Il-kċina Tistaʼ Tkun Pjaċevoli
“ITLAQLI ’l barra mill-kċina!” Ħafna tfal bil-ġuħ ngħataw dik it-twissija meta pprovaw inaqqru xi ftit mill-ikel mill-borma. Madankollu, minflok ma jkeċċuhom, il-ġenituri imisshom jistiednu lit-tfal tagħhom ġewwa l-kċina. Dan għala? Għaliex il-kċina hija, fil-fatt, klassi affaxxinanti.
Il-kċina hija post fejn it-tfal jistgħu jiżviluppaw il-kreattività u s-sengħa taʼ kif isolvu l-problemi, post fejn jistgħu jitgħallmu kif jaqdu lil oħrajn u jaħdmu bħala parti minn tim, post fejn konversazzjonijiet mimlijin tifsir li jqanqlu l-qalb jistgħu jqumu spontanjament, post fejn jiġu mnaqqxin baxx baxx valuri li ngħożżu profondament. Iva, fl-armarji u l-kxaxen mimlijin u fuq l-ixkafef taʼ kull kċina hemm lezzjonijiet imprezzabbli—lesti li jieħdu l-ħajja int u tipprepara l-ikla li jmiss.
F’din l-era taʼ teknoloġija u informazzjoni, għala nużaw il-kċina bħala post għat-taħriġ t’uliedna? It-tweġiba hija ż-żmien. Ħafna ġenituri jirrikonoxxu li sempliċement m’hemm xejn aħjar milli jqattgħu ħin m’uliedhom—ħafna ħin!a Il-problema hija fejn se ssib il-ħin. Xi awtoritajiet iħeġġu lill-ġenituri biex jagħtu ħarsa lejn ix-xogħol taʼ rutina li jagħmlu madwar id-dar bħala opportunità biex jagħmlu affarijiet m’uliedhom u jedukawhom. Dan huwa fi qbil maʼ kmandament li Alla ta lill-ġenituri fin-nazzjon bikri taʼ Israel: “Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.”—Dewteronomju 6:6, 7.
Peress li xorta waħda jkollna nqattgħu l-ħin fil-kċina regolarment, dan jidher li huwa l-post ovvju għal attività flimkien mal-familja. U kuntrarju għal ħarġiet speċjali, li taʼ spiss ikollhom jistennew sakemm ikollna l-ħin, l-enerġija, jew il-flus biex indaħħluhom fl-iskeda, l-aptit għall-ikel ma tistax tħallih għal darb’oħra. Barra minn hekk, il-kċina għandha attrazzjoni naturali għat-tfal. Wara kollox, fejn iktar huma mħarrġin biex jużaw l-iskieken bil-galbu u jużaw pożati oħrajn? Meta t-tfal ikunu qegħdin jieħdu pjaċir jistgħu xi kultant saħansitra jagħmlu mandra! Liema lezzjonijiet, iżda, għandha x’toffri l-kċina?
Tagħlim Fil-“Klassi” Tal-Kċina
Louise Smith—magħrufa maʼ l-istudenti tagħha t’erbaʼ snin, bħala l-“Gingerbread Lady”—għamlet din l-osservazzjoni bbażata fuq 17-il sena t’esperjenza f’li tgħallem it-tisjir lil tfal żgħar: “L-ikel huwa għodda kbira taʼ tagħlim għaliex huwa xi ħaġa li t-tfal kollha jifhmu. Is-sensi tagħhom tax-xamm, tat-togħma, u tal-mess huma tant tajbin f’etajiet żgħar li dawn isiru involuti kollhom kemm huma. U tistaʼ tgħallem il-fonetika, il-matematika, u s-sengħa taʼ kif isolvu l-problemi permezz taʼ l-ikel.” Li tferraʼ, li titħan, li tqaxxar, li tgħarbel, li tħawwad, u li trembel huma affarijiet li jgħinu lit-tfal jiżviluppaw is-sengħa manwali u l-koordinazzjoni bejn l-għajnejn u l-idejn. Li tifred (bħal meta tqiegħed iż-żbib u l-ġewż f’munzelli separati) u li tpoġġi f’sekwenza (billi ddaħħal f’xulxin il-kikkri taʼ l-użin fl-ordni) jgħallmu konċetti li jservu bħala pedamenti biex jitgħallmu l-matematika. Li jsegwu riċetta huwa eżerċizzju fl-użu tan-numri, tal-qisien, tal-ħin, tal-loġika, u tal-lingwa. U wieħed ma jistax jissogra fid-dinja komplessa u mimlija perikli tal-kċina mingħajr ma jitgħallem xi ħaġa dwar is-sigurezza, ir-responsabbiltà, l-organizzazzjoni persunali, u x-xogħol taʼ li taħdem f’tim.
M’għandniex ninsew il-valur taʼ li titgħallem issajjar. M’hijiex xi ħaġa rari li tfal li jibdew billi jgħinu fil-kċina isiru kapaċi jippreparaw ikliet sħaħ sakemm isiru adolexxenti. Liema ġenitur li jkollu ħafna x’jagħmel ma jifraħx b’dan minn żmien għal żmien? Barra minn hekk, it-tisjir jgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw il-kunfidenza u l-indipendenza—kwalitajiet li jistgħu jibbenefikaw minnhom meta iżjed ’il quddiem jieħdu r-responsabbiltajiet t’adulti, kemm jekk jiżżewġu u kemm jekk ma jiżżewġux.—Qabbel 1 Timotju 6:6.
