Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Jistaʼ Satana x-Xitan ikun jaf x’qed naħsbu?
Għalkemm ma nistgħux inkunu mija fil-mija ċerti, milli jidher la Satana u lanqas id-demonji tiegħu m’għandhom l-abbiltà li jkunu jafu dak li qed naħsbu.
Ikkunsidra l-ismijiet deskrittivi li japplikaw għal Satana. Hu msejjaħ Satana (Avversarju), ix-Xitan (Kalunnjatur), is-Serp (sinonimu maʼ Qarrieq), it-Tentatur, u l-Giddieb. (Ġob 1:6; Mattew 4:3; Ġwann 8:44; 2 Korintin 11:3; Apokalissi 12:9) Ebda wieħed minn dawn l-ismijiet deskrittivi ma jimplikaw li Satana għandu l-abbiltà li jkun jaf dak li qed naħsbu.
B’kuntrast kbir, iżda, Alla Jehovah hu deskritt bħala dak li ‘jġarrab il-qlub.’ (Proverbji 17:3; 1 Samwel 16:7; 1 Kronaki 29:17) Lhud 4:13 jgħid: “Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih [Jehovah], imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.” Mhux taʼ b’xejn li Jehovah ta l-abbiltà li jeżamina l-qlub lil ibnu, Ġesù. Wara l-irxoxt tiegħu Ġesù qal: “Jiena hu dak li jifli l-ġewwieni u l-qalb u li jagħti lil kull wieħed minnkom skond ma ħaqqu għall-opri tiegħu.”—Apokalissi 2:23.
Il-Bibbja ma tgħidx li Satana hu kapaċi jifli l-qlub u l-imħuħ tal-bnedmin. Dan hu sinifikanti ladarba l-appostlu Pawlu jassigurana li l-Kristjani jafu “x’inhuma l-ħsibijiet tiegħu [taʼ Satana].” (2 Korintin 2:11) B’hekk, m’għandniex nibżgħu li Satana għandu xi abbiltà straordinarja li aħna ma nafu xejn dwarha.
Minkejja dan, ma nistgħux ngħidu li l-Avversarju tagħna ma jistax jinduna bid-dgħjufijiet tagħna. Satana kellu ħafna żmien biex jistudja l-imġiba tal-bnedmin. M’għandux għalfejn ikun jaf kif jaqra l-imħuħ biex jiddetermina l-modi taʼ l-imġiba tagħna, biex josserva liema tip taʼ divertiment infittxu, jew biex jismaʼ dak li nitkellmu dwaru, u affarijiet bħal dawn. Mill-espressjoni taʼ wiċċna u l-qagħda tagħna forsi jkollu idea taʼ dak li qed naħsbu jew inħossu.
Ġeneralment, però, Satana juża l-istess makakkeriji li uża fil-ġnien taʼ l-Għeden—il-gideb, il-qerq, u l-informazzjoni żbaljata. (Ġenesi 3:1-5) Waqt li l-Kristjani m’għandhomx għalfejn jibżgħu li Satana se jaqralhom moħħhom, għandhom tassew għalfejn ikunu konċernati dwar liema ħsibijiet Satana forsi jipprova jdaħħal ġewwa moħħhom. Hu jrid li l-Kristjani jsiru “moħħhom maqlub u nieqsa mill-verità.” (1 Timotju 6:5) Mhux taʼ b’xejn li d-dinja taʼ Satana qed toffri ruxxmata taʼ informazzjoni u divertiment korrott. Biex jieqfu sodi kontra dan l-attakk, il-Kristjani għandhom jipproteġu moħħhom billi jilbsu “l-elmu tas-salvazzjoni.” (Efesin 6:17) Dan jagħmluh billi jimlew moħħhom b’veritajiet Bibliċi u jevitaw kuntatt bla bżonn maʼ l-influwenzi baxxi tad-dinja taʼ Satana.
Satana huwa għadu qawwi ferm. Imma m’għandux ikollna biżaʼ esaġerat minn Satana jew mid-demonji tiegħu. Ġakbu 4:7 jassigurana: “Ieqfu lix-xitan, u hu jaħrab minnkom.” Jekk insegwu dan il-parir, aħna, bħal Ġesù, inkunu nistgħu niddikjaraw li Satana m’għandu ebda qabda fuqna.—Ġwann 14:30.