Jeżisti x-Xitan?
“Kien hemm żmien fl-istorja tal-Knisja Kristjana meta x-xitan, Begħelżebub jew Satana, is-sultan tal-ħażen, kien figura reali u qawwija daqskemm għadu ‘Alla’ llum għal numru li dejjem jonqos taʼ nies; invenzjoni tal-Lhud u tal-Kristjani tal-bidu biex permezz taʼ xi ħadd, b’għamla nofsu bniedem u nofsu bhima, jagħtu tifsir lill-ħażen li kienu jaraw madwarhom. Iktar tard il-Kristjani bdew jirrikonoxxu li dan kien persunaġġ tal-fantasija li ma kellu ebda bażi fir-realtà u skartawh baxx baxx.”—“All in the Mind—A Farewell to God,” minn Ludovic Kennedy.
BĦALMA jistqarr il-kittieb u preżentatur, Ludovic Kennedy, għal sekli sħaħ ħadd fil-Kristjaneżmu ma kien jiddubita li x-Xitan jeżisti. Minflok, il-Kristjani kultant kienu “ossessjonati bil-qawwa taʼ Satana u d-demonji tiegħu,” skond il-Professur Norman Cohn. (Europe’s Inner Demons) Din l-ossessjoni ma kinitx biss fuq xi raħħala sempliċi li ma kellhomx skola. Per eżempju, it-twemmin li x-Xitan kien jieħu l-forma t’annimal biex jippresiedi fuq ritwali oxxeni u mill-agħar “ma kienx parti mill-folklor tal-maġġuranza li kienet bla skola, imma, għall-kuntrarju, kien skond l-idea popolari tal-fjur tas-soċjetà intellettwali,” jgħid il-Professur Cohn. Dan il-“fjur tas-soċjetà intellettwali”—inkluż xi membri istruwiti tal-kleru—kien responsabbli għall-kaċċa għas-sħaħar li ddominat fl-Ewropa mis-seklu 15 sas-seklu 17, meta awtoritajiet tal-knisja u taċ-ċivil jingħad li ttorturaw u qatlu madwar 50,000 ruħ akkużati li kienu sħaħar.
Għalhekk, ma jissorprendiniex il-fatt li ħafna m’għadhomx jemmnu f’ċerti ideat dwar ix-Xitan li jqisuhom bħala superstizzjużi u strambi. Saħansitra lura fl-1726, Daniel Defoe ddieħaq bit-twemmin tan-nies li x-Xitan kien xi mostru tal-biżaʼ “bil-ġwienaħ taʼ farfett il-lejl, bil-qrun, saqajh bħal taʼ xi annimal, denbu twil, ilsienu maqsum, u affarijiet bħal dawn.” Hu qal li dawn l-ideat kienu “ħmerijiet dgħajfin mibnijin fuq l-immaġinazzjoni” li ġew maħluqin minn “uħud li jġibu ’l quddiem u jivvintaw ix-xbieha taʼ xitan mostruż.” Dawn “daħqu bin-nies injoranti billi vvintawlhom ix-xitan.”
Hija din l-opinjoni tiegħek? Taqbel int li “x-xitan fir-realtà ġie vvintat mill-bniedem stess biex jagħti raġuni għala jinsab fi stat midneb”? Din l-istqarrija tidher f’The Zondervan Pictorial Encyclopedia of the Bible, u ħafna li jgħidu li huma Kristjani hekk jaħsbu. Jeffrey Burton Russell jgħid li t-teoloġi tal-Kristjaneżmu in ġenerali “qatgħuha li x-Xitan u d-demonji huma fdalijiet tas-superstizzjoni.”
Madankollu, għal xi nies, ix-Xitan huwa reali ferm. Dawn jirraġunaw li bilfors li hemm xi tip taʼ forza ħażina aqwa mill-bniedem li kkaġunat il-ħażen kontinwu li jiddomina fl-istorja tal-bniedem. “L-affarijiet tal-biżaʼ li pproduċa s-seklu għoxrin,” jgħid Russell, jipprovdu raġuni waħda għala “t-twemmin fix-Xitan, wara waqfien fit-tul, qed jerġaʼ jidher b’ħeffa kbira.” Skond l-awtur Don Lewis, għadd taʼ nies moderni u taʼ skola li “jitbissmu b’superjorità” għat-twemmin u l-biżgħat superstizzjużi “taʼ l-antenati tagħhom li ma kinux istruwiti” qegħdin “għal darb’oħra jiġu msaħħrin mill