Lee, li baqaʼ ġuvni sa ma kellu ftit iżjed minn 30 sena, jiftakar: “Ommi bdiet tħarriġni fir-rutini bażiċi tal-kċina meta kelli madwar sitt snin. Għall-ewwel, kont interessat l-iżjed f’li nagħmel gallettini, kejkijiet, u ħelu ieħor. Imma meta kelli disaʼ snin, kont kapaċi nippjana u nipprepara ikla sħiħa għall-familja tagħna, u dan għamiltu fuq bażi regulari. Iżjed tard, bħala ġuvni adult, sibt illi li tkun taf kif tieħu ħsieb varjetà taʼ dmirijiet fid-dar, inkluż it-tisjir, għamilli l-ħajja iżjed faċli. U definittivament ikolli ngħid li dan ikkontribwixxa għal li issa qiegħed ingawdi żwieġ hieni.”
It-Tisjir Huwa Pjaċevoli!
Kif jistaʼ ġenitur isib il-ħin biex iħarreġ lit-tfal fil-kċina? Waħda omm tissuġġerixxi li tirranġa ħin meta jkun hemm distrazzjonijiet mill-inqas. Jekk għandek diversi tfal, għandek mnejn li għall-ewwel tkun trid taħdem mat-tfal wieħed wieħed. Biex tagħmel hekk, agħżel ħin meta t-tfal l-oħrajn ikunu reqdin jew ikunu l-iskola. Ippjana li tqattaʼ iżjed ħin milli kieku kont qiegħda ssajjar waħdek. U kun lesta li tieħu pjaċir fil-kċina!
Għall-ewwel sessjoni tiegħek, tistaʼ tħalli lil ibnek jagħżel xi ħaġa li jħobb jiekol.b Fittex riċetta sempliċi li ġġib riżultati malajr. Kun żgur li tinkludi xogħol li hu jkun kapaċi jispiċċa b’suċċess. Biex iżżomm lil ibnek milli jiddejjaq, ġagħlu jsib minn qabel xi wħud mill-ingredjenti u pożati li għandu bżonn. Għandek mnejn saħansitra tipprepara parzjalment xi wħud mill-ingredjenti bil-quddiem sabiex is-sessjoni ma ddumx u ma tkunx tedjanti.
Aqra r-riċetta kollha mat-tifel tiegħek, billi turih kif jagħmel kull biċċa xogħol. Agħti lit-tifel tiegħek l-ispazju tiegħu stess fil-kċina—forsi kexxun bi ftit skutelli u xi ftit pożati—u agħtih fardal. Minflok ma tħalli lit-tifel jilbes fardal taʼ mara, forsi ssiblu wieħed magħmul għal xi kok. Mill-bidunett, enfasizza l-importanza tas-sigurezza u agħmel regoli sensibbli għal ġewwa l-kċina.—Ara l-kaxxa intitolata “L-Ewwel Lezzjoni—Is-Sigurezza,” paġna 18.
Iżjed minn kollox, ipprova agħmilha pjaċevoli. Tħallix lit-tifel tiegħek iħares biss; ġagħlu jaħsel idejh, u jżommhom okkupati fil-preparazzjoni attwali taʼ l-ikel. Ħallilu l-opportunità li jesplora, jesperimenta, u jistaqsi mistoqsijiet. U jekk l-ikel ma jkunx ġie perfett, tinkwetax. Jekk it-tifel tiegħek għamlu hu stess, wisq probabbli li jieklu xorta!
L-Għaqda Fil-Familja
Bla dubju, l-akbar benefiċċji li joħorġu mill-kċina jinvolvu l-unità u l-valuri tal-familja. Għandek mnejn osservajt li f’xi djar illum il-membri tal-familja jkunu okkupati fl-attivitajiet separati tagħhom mingħajr ma jkollhom kuntatt veru maʼ xulxin. Taħt ċirkostanzi bħal dawn, id-dar x’aktarx li ma ssir xejn għajr post fejn tistrieħ, stazzjon fejn tieqaf biex tittrejjaq. B’kuntrast, familja li ssajjar flimkien għandha iżjed ċans li tiekol flimkien u li tiżbarazza l-kċina flimkien. Dawn l-attivitajiet jipprovdulhom opportunitajiet regulari biex jikkomunikaw, jaħdmu flimkien, u jkun hemm kuntatt bejniethom. “Kelli xi wħud mill-aħjar diskussjonijiet tiegħi m’uliedi s-subjien waqt li kont qiegħda naħsel il-platti,” tiftakar waħda omm. U Hermann, missier Kristjan, iżid: “Aħna apposta bqajna mingħajr dishwasher għal diversi snin, sabiex il-platti bil-fors kellhom jiġu maħsulin u xxottati bl-idejn. Uliedna kienu inkarigati li jixxottaw darba kull wieħed. Dak kien l-aħjar żmien għal komunikazzjoni każwali.”
