Minn Mewta li Dejjem Riesqa għal Ħajja Ferħana
KIF RAKKONTAT MINN DIAMÁNTI DATSERIS
‘Jiena ngħix ħajja b’data taʼ l-għeluq.’ Dan il-ħsieb baqaʼ għaddej minn moħħi hekk kif kont ninsab l-isptar mixħuta f’sodda b’pinet tad-demm deħlin bil-mod fil-vini tiegħi. Għal iktar minn 20 sena, kienu qaluli li dan kien l-uniku mod kif stajt nibqaʼ ħajja—jekk stajt issejħilha ħajja.
FTIT wara li twelidt fl-1969 f’Ierápetra, fuq il-gżira Griega taʼ Kreta, il-ġenituri tiegħi ngħataw aħbar ħażina. It-tobba qalulhom li t-tarbija tagħhom kellha l-beta-thalassemia, jew anemija taʼ Cooley. Il-beta-thalassemia maġġuri hija marda kiefra fid-demm li tintiret, u l-iktar li toħroġ hija fost nies li għandhom dixxendenza Griega, Taljana, Afrikana, tal-Lvant Nofsani, jew taʼ l-Asja t’Isfel.
It-tobba spjegaw lill-ġenituri tiegħi li meta wieħed ikollu din il-marda, iċ-ċelluli ħomor tal-ġisem ma jipproduċux biżżejjed emoglobina, il-proteina li ġġorr l-ossiġnu lejn iċ-ċelluli. Minħabba f’hekk, iċ-ċelluli tiegħi ma jkollhomx biżżejjed ossiġnu. Iċ-ċelluli l-ħomor jibqgħu fid-demm tiegħi għal perijodu qasir biss għar-raġuni li l-fwied u l-milsa jeqirduhom u jneħħuhom. Xogħol dawn l-organi huwa li jeqirdu ċ-ċelluli ħomor li ma jkunux normali jew li jkunu spiċċaw.
Il-ġenituri tiegħi saru jafu li l-unika kura magħrufa għat-thalassemia kienet it-trasfużjonijiet tad-demm fuq bażi regulari u t-tneħħija tal-ħadid li jinġabar fid-demm. Madankollu, it-tobba spjegaw li t-trasfużjonijiet tad-demm jikkaġunaw akkumulazzjoni kontinwa taʼ ħadid fil-qalb u fil-fwied, u dan jistaʼ jkun fatali. Permezz tat-trasfużjonijiet il-pazjenti ma jmutux fl-ewwel għaxar snin taʼ ħajjithom. Imma ġeneralment dawn joħolqu l-biċċa l-kbira taʼ l-avvelenar mill-ħadid li iktar tard isir fatali. Pazjenti bit-thalassemia bħali li jirċievu t-trasfużjonijiet b’mod regulari, ġeneralment imutu kaġun taʼ problemi fil-qalb qabel ma jagħlqu t-30 sena.
Ħajja b’“Data taʼ l-Għeluq”
Sa minn tfuliti, il-mewt kienet imdendla quddiemi. Il-kliem m’huwiex biżżejjed biex niddeskrivi kemm huwa diffiċli li tgħix b’tama daqshekk kiefra. Ma kelli l-ebda pjan għall-futur u ma kontx noħlomha li se ngħix ħajja adulta normali. Kont inħoss li t-thalassemia li kelli kienet bħal bomba ġewwa fija lesta biex tisplodi.
Il-ġenituri tiegħi kienu joqogħdu b’sebaʼ għajnejn fuqi peress li kienu dejjem ħsiebhom f’saħħti. Jiena trabbejt b’lista li ma tispiċċa qatt t’affarijiet li ma stajtx nagħmel u regoli oħra bħal “Tiġrix!” “Teċċitax ruħek!” “Moħħok hemm!”
Minħabba l-qagħda li kont ninsab fiha, ommi, li kienet Griega Ortodossa, tgħidx kemm saret mara reliġjuża. Kienet tinżel għarkobbtejha quddiem l-inkwatri reliġjużi u titkarrab għall-għajnuna. Biex tarani mmur għall-aħjar, kienet tiħodni f’monasterji mbegħda li kienu magħrufin għall-fejqan bil-fidi u kienet timlieni b’oġġetti li jġibu r-riżq. Nefqet ħafna flus f’affarijiet bħal dawn, imma kien kollu għalxejn.
Jiena kont nemmen f’Alla u kont inħobbu, għalkemm ma kontx naf kif għandi nqimu. Meta kont inkun iddisprata, kont nitlob bil-biki: “Alla, jekk veru teżisti u tħobbni, jekk jogħġbok għenni.”
