Satana—Ħrafa jew Realtà mill-Agħar?
L-ORIĠINI tal-ħażen ilha tħabbel l-imħuħ tan-nies minn żmien żemżem. A Dictionary of the Bible, minn James Hastings, jgħid li minn meta l-bniedem sar konxju taʼ l-affarijiet taʼ madwaru beda jħabbat wiċċu maʼ qawwiet li ma setax jikkontrollahom u li kienu jinfluwenzawh b’mod fatali jew qerried. L-istess xogħol taʼ referenza jgħid ukoll li l-bnedmin tal-bidu fittxew bl-istint il-kawża, u interpretaw il-qawwiet u l-affarijiet l-oħrajn li jseħħu fin-natura bħala li ġejjin minn persuna.
Skond xi studjużi taʼ l-istorja, it-twemmin f’allat demoniċi u fl-ispirti ħżiena jmur lura għall-istorja l-iktar bikrija tal-Mesopotamja. Il-Babiloniżi tal-qedem kienu jemmnu li d-dinja taʼ taħt l-art, jew “l-art li ma tiġix lura minnha,” kienet immexxija minn Nergal, divinità vjolenti magħrufa bħala “dak li jaħraq.” Kienu jibżgħu wkoll mid-demonji, u lil dawn kienu jipprovaw jikkalmawhom permezz taʼ kant maġiku. Fil-Mitoloġija Eġizzjana, Set kien l-alla tal-ħażen, “rappreżentat bħala li għandu fattizzi taʼ bhima tal-waħx b’imnieħer irqiq u mgħawweġ, widnejn kwadri u ppontati, u denb iebes qisu furketta.”—Larousse Encyclopedia of Mythology.
Għalkemm il-Griegi u r-Rumani kellhom divinitajiet tat-tajjeb u tal-ħażin, ma kellhomx xi alla predominanti tal-ħażen. Il-filosfi tagħhom kienu jgħallmu li jeżistu żewġ prinċipji opposti. Għal Empedokle, dawn kienu l-Imħabba u n-Nuqqas taʼ Qbil. Għal Platun, id-dinja kellha żewġt “Erwieħ,” waħda tikkaġuna t-tajjeb u l-oħra l-ħażin. Bħalma jistqarr Georges Minois fil-ktieb tiegħu Le Diable (Ix-Xitan), “ir-reliġjon pagana klassika [Griega-Rumana] ma kinitx temmen bix-Xitan.”
Fl-Iran, iż-Żoroastrijaniżmu kien jgħallem li d-divinità suprema Ahura Mazda, jew Ormazd, ħolqot lil Angra Mainyu, jew Ahriman, li għażel li jagħmel il-ħażin, u b’hekk sar l-Ispirtu Distruttiv, jew Qerried.
Fil-Ġudaiżmu, Satana kien preżentat b’mod sempliċi bħala l-Avversarju t’Alla li ġab id-dnub. Iżda wara ħafna sekli, il-preżentazzjoni ġiet imċappsa b’ideat pagani. L-Encyclopaedia Judaica tistqarr: “Kienet seħħet bidla kbira . . . fl-aħħar sekli Q.E.K. F’dan iż-żmien ir-reliġjon [Lhudija] . . . ħadet ħafna karatteristiċi taʼ sistema doppja fejn Alla u l-qawwiet tat-tajjeb u tal-verità kellhom kontrihom fis-sema u fuq l-art il-qawwiet potenti tal-ħażen u l-qerq. Dan jidher li seħħ taħt l-influwenza tar-reliġjon Persjana.” The Concise Jewish Encyclopedia tiddikjara: “Il-protezzjoni kontra d-d[emonji] saret possibbli billi jiġu osservati l-kmandamenti u bl-użu taʼ l-amuleti.”