Iva, il-ħin li tqattaʼ fil-kċina mat-tfal tiegħek—ġimgħa wara ġimgħa, sena wara sena—jipprovdi bażi fuqiex jistgħu jiżviluppaw il-valuri spiritwali u l-kwalitajiet li jrid Alla. Huwa matul mumenti rilassanti bħal dawn, meta tkunu flimkien, li jistgħu jqumu b’mod naturali konversazzjonijiet bejn il-ġenitur u t-tifel u li l-influwenza taʼ l-eżempju tal-ġenitur tistaʼ teffettwa b’mod sieket il-qalb tat-tifel. Taħriġ bħal dan jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għal ibnek tul ħajtu kollha, għax Proverbji 22:6 jgħid: “Ħarreġ tifel jimxi fit-triq it-tajba; ma joħroġx minnha lanqas meta jixjieħ.”
Mela jekk bħala ġenitur qiegħed tfittex modi kif tqattaʼ iżjed ħin m’uliedek, għalfejn ma tistidinhomx biex jgħinuk tipprepara xi kejk jew ikla sħiħa? Għandek mnejn issib li billi taħdem magħhom fil-kċina huwa mezz kemm biex titmaʼ u kemm biex tħarreġ lill-familja tiegħek.
[Noti taʼ taħt]
a Għal diskussjoni fuq dan is-suġġett, ara l-artiklu “‘Quality Time’ Doled Out in Limited Quantities” (‘Ħin Taʼ Kwalità’ Mogħti Fi Kwantitajiet Limitati), fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 taʼ Mejju, 1993, paġni 16-17.
b Sabiex ma ntawlux, minn issa ’l quddiem it-tfal se jiġu rreferuti bħala “hu.” Madankollu, l-informazzjoni tapplika l-istess għall-bniet.
[Kaxxa fʼpaġna 18]
L-Ewwel Lezzjoni—Is-Sigurezza
Kun Konxju Tas-Sigurezza
• B’mod serju imma mhux li jbeżżaʼ, spjega l-perikli taʼ li taħdem fil-kċina, qisek qiegħed tispjega l-perikli tat-traffiku fi triq mimlija karozzi. Agħti eżempju tajjeb int stess.
• Ipprovdi superviżjoni adulta kull meta t-tfal ikunu qegħdin jaħdmu fil-kċina. Tħallix lit-tifel juża xi pożati jew apparat, speċjalment taʼ l-elettriku, jekk għadu mhux kapaċi jużahom.
• Żomm il-kċina tiegħek fl-ordni. Naddaf dak li tkun waqqajt u neħħi min-nofs l-imbarazz mill-ewwel. Annimali u distrazzjonijiet oħrajn għandhom jinżammu ’l barra mill-kċina waqt li tkun qiegħda ssajjar.
Ipproteġi S-Swabaʼ
• Mixers taʼ l-elettriku, blenders, u food processors għandhom jintużaw biss meta jkun hemm adult preżenti. Kun żgur li l-apparat jiġi mitfi u maqlugħ minn ġo l-iswiċċ qabel maʼ ibnek ipoġġi xi pożata fl-iskutella.
• Żomm l-iskieken misnunin, ladarba sikkina mhux misnuna tirrikjedi iżjed saħħa biex taqtaʼ u għalhekk hemm iżjed ċans li tiżloqlok.
• Meta ibnek ikun qiegħed jitgħallem juża sikkina, ġagħlu jsegwi dawn il-passi: (1) aqbad is-sikkina mill-manku tagħha, (2) poġġi s-sikkina fuq l-ikel, (3) poġġi l-id l-oħra fuq in-naħa taʼ wara tas-sikkina, u (4) agħmel is-saħħa biex taqtaʼ l-ikel.
• Uża injama biex tqattaʼ fuqha. Biex ma tħallix lill-ħaxix jirrombla ’l hemm u ’l hawn fil-waqt li ibnek ikun qiegħed jipprova jqattgħu, l-ewwel aqsmu min-nofs u poġġi n-naħa ċ-ċatta ’l isfel fuq l-injama.
Oqgħod Għassa Għal Xi Ħruq
• Dejjem itfi n-nar u l-forn meta ma jkunux qegħdin jintużaw. Żomm is-srievet, il-kotba tat-tisjir, u l-biċċiet li taqbad il-borom bihom ’il bogħod min-nar.
• Poġġi l-mankijiet tal-borom lejn iċ-ċentru tal-forn, fejn ma jkunux jistgħu jintlaqtu faċilment u jikkaġunaw tixrid.
• Jekk tħalli lil ibnek jaħdem ħdejn il-forn, kun żgur li qiegħed bil-wieqfa fuq xi ħaġa soda u stabbli.
• Tiġborx xi ħaġa taħraq jekk ma tafx diġà fejn se tpoġġiha. Kun żgur li oħrajn li jkunu fil-kċina jkunu jafu meta tkun qiegħed iġġorr xi ħaġa taħraq, speċjalment jekk tkun se tgħaddi minn warajhom.