LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 12/8 pp. 18-21
  • L-Internet—Kif Tevita l-Perikli Tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Internet—Kif Tevita l-Perikli Tiegħu
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Hemm Bżonn li Toqgħod Attent
  • Il-​Perikli taċ-​Chat Rooms
  • Prinċipji Bibliċi Jistgħu Jħarsuk
  • Kif Nistaʼ Nevita l-Perikli taʼ fuq l-Internet?
    Stenbaħ!—2000
  • Jistaʼ Jkun Tassew Perikoluż li Tinnamra fuq l-Internet?
    Stenbaħ!—2005
  • Tfal fuq l-Internet—Dak li Jistgħu Jagħmlu l-Ġenituri
    Stenbaħ!—2009
  • L-Internet—Nużaw b’Għaqal Din l-Għodda Globali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 12/8 pp. 18-21

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

L-​Internet—Kif Tevita l-​Perikli Tiegħu

F’RAĦAL imwarrab fl-​Indja, bidwi jiċċekkja l-​prezz tal-​fażola tas-​sojja f’Chicago, l-​Istati Uniti, biex jiddetermina l-​aħjar żmien biex ibigħ il-​prodott tiegħu. Fl-​istess ħin, pensjonanta titbissem waqt li taqra E-mail mingħand in-​neputi tagħha; wieħed li se jivvjaġġa jiċċekkja t-​temp fid-​destinazzjoni tiegħu; u omm issib informazzjoni utli għall-​ħowmwerk tat-​tifel tagħha​—kollha permezz taʼ l-​Internet. Bi kważi 600 miljun persuna konnettjata maʼ l-​Internet madwar id-​dinja, ir-​rivoluzzjoni taʼ l-​Internet bidlet il-​mod taʼ kif id-​dinja tikkomunika u tinnegozja.

Speċjalment il-​ġenerazzjoni żagħżugħa, kultant imsejħa l-​Ġenerazzjoni tal-​Kompjuters, adottat l-​użu taʼ l-​Internet. Iktar minn qatt qabel, l-​istudenti qed jużawh minflok il-​librerija bħala l-​aħjar sors għall-​aħbarijiet u r-​riċerka. ‘Fi ftit kliem, dawn l-​istudenti bażikament jużaw l-​Internet għall-​istudju kollu tagħhom,’ tgħid Deanna L. Tillisch, direttriċi taʼ studju li jinvolvi studenti taʼ l-​università fl-​Istati Uniti. Iva, l-​Internet huwa għodda taʼ valur fis-​soċjetà moderna tagħna.

Ġeneralment, iktar ma għodda tkun b’saħħitha, iktar tistaʼ tkun perikoluża. Serrieq taʼ l-​elettriku huwa b’saħħtu ħafna iktar minn serrieq taʼ l-​idejn; madankollu, irid jintuża b’attenzjoni. Bl-​istess mod, l-​Internet huwa utli u għandu qawwa kbira, imma għandna noqogħdu attenti meta nużawh, għax fih perikli serji. Minħabba dawn il-​perikli, iktar minn 40 nazzjon li huma membri tal-​Kunsill taʼ l-​Ewropa għamlu trattat internazzjonali bl-​iskop li jipproteġu lis-​soċjetà mill-​kriminalità li ssir fuq l-​Internet.

Għala hawn daqstant tħassib? Liema huma xi ftit mill-​perikli li huma taʼ interess partikulari għall-​Kristjani? Għandhom dawn il-​perikli jġagħluk tieqaf tuża l-​Internet? Liema gwida tipprovdi l-​Bibbja?

Hemm Bżonn li Toqgħod Attent

Sekli ilu, il-​Bibbja tat twissija dwar perikli li ġew minn irġiel mill-​agħar deskritti bħala ‘bnedmin taʼ l-​għawġ’ u ‘jaħsbu biex jagħmlu d-​deni.’ (Proverbji 24:8) Il-​profeta Ġeremija ddeskriviehom bħala rġiel “ħżiena” li “djarhom mimlija serq.” Bħal nassâb, huma “jqiegħdu n-​nassa” biex jaqbdu n-​nies biex ‘jistagħnu.’ (Ġeremija 5:​26, 27) It-​teknoloġija tat lill-​irġiel “ħżiena” taʼ llum nases li huma differenti minn dawk taʼ qabel. Ejja nikkunsidraw xi skemi li jistgħu jippreżentaw perikli serji għall-​Kristjani.