Tfittxija Ddisprata għall-Faraġ
Jiena u nikber saħħti marret għall-agħar ħafna, l-iktar minħabba l-ħadid żejjed li kelli fid-demm. Bħala parti mill-kura li kont nirċievi, kont nuża apparat li jnaqqas il-ħadid fid-demm. Kull lejl kelli ndaħħal labra f’żaqqi, eżatt taħt il-ġilda, biex matul il-lejl kollu joqgħod iqattar likwidu f’ġismi li jneħħi l-ħadid minn ġo fija. Kull lejl kelli nissaporti l-istess ritwal taʼ torturi. Taʼ spiss kont inkun nixtieq immut matul dawn l-iljieli fejn ma kontx inkun nistaʼ norqod. Kont inħoss li Alla ma kienx ta kasu t-talb tiegħi għall-għajnuna.
Meta kelli 16-il sena bdejt nagħmilha maʼ grupp taʼ żgħażagħ li kienu mitlufin wara l-mużika heavy metal. Peress li kont iddisprata għal ftit faraġ, sibt li l-mużika li tigglorifika l-ħruxija, il-vjolenza bla ħniena, u s-Sataniżmu kienet tnessini xi ftit. Wara kollox, ladarba l-ħażen kien jinsab kulfejn kont indawwar wiċċi, jiena kont naqbel maʼ l-idea li xi qawwa ħażina akbar qed tikkontrolla l-univers. Imma ma damux ma bdew jidhru l-effetti tad-drogi u s-Sataniżmu. Sħabi kienu dejjem imfittxija mill-pulizija.
Il-kwantità kbira taʼ trasfużjonijiet taʼ demm li kont qed nieħu kienu qed jeffettwawli ġismi. Minħabba l-ħadid żejjed, kelli żewġ ċrieki suwed madwar għajnejja u l-ġilda tiegħi sfaret. Il-mod kif kont nilbes ma tantx kien jgħin id-dehra tiegħi lanqas—ħwejjeġ suwed u ġakketta tal-ġilda mimlija staddijiet u rjus taʼ mewt, l-affarijiet li kienu jilbsu n-nies li kont qed nagħmilha magħhom. B’ferħ, qatt ma ħadt drogi.
Hekk kif komplejt nismaʼ l-mużika heavy metal bl-enfasi fuq il-mewt, id-drogi, id-demonji, l-ispiritiżmu, u d-demm, ħassejtni li Satana kien qabadni f’nassa. Bil-lejl kont inkun dipressa u kemm-il darba nfexxejt nibki. Kien f’dan il-perijodu ikrah taʼ ħajti li bdejt nara xaqq dawl.
Isseħħ Bidla f’Ħajti
Darba minnhom, meta kelli 20 sena, ħabiba tiegħi tatni ktieb li kienu tawha x-Xhieda taʼ Jehovah. Il-ktieb kien jismu Il-Bibbja—Il-Kelma t’Alla jew tal-Bniedem?a Hi ma tantx kienet interessata fil-ktieb, imma meta bdejt inqalleb il-paġni u naqra xi partijiet minnu bqajt impressjonata. Dan kien qed jgħid li l-prinċipji tal-Bibbja jistgħu jtejbu l-ħajja taʼ dak li jkun. Bqajt impressjonata wkoll meta sirt naf bil-persekuzzjoni li kellhom il-Kristjani tal-bidu u kemm kienu lesti li jissagrifikaw ħajjithom minħabba t-twemmin tagħhom. Meta qrajt il-ktieb kollu, ridt naqsam dawn l-affarijiet m’oħrajn. Kien imbagħad li ltqajt maʼ Manolis, raġel li kien jaf dwar Jehovah u l-messaġġ tal-Bibbja peress li xi wħud minn qrabatu kienu Xhieda taʼ Jehovah. Hu ħadni fil-post fejn kienu jiltaqgħu x-Xhieda taʼ Jehovah, u matul is-sajf taʼ l-1990 bdejt nistudja l-Bibbja magħhom.
Permezz taʼ l-istudju tiegħi mill-Bibbja sirt naf li l-Ħallieq tagħna tassew jimpurtah minna, u li hu mhux responsabbli għall-mard u l-uġigħ li jolqtu lil ħafna minna. (1 Pietru 5:7) Sirt naf li kien Satana li daħħal id-dnub u l-mewt f’din id-dinja u li dalwaqt Jehovah se jneħħi dak li għamel Satana billi jeqred din is-sistema qadima u minflokha jġib dinja ġdida u perfetta. (Lhud 2:14) Meta l-art issir ġenna, dawk li jkollhom il-biżaʼ t’Alla se jsiru bnedmin perfetti. Imbagħad, ħadd iktar m’hu se jgħid, “Jien marid.”—Isaija 33:24.
Fl-istess żmien tgħallimt li l-Bibbja tgħidilna biex ‘nitbiegħdu mid-demm.’ (Atti 15:20, 29; Ġenesi 9:4) Hekk kif bdejt insawwar il-kuxjenza tiegħi u nħarriġha skond il-livelli u l-prinċipji għolja tal-Bibbja, ġejt imqanqla nieħu deċiżjoni persunali rigward it-trasfużjonijiet tad-demm. Iddeċidejt li ma nibqax naċċettahom iktar.