Teoloġija Kristjana Apostata
Bħalma l-Ġudaiżmu beda jaċċetta teoriji dwar Satana u d-demonji li ma jinstabux fil-Bibbja, il-Kristjani apostati żviluppaw ideat li m’humiex skritturali. The Anchor Bible Dictionary jistqarr: “Waħda mill-ideat iktar estremi tat-teoloġija antika hija li Alla feda lin-nies tiegħu billi ħallas lil Satana għall-ħelsien tagħhom.” Din l-idea ħareġ biha Irenew (fit-tieni seklu E.K.). Oriġene kompla jiżviluppaha (fit-tielet seklu E.K.), għax saħaq li “x-xitan kien kiseb dritt legali fuq il-bnedmin” u għax kien iqis “il-mewt taʼ Kristu . . . bħala fidwa li tħallset lix-xitan.”—History of Dogma, minn Adolf Harnack.
Skond The Catholic Encyclopedia, “għal xi elf sena [l-idea li l-fidwa tħallset lix-Xitan] kienet tilgħab parti importanti fl-istorja tat-teoloġija,” u baqgħet parti mit-twemmin tal-knisja. Missirijiet il-Knisja oħrajn, inkluż Wistin (mir-rabaʼ sal-ħames seklu E.K.), adottaw l-idea li l-fidwa tħallset lil Satana. Fl-aħħar mill-aħħar, sat-12-il seklu E.K., it-teoloġi Kattoliċi Anselmu u Abelardu waslu għall-konklużjoni li s-sagrifiċċju taʼ Kristu ma ġiex offrut lil Satana iżda lil Alla.
Superstizzjonijiet tal-Medjuevu
Għalkemm il-biċċa l-kbira mill-konċilji tal-Knisja Kattolika baqgħu siekta b’mod sorprendenti dwar is-suġġett taʼ Satana, fl-1215 E.K., ir-Rabaʼ Konċilju Lateran ippreżenta dak li n-New Catholic Encyclopedia tagħtih it-terminu taʼ “dikjarazzjoni solenni tal-fidi.” Il-liġi Kanonika nru. 1 tistqarr: “Ix-xitan u d-demonji l-oħrajn minnhom infushom ġew maħluqin bħala tajbin, minn Alla, iżda minħabba dak li għamlu saru ħżiena.” Imbagħad iżżid li dawn iżommu ruħhom okkupati billi jipprovaw jipprovokaw lill-bnedmin. Dan il-ħsieb werwer lil ħafna nies matul il-Medjuevu. Kienu jwaħħlu f’Satana għal dak kollu li jidher stramb, bħal xi marda mhix magħrufa, mewta zopptu, jew ħsad mhux produttiv. Fl-1233 E.K., il-Papa Girgor IX ħareġ diversi bolol papali kontra l-eretiċi, inkluż waħda kontra l-Luċiferjani, li suppost kienu jqimu lix-Xitan.
It-twemmin li n-nies setgħu jkunu maħkuma mix-Xitan jew mid-demonji tiegħu malajr wassal għal paranojja kollettiva—biżaʼ inkontrollabbli mis-sħarijiet u s-seħer. Mis-seklu 13 sas-seklu 17, il-biżaʼ mis-sħaħar infirex maʼ lEwropa u wasal sa l-Amerika taʼ Fuq minħabba l-kolonisti Ewropej. Anki r-riformisti Protestanti Martin Luteru u John Calvin kienu jaqblu mal-kaċċa għas-sħaħar. Fl-Ewropa l-ġurijiet kontra s-sħaħar, ibbażati fuq sempliċi għajdut jew fuq denunzji malizzjużi, kienu jsiru kemm mill-Inkwiżizzjoni kif ukoll minn qrati sekulari. It-tortura kienet xi ħaġa komuni li tintuża biex iġġiegħel lil dak li jkun jistqarr il-“ħtija.”
Dawk li kienu jinstabu ħatja kienu jingħataw il-mewt billi jiġu maħruqin jew, fl-Ingilterra u fl-Iskozja, billi jiġu mgħallqin. Dwar l-għadd tal-vittmi, The World Book Encyclopedia tistqarr: “Mill-1484 sa l-1782, skond xi studjużi taʼ l-istorja, il-knisja Kristjana qatlet xi 300,000 mara għax kienu sħaħar.” Jekk Satana kien wara din it-traġedja medjevali, min kien intuża minnu—il-vittmi jew il-persekuturi fanatiċi reliġjużi?
