmlu l-istereos persunali, skond Christian Meyer-Bisch, speċjalista Franċiż tas-smigħ. Tabilħaqq, dawk li jattendu regolarment għall-kunċerti tal-mużika rock kellhom telf sinjifikanti tas-smigħ meta kkomparati maʼ dawk taʼ 18-il sena li huma f’saħħithom. Mhux taʼ b’xejn li Jean-François Mattei, uffiċjal taʼ l-Assemblea Nazzjonali taʼ Franza, wissa: “Qegħdin nipproduċu ġenerazzjoni taʼ nies torox.”
Għalhekk biex issalva s-smigħ tiegħek, oqgħod attent minn dak il-volum!