Il-​pornografija fuq l-​Internet hija industrija li tagħmel qligħ taʼ madwar 2.5 biljun dollaru fis-​sena. L-​għadd taʼ paġni pornografiċi fuq l-​Internet kiber b’rata mgħaġġla taʼ kważi 1,800 fil-​mija fl-​aħħar ħames snin. Huwa stmat li issa hemm iktar minn 260 miljun minn dawn il-​paġni, u n-​numru jkompli jikber b’rata li qatt ma kien hawn bħalha. “Il-​pornografija tant qed issir komuni fuq l-​Internet li issa huwa diffiċli li tevita li taraha anki jekk ma tkunx trid, u dan qed jagħmilha iktar faċli li wħud isiru jiddependu fuq is-​cybersex (sess fuq l-​Internet),” qalet it-​Tabiba Kimberly S. Young, direttriċi esekuttiva taċ-​Ċentru Kontra l-​Vizzji taʼ fuq l-​Internet.

Il-Bibbja tgħidilna li “kull bniedem jiġġarrab billi jkun miġbud u mħajjar mix-​xewqa tiegħu stess.” (Ġakbu 1:​14) Billi jqisu lil kulmin għandu kompjuter bħala xi ħadd li jistaʼ jkun vittma tagħhom, dawk li jmexxu l-​pornografija jużaw varjetà taʼ tattiċi biex jolqtu x-​“xewqa” taʼ dak li jkun, jiġifieri, “ix-​xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn.” (1 Ġwanni 2:​16) L-​iskop tagħhom hu li jonsbu lil dawk li innoċentement qed jużaw l-​Internet biex jipprovaw ‘iħajruhom.’—Proverbji 1:​10.

Bħall-irġiel ħżiena fi żminijiet Bibliċi, nies li jmexxu l-​pornografija spiss jużaw il-​qerq. Huwa stmat li biex iħajru konsumaturi ġodda, dawn jagħmlu sforz kbir billi kuljum jibagħtu madwar żewġ biljun E-mail bil-​pornografija. Spiss l-​E-mails mhux mixtiqin ikollhom suġġett li jidher innoċenti. Però, jekk tiftaħ waħda minnhom tistaʼ tesponi ruħek għal dilluvju taʼ stampi immorali li diffiċli biex twaqqfu. Jekk tibgħat biex ineħħuk mil-​lista tagħhom dan jistaʼ jirriżulta f’dilluvju ieħor taʼ messaġġi pornografiċi li ma tkunx trid tarahom.

Nassâb iqiegħed iż-​żrieragħ f’passaġġ, u għasfur li ma jinduna b’xejn jibda jiekol żerriegħa wara l-​oħra sakemm f’daqqa waħda tfaqqaʼ n-​nassa. Bl-​istess mod, il-​kurżità twassal lil xi wħud biex juru ftit interess fi stampi li jqanqlu sesswalment, waqt li jittamaw li m’hemm ħadd li qed jarahom. Billi jsibuh eċċitanti b’mod sesswali, uħud minnhom jirritornaw darba wara l-​oħra biex jaraw iktar minn dawn l-​istampi eċċitanti li jkunu qed jinfluwenzawhom. Għandu mnejn li l-​mistħija u l-​ħtija jitturmentawhom. Maż-​żmien, dak li darba kien jixxokkjahom issa jsir aċċettabbli. Għal dawk li jħobbu jaraw il-​pornografija, l-​Internet hu bħal fertilizzant li jġiegħel lix-​xewqat ikomplu jikbru b’mod mgħaġġel sakemm jaslu għal azzjonijiet midinbin. (Ġakbu 1:​15) Eventwalment dawn l-​individwi jistgħu jiżviluppaw ‘imġiba sigrieta u perikoluża li tiffoka fuq xewqat sesswali bla kontroll u mingħajr ebda prinċipji tajbin,’ jirrapporta t-​Tabib Victor Cline, psikologu kliniku li fejjaq mijiet taʼ pazjenti li nqabdu f’din in-​nassa.