Twemmin jew Nuqqas taʼ Twemmin Bħalissa
Is-seklu 18 ra t-twelid tar-raġunar loġiku, magħruf bħala t-Tidwil. L-Encyclopædia Britannica tistqarr: “Il-filosofija u t-teoloġija tat-Tidwil stinkaw biex ineħħu mill-ħsieb Kristjan il-figura tax-xitan bħala li hi prodott tal-fantasija mitoloġika tal-Medjuevu.” Il-Knisja Kattolika Rumana rreaġixxiet għal dan u reġgħet sostniet it-twemmin tagħha f’Satana x-Xitan fl-Ewwel Konċilju tal-Vatikan (1869-70), u b’mod kemxejn timidu reġgħet irrepetiet dan fit-Tieni Konċilju tal-Vatikan (1962-65).
Bħalma tammetti n-New Catholic Encyclopedia, b’mod uffiċjali “l-Knisja żżomm mat-twemmin fl-anġli u fid-demonji.” Madankollu, id-dizzjunarju Franċiż tal-Kattoliċiżmu, Théo, jammetti li “ħafna Kristjani llum jirrifjutaw li jwaħħlu fix-xitan għall-ħażen tad-dinja.” Fis-snin reċenti, it-teoloġi Kattoliċi sabu ruħhom f’sitwazzjoni diffiċli, żbilanċjati b’mod perikoluż bejn id-duttrina Kattolika uffiċjali u l-mod taʼ ħsieb modern. L-Encyclopædia Britannica tgħid: “Il-ħarsa liberali tat-teoloġija Kristjana tidher li tittratta l-lingwaġġ Bibliku dwar Satana bħala ‘immaġni fittizja’ li m’għandhiex tittieħed b’mod letterali—bħala attentat tal-mitoloġija biex tesprimi kemm hu reali u mifrux il-ħażen fl-univers.” Dwar il-Protestanti, l-istess xogħol taʼ referenza jgħid: “Il-Protestantiżmu liberali modern jidher li jiċħad il-bżonn taʼ twemmin f’xitan bħala persuna.” Iżda għandhom il-Kristjani veri jħarsu lejn dak li tgħid il-Bibbja dwar Satana bħala li qed jiddeskrivi sempliċement “immaġni fittizja”?
X’Tgħallem l-Iskrittura
Il-filosofija u t-teoloġija tal-bniedem ma taw l-ebda spjegazzjoni aħjar minn dik tal-Bibbja dwar minfejn ġej il-ħażen. Dak li tgħid l-Iskrittura dwar Satana huwa essenzjali sabiex jiġi mifhum minfejn ġejjin il-ħażen u t-tbatija tal-bniedem, kif ukoll għala l-agħar vjolenza immaġinabbli qed issir agħar kull sena.
Xi wħud għandhom mnejn jistaqsu: ‘Jekk Alla huwa dak il-Ħallieq tajjeb mimli mħabba, kif setaʼ joħloq ħliqa spirtu mill-agħar bħal Satana?’ Il-Bibbja tistabbilixxi l-prinċipju li x-xogħlijiet kollha t’Alla Jehovah huma perfetti u li l-ħlejjaq intelliġenti kollha tiegħu huma mogħnijin bil-libertà taʼ l-għażla. (Dewteronomju 30:19; 32:4; Ġożwè 24:15; 1 Slaten 18:21) Għalhekk, il-persuna spirtu li sar Satana bilfors li ġie maħluq perfett u bilfors li għax ried hu ħareġ ’il barra mit-triq tal-verità u s-sewwa.—Ġwann 8:44; Ġakbu 1:14, 15.