Għal iktar minn 20 sena, ġagħluni nemmen li l-uniku mod kif stajt nibqaʼ ħajja kien billi nieħu trasfużjonijiet tad-demm regolarment. Kont se nkun qed nagħti l-kundanna tal-mewt lili nnifsi jekk nibda nobdi l-kmand tal-Bibbja? X’kienu se jgħidu l-ġenituri tiegħi malli jsiru jafu li ma rridx demm? Kienu t-tobba u n-nies l-oħra taʼ l-isptar se jipprovaw jissikkawni biex nieħu d-demm?
Deċiżjonijiet Kruċjali
Permezz taʼ talb ħerqan ħallejt kollox f’idejn Jehovah. (Salm 55:23 [55:22, NW]) Iddeċidejt ukoll li nfittex kuri mediċi oħra. Wara ħafna studju, sirt naf li minflok it-trasfużjonijiet tad-demm stajt niekol dieta magħżula bir-reqqa taʼ ikel mimli ħadid u vitamini. Fuq kollox, kont determinata li nobdi l-liġi t’Alla kif tinsab fil-Bibbja.
Il-ġenituri tiegħi ddispjaċiehom ħafna u stajt nifhimhom. Huma kienu għamlu dak kollu li setgħu minn mindu twelidt biex nibqaʼ ħajja, u issa jiena kont qed nirrifjuta t-trasfużjonijiet tad-demm! Madankollu, maż-żmien huma qalu li kienu se jirrispettaw id-deċiżjoni persunali tiegħi f’dan ir-rigward.
Imbagħad spjegajt il-waqfa reliġjuża tiegħi lin-nies taʼ l-isptar, u għedtilhom ukoll li kont se nistinka kemm nistaʼ biex insib metodi oħra minflok it-trasfużjonijiet tad-demm. It-tobba qablu kontra qalbhom li jimxu skond ix-xewqat tiegħi.
Meta kont immur biex ningħata d-demm fil-passat, kont għamilt ħbieb maʼ xi żgħażagħ oħra li kienu morda bit-thalassemia bħali. Issa dawn ma setgħux jifhmu għala bdejt nirrifjuta d-demm. Waħda minnhom kienet qaltli b’mod sarkastiku li ma kontx se ndum qabel ma “joħorġuni fuq erbgħa”—espressjoni Griega li tfisser li kont se mmut. B’dispjaċir, iktar tard hi kienet waħda minn ħames pazjenti li mietu minħabba li ngħataw demm infettat!
Issa ilni ma nieħu trasfużjoni tad-demm minn Awissu taʼ l-1991. Kuntrarju għal dak li ħasbu li se jiġrili, ninsab ħajja u tistaʼ tgħid f’saħħti. Peress li noqgħod fuq dieta li fiha ħafna vitamini u ħadid, irnexxieli nibqaʼ f’saħħti mhux ħażin, minkejja li xi kultant jinqalgħu xi komplikazzjonijiet u limitazzjonijiet kroniċi minħabba t-thalassemia.
Madankollu, l-isbaħ ħaġa hi li issa għandi ħajja bi skop, ħajja mogħnija b’relazzjoni intima mal-Ħallieq tiegħi, Alla Jehovah. F’Lulju taʼ l-1992 issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah permezz tal-magħmudija taʼ l-ilma. Manolis, dak il-ħabib għażiż li għenni nagħmel kuntatt mal-kongregazzjoni Kristjana tax-Xhieda taʼ Jehovah biex nikseb appoġġ vitali, tgħammed dak in-nhar ukoll. Xi sena u nofs wara żżewwiġna. Iktar tard, kelli l-privileġġ li nara lil ommi u lil oħti jsiru qaddejja mgħammdin taʼ Jehovah. Missieri m’għadux jaħsibha bħal qabel dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah, u xi kultant jattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni.
Jiena tgħallimt li għalkemm il-mewt hija għadu, m’hijiex għadu li għandek tibżaʼ minnu. (Salm 23:4) Kemm jekk ngħixu u kemm jekk immutu, dan huwa kollu għal Jehovah. Ħajjitna tinsab f’idejh. (Rumani 14:8) Jiena se nibqaʼ dejjem grata lejh talli ħelisni minn ħajja fejn l-uniku futur li kelli quddiemi kien li l-mewt tiegħi kienet dejjem riesqa. Tabilħaqq, hu tani tama taʼ ħajja eterna!—Apokalissi 21:1-4.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Stampa f’paġna 21]
Kont qed infittex il-faraġ b’mod iddisprat
[Stampa f’paġna 22]
Flimkien maʼ żewġi, Manolis