Twelid Taʼ Stilla F’“Bejta” T’Ajkla
●L-ISTILEL kif jitwieldu? Xi wħud għala huma akbar u jlellxu iktar minn oħrajn? B’mod spettakolari sett taʼ ritratti meħudin mit-teleskopju spazjali magħruf bħala Hubble għandhom mnejn li juru kwiekeb li qegħdin jiġu fformati. Din l-attività mhux tas-soltu qiegħda sseħħ f’nofs in-Nebula taʼ l-Ajkla, sħaba taʼ gassijiet u trabijiet fil-galassja tagħna magħrufa bħala t-Triq tal-Ħalib.
Għal dawk li jħarsu lejn l-istilel minn fuq l-art, in-Nebula taʼ l-Ajkla tidher qisha għasfur bi ġwienaħ miftuħin ’il barra u dwiefer mikxufin. L-astronomu Jeff Hester u l-kollegi tiegħu fl-Università taʼ l-Istat t’Arizona interessaw ruħhom li jieħdu ritratti tad-dwiefer, li kull wieħed minnhom jifforma kolonna bħal pilastru li tixbah it-tromba taʼ ljunfant. Hemm, radjazzjoni ultravjola qiegħda tijonizza l-molekuli taʼ l-idroġenu—jiġifieri, tqaxxar l-elettroni tagħhom.
Meta wieħed ipoġġi r-ritratti tal-Hubble ħdejn xulxin isib tużżani taʼ swabaʼ żgħar ħerġin minn truf il-pilastri. F’tarf is-swabaʼ, gass ikkondensat jifforma globuli sferiċi li fihom qegħdin jiżviluppaw stilel ġodda u, skond xi astronomi, forsi anki pjaneti. Madankollu, it-tkabbir taʼ dawn l-oġġetti qed jiġi mtellef minn irwiefen stellari qawwijin li ġejjin minn xi mitt stilla ġdida li fformaw min-nebula iktar kmieni. L-aqwa fost dawn l-istilel jistaʼ jkun li jlellxu 100,000 darba iżjed, u jarmu sħana tmien darbiet iktar, mix-xemx tagħna. Ir-radjazzjoni tagħhom mid-dehra diġà nawret partijiet tan-nebula li m’humiex daqstant densi. Dan il-proċess, magħruf bħala foto-evaporazzjoni, għandu mnejn itellef il-formazzjoni taʼ l-istilel billi jwarrab materjal li setaʼ kieku jinbelaʼ mill-istilel li għad iridu jitwieldu. Fir-ritratti l-gass li qed jevapora jidher bħal fwar tielaʼ mill-kolonni taʼ gass u trabijiet.
Biex waħda minn dawn il-globuli taʼ gass tkun tistaʼ tibda tiddi, trid tkun massiva biżżejjed biex tiġġenera reazzjonijiet nukleari. Ix-xjenzati jikkalkulaw li d-daqs tagħha jrid ikun taʼ mhux inqas minn 8 fil-mija tad-daqs tax-xemx. Iktar minn hekk, irid jitneħħa biżżejjed mit-trab taʼ mad-dawra biex ikun jistaʼ jidher id-dawl. Madankollu, jekk il-globula ma ssirx kbira biżżejjed biex tiddi, din tistaʼ ssir sempliċement ballun tal-gass mudlam magħruf bħala nanu kannella. Dan l-aħħar, xi astronomi skoprew l-ewwel nanu kannella li setaʼ jintgħaraf.
Ix-xebh taʼ l-isħab taʼ trabijiet fin-Nebula taʼ l-Ajkla maʼ sħab immens tar-ragħad li naraw f’jiem taʼ tempesta jistaʼ jqarraq bik tant li taħseb li l-isħab tat-trabijiet ma tantx hu kbir. Attwalment, kull pilastru taʼ sħab tant hu twil li leħħa taʼ dawl li tibda minn tarf wieħed trid iddum sejra sena biex tasal sat-tarf l-ieħor. Ukoll, kull globula “ċkejkna” li tidher fl-istampa hija bejn wieħed u ieħor id-daqs tas-sistema solari tagħna. Jerġaʼ iktar minn hekk, in-nebula tant tinsab ’il bogħod li d-dawl minnha ħa madwar 7,000 sena biex jasal hawn—b’veloċità taʼ 299,792 kilometru kull sekonda. Dan ifisser li qegħdin inħarsu lejn in-Nebula taʼ l-Ajkla kif kienet tidher qabel ma nħalaq il-bniedem.
L-astronomi josservaw li l-formazzjoni taʼ l-istilel tidher li sseħħ ukoll f’nebuli oħrajn, bħalma hi n-Nebula Orion. Madankollu, l-angolu li minnu wieħed jistaʼ jara dawn l-eżempji l-oħrajn itellef lil dak li jkun milli jara l-proċess b’mod ċar. L-istilel jistgħu wkoll imutu billi sempliċement isiru rmied, billi jisplodu b’mod vjolenti f’xi supernova, jew billi jikkollassaw taħt il-forza tal-gravità u jsiru toqba sewda. Il-Ħallieq taʼ l-univers, Alla Jehovah, iżomm kont taʼ l-istilel, għax kollha kemm huma nnumerati u mogħtijin isem minnu. (Isaija 40:26) Il-“bejta” taʼ l-ajkla stellari għandha mnejn qiegħda turi xi ftit mill-modi li bihom Alla ‘sawwar id-dawl’ u pproduċa kwiekeb li m’humiex kollha l-istess fil-glorja.—Isaija 45:7; 1 Korintin 15:41.—Ikkontribwit.
[Stampa fʼpaġna sħiħa fʼpaġna 15]
[Sors tal-Istampa fʼpaġna 14]
J. Hester u P. Scowen, (AZ State Univ.), NASA