B’ħafna modi, it-triq ribelluża taʼ Satana hija bħal dik tas-“sultan taʼ Tir,” li kien deskritt poetikament b’dan il-mod: “Kollok ġmiel” u “bla ħtija kont f’mixjietek sa minn ħolqienek, sakemm ma nkixifx qerqek.” (Eżekjel 28:11-19) Satana ma sfidax is-supremazija taʼ Jehovah jew l-istat taʼ Ħallieq tiegħu. Kif setaʼ, peress li kien ġie maħluq minn Alla? Madankollu, Satana fil-fatt sfida l-mod kif Jehovah kien qed jeżerċita s-sovranità tiegħu. Fil-ġnien taʼ l-Għeden, Satana insinwa li Alla kien qed iċaħħad lill-ewwel koppja umana xi ħaġa li kellhom id-dritt għaliha u li minnha kien jiddependi l-benesseri tagħhom. (Ġenesi 3:1-5) Satana rnexxielu jwassal lil Adam u Eva għar-ribelljoni kontra s-sovranità ġusta taʼ Jehovah, u b’hekk ġab id-dnub u l-mewt fuqhom u fuq id-dixxendenti tagħhom. (Ġenesi 3:6-19; Rumani 5:12) B’hekk, il-Bibbja turi li Satana huwa s-sors oriġinali tat-tbatija umana.
Xi żmien qabel id-Dilluvju, xi anġli oħrajn ngħaqdu maʼ Satana fir-ribelljoni tiegħu. Dawn immaterjalizzaw f’iġsma bħal tal-bniedem sabiex jissodisfaw ix-xewqat tagħhom għall-pjaċiri sesswali mal-bniet tal-bnedmin. (Ġenesi 6:1-4) Fid-Dilluvju, dawn l-anġli ribellużi marru lura fil-qasam taʼ l-ispirti iżda mhux fl-“ewwel post” tagħhom m’Alla fis-sema. (Ġuda 6, Karm Żammit) Ġew imbaxxijin għal kundizzjoni taʼ dlam ċappa spiritwalment. (1 Pietru 3:19, 20; 2 Pietru 2:4) Saru demonji, u ma baqgħux jaqdu taħt is-sovranità taʼ Jehovah iżda bdew jgħixu sottomessi lejn Satana. Waqt li milli jidher ma jistgħux jerġgħu jimmaterjalizzaw, id-demonji għadhom jistgħu jeżerċitaw qawwa kbira fuq l-imħuħ u l-ħajjiet tal-bnedmin, u żgur li huma responsabbli għal ħafna mill-vjolenza li qed naraw illum.—Mattew 12:43-45; Luqa 8:27-33.
It-Tmiem tal-Ħakma taʼ Satana fil-Qrib
Jidher ċar li llum il-qawwiet ħżiena jinsabu attivi fid-dinja. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Id-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin.”—1 Ġwann 5:19.
Madankollu, il-profeziji mwettqin tal-Bibbja juru li x-Xitan qed iżid l-inkwiet tad-dinja għax jaf li “żmien ftit” biss baqagħlu biex joħloq konfużjoni sħiħa qabel ma jiġi maqful. (Apokalissi 12:7-12; 20:1-3) It-tmiem tal-ħakma taʼ Satana se jwassal għal dinja ġdida mimlija ġustizzja, fejn id-dmugħ, il-mewt, u l-uġigħ mhux se jkunu iżjed. Imbagħad, ir-rieda t’Alla se ssir “kif fis-sema, hekkda fl-art.”—Apokalissi 21:1-4; Mattew 6:10.
[Stampi f’paġna 4]
Il-Babiloniżi kienu jemmnu f’Nergal (l-aħħar fuq ix-xellug), divinità vjolenti; Platun (fuq ix-xellug) kien jemmen li jeżistu żewġt “Erwieħ” opposti
[Sorsi]
Ċilindru: Musée du Louvre, Pariġi; Platun: National Archaeological Museum, Ateni, il-Greċja
[Stampi f’paġna 5]
Irenew, Oriġene, u Wistin għallmu li l-fidwa tħallset lix-Xitan
[sorsi]
Oriġene: Culver Pictures; Wistin: Mill-ktieb Great Men and Famous Women
[Stampa f’paġna 6]
Il-biżaʼ mis-sħaħar wassal għall-esekuzzjoni taʼ mijiet taʼ eluf
[Sors]
Mill-ktieb Bildersaal deutscher Geschichte