Il-​Perikli taċ-​Chat Rooms

Iċ-​chat rooms fuq l-​Internet jistgħu jkunu ħela taʼ ħin, u qed jiġu assoċjati iżjed u iżjed maʼ ksur taʼ relazzjonijiet. Waqt li esprima l-​frustrazzjoni tiegħu dwar l-​ammont taʼ ħin li martu tqattaʼ fuq l-​Internet, wieħed raġel kiteb: “Malli tidħol mix-​xogħol, tixgħel il-​kompjuter u ġieli ddum ħames sigħat jew iktar. Bħala riżultat iż-​żwieġ tagħna qed ibati.” Iva, il-​ħin li tqattaʼ fuq l-​Internet huwa ħin li tistaʼ tqattaʼ mas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek u mal-​familja.

Angela Sibson, kap ewlieni taʼ Relate, servizz għal pariri fiż-​żwieġ, tgħid li l-​Internet huwa “bieb li jwassal għal relazzjonijiet oħra. Jistgħu jkunu qawwijin ħafna u jkissru relazzjonijiet li diġà jeżistu.” Dak li jibda bħala konversazzjoni dħulija f’chat room fuq l-​Internet jistaʼ malajr isir xi ħaġa iktar serja. Determinati li jieħdu sehem f’relazzjonijiet immorali, dawk taʼ “qalbhom kollha qerq” jużaw “kliem ħelu” biex lil dawk li jistgħu jaqgħu vittmi tagħhom jgħidulhom dak li jixtiequ jisimgħu. (Proverbji 6:​24; 7:​10) Nicola, vittma taʼ 26 sena mill-​Ingilterra, tispjega: “Kien bħal bumbardament taʼ mħabba. Hu kien joqgħod jgħidli kemm jien meraviljuża u jien emmintu.” It-​Tabib Al Cooper, editur taʼ Sex and the Internet: A Guidebook for Clinicians, jgħid li għandna bżonn “inwissu lin-​nies dwar il-​perikli li jistgħu jirriżultaw meta jibdew juru interess romantiku f’oħrajn fuq l-​Internet u li dan spiss iwassal għal divorzju.”

It-tfal huma saħansitra iktar vulnerabbli u hemm ċans li jiġu sfruttati u mweġġgħin minn “uħud li jikkommettu offiżi sesswali fuq l-​Internet.” Billi jużaw “ħażen il-​fomm” u “qerq ix-​xufftejn,” il-​pedofili jfittxu tfal bla esperjenza. (Proverbji 4:​24; 7:7) Jibdew billi jħejju lit-​tifel, jew it-​tifla, billi juruh ħafna attenzjoni, affezzjoni, u qalb tajba sabiex iġagħluh iħossu speċjali. Donnhom jafu dak kollu li jinteressah, inkluż il-​mużika favorita u l-​passatempi tiegħu. Problemi żgħar fil-​familja jkabbruhom sabiex joħolqu firda bejnu u l-​familja tiegħu. Sabiex iwettqu x-​xewqat mill-​agħar tagħhom, il-​predaturi jistgħu saħansitra jibagħtu biljett taʼ l-​ivvjaġġar lill-​vittmi tagħhom biex dawn imorru għandhom. Ir-​riżultati huma tal-​biżaʼ.

Prinċipji Bibliċi Jistgħu Jħarsuk

Wara li qiesu l-​perikli, xi wħud iddeċidew li huwa aħjar jekk jevitaw l-​użu taʼ l-​Internet għalkollox. Madankollu, għandek tkun taf li persentaġġ żgħir biss taʼ sites fuq l-​Internet huma taʼ periklu u li l-​maġġuranza minn dawk l-​uħud li jużawh ma esperjenzawx problemi serji.

Aħna grati li l-​Iskrittura tipprovdi gwida biex ‘tgħassisna’ mill-​periklu. Aħna inkuraġġiti biex niksbu l-​għarfien, l-​għerf, u l-​abbiltà tal-​ħsieb. Kwalitajiet bħal dawn se ‘jgħassu fuqna’ biex ‘jeħilsuna minn triq il-​ħażen.’ (Proverbji 2:​10-12) Ġob, qaddej t’Alla tal-​qedem, staqsa: “L-​Għerf, mela, minn fejn jiġi?” Ir-​risposta x’kienet? “Li tibżaʼ mill-​Mulej hu l-​għerf.”​—Ġob 28:​20, 28.

“Il-​biżaʼ tal-​Mulej,” li jfisser li ‘tobgħod il-​ħażen,’ huwa l-​bażi biex tiżviluppa kwalitajiet li jogħġbu lil Alla. (Proverbji 1:7; 8:​13; 9:​10) Imħabba u rispett għal Alla, flimkien maʼ rispett bnin għall-​qawwa u l-​awtorità tiegħu, jirriżultaw f’li nobogħdu u nevitaw l-​affarijiet ħżiena li hu jobgħod. L-​abbiltà li naħsbu b’mod ċar, flimkien m’għarfien li hu fi qbil mal-​prinċipji t’Alla, jgħinuna nirrikonoxxu l-​perikli li jistgħu jħammġulna moħħna, qalbna, u l-​ispiritwalità tagħna. Aħna nsiru nobogħdu l-​attitudnijiet egoistiċi u rgħiba li jistgħu jirrovinaw lill-​familji tagħna u jeqirdulna r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova.

Għalhekk, jekk tuża l-​Internet, kun af il-​perikli. Kun determinat li żżomm il-​kmandi t’Alla, u evita li turi anki ftit interess f’dak li jistaʼ jikkaġuna problemi kbar. (1 Kronaki 28:7) Imbagħad jekk tiffaċċja perikli, int bil-​għaqal se taħrab minnhom.​—1 Korintin 6:​18.

[Kaxxa f’paġna 19]

ŻOMM ’IL BOGĦOD MILL-​PORNOGRAFIJA!

“Lanqas biss għandhom jissemmew fostkom iż-​żína u n-​nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta jew ir-​regħba, bħalma jixraq lill-​qaddisin.”​—Efesin 5:3.

“Għalhekk, mewtu l-​membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-​art fejn tidħol iż-​żína, in-​nuqqas taʼ ndafa, l-​aptit sesswali, ix-​xewqa li twassal għall-​ħsara, u x-​xenqa b’għira.”​—Kolossin 3:5.

“Għax dan hu li jrid Alla, . . . li kull wieħed minnkom ikun jaf kif jikkontrolla ġismu bil-​qdusija u bl-​unur, mhux b’aptit sesswali mimli xenqa bħalma għandhom ukoll dawk il-​ġnus li ma jafux lil Alla.”​—1 Tessalonikin 4:​3-5.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 20, 21]

ATTENT MIĊ-​CHAT ROOMS FUQ L-​INTERNET!

Waħda ditektiv li tispeċjalizza fil-​kriminalità li ssir fuq l-​Internet stiednet lir-​rivista Stenbaħ! biex tara l-​perikli taċ-​chat rooms fuq l-​Internet. Hi daħlet f’chat room taparsi tifla taʼ 14-il sena. Wara biss ftit sekondi, numru taʼ individwi għamlu kuntatt magħha. Dawn bdew jistaqsu mistoqsijiet bħal: “Minn fejn int?” “Int tifel jew tifla?” “Nistgħu nitkellmu ftit?” Ftit minn dawn il-​messaġġi kienu ġejjin minn persuni suspettati mill-​pulizija li huma predaturi sesswali u li kienu qed jiġu investigati. Dan juri kemm hu faċli għal pedofilu li jidħol f’chat room maʼ wliedek!

Xi ġenituri jaħsbu li wliedhom huma fis-​sigurtà meta jużaw iċ-​chat rooms għax il-​konversazzjonijiet jistgħu jiġu osservati minn kulmin ikun fiċ-​chat room waqt li d-​diskussjoni tkun għaddejja. Madankollu, ladarba tkun f’chat room, int tistaʼ tiġi mistieden biex ikollok konversazzjoni privata maʼ xi ħadd. Meta jirreferi għal din il-​prattika, l-​Internet Taskforce għall-​Protezzjoni tat-​Tfal fir-​Renju Unit iwissi: “Dan hu bħal meta twarrab għal ftit minn party kollu nies u tmur f’kamra privata u jkollok konversazzjoni separata maʼ xi stranġier.”

Huwa importanti wkoll li l-​ġenituri jifhmu li l-​maġġuranza mill-​pedofili jridu jagħmlu iktar milli sempliċement joqogħdu jitkellmu maʼ wliedhom. Dokument mill-​Forum dwar il-​Kriminalità fuq l-​Internet jirrapporta: “Kuntatt li jinbeda f’chat room jistaʼ jkompli jiżviluppa permezz taʼ mezzi taʼ komunikazzjoni oħra, bħall-​e-mail u t-​telefons (ċellulari).” Rapport mill-​Uffiċċju Federali taʼ l-​Investigazzjoni fl-​Istati Uniti jgħid hekk: “Minkejja li għall-​pedofilu huwa eċċitanti li jikkomunika mal-​vittma żgħira tiegħu fuq l-​Internet, dan m’hux biżżejjed. Ħafna jkunu jridu jkellmu lit-​tfal fuq it-​telefon. Spiss jieħdu sehem ‘f’sess fuq it-​telefon’ mat-​tfal u spiss ikunu jridu jiltaqgħu għal sess taʼ veru.”

Sabiex jagħmlu dan, il-​pedofili jagħtuhom in-​numru tat-​telefon tagħhom. Jekk it-​tifel, jew it-​tifla, tiegħek iċemplilhom, il-​pedofilu jkun jistaʼ jara n-​numru tat-​telefon tat-​tifel permezz taʼ ID caller. Predaturi oħra għandhom numri bla ħlas jew jgħidu lit-​tfal biex iċemplu u mbagħad iħallsu huma. Xi wħud saħansitra bagħtu lit-​tfal telefon ċellulari. Dawk li jagħmlu dawn l-​offiżi jistgħu wkoll jibagħtu ittri, ritratti, u rigali.

Mhux it-​tfal biss huma fil-​periklu taċ-​chat rooms. Billi uża kliem sabiħ u ħelu li n-​nisa jkunu jridu jisimgħu, reċentement wieħed raġel ġiegħel lil sitt nisa jsiru jħobbuh fl-​istess ħin fir-​Renju Unit. Waħda mill-​vittmi, Cheryl, tfajla gustuża taʼ 27 sena li ggradwat mill-​università, tgħid: “Issa ma nistax nispjegaha. Ir-​relazzjoni tant saret intensa li kkontrollatli ħajti kollha.”

“In-​nisa jsibu li l-​Internet hu taʼ faraġ għaliex m’humiex qed jiġu ġudikati għad-​dehra fiżika tagħhom,” qalet Jenny Madden, li bdiet l-​organizzazzjoni Nisa fuq l-​Internet. “Imma huma jagħmlu lilhom infushom vulnerabbli ħafna għax hemm it-​tendenza, fiċ-​chat rooms partikolarment, li tgħid ħafna dwarek innifsek fi żmien qasir.”

“Kulma rrid nagħmel hu li nixgħel il-​kompjuter tiegħi u jkolli eluf taʼ nisa minfejn nagħżel,” qal wieħed raġel li ġie intervistat għal riċerka li saret mill-​Università taʼ Florida u li kienet immexxija minn Beatriz Avila Mileham. Hi qalet: “Fi żmien qasir, l-​Internet se jsir l-​iktar forma komuni taʼ infedeltà, jekk mhux diġà sar.” “Qed ikollna rapporti mingħand terapisti minn madwar il-​pajjiż li l-​attività sesswali fuq l-​Internet hi l-​akbar kaġun għall-​problemi fiż-​żwieġ,” qal it-​Tabib Al Cooper, editur tal-​ktieb Sex and the Internet: A Guidebook for Clinicians.

Meta tqis dawn il-​fatti li jġagħluk taħseb, ikun għaqli li tieħu prekawzjonijiet sensibbli meta tuża l-​Internet. Tkellem maʼ wliedek, u għallimhom kif jipproteġu lilhom infushom mill-​periklu. Jekk ikollok għarfien tajjeb, int tistaʼ tevita l-​perikli taʼ l-​Internet.​—Koħèlet 7:​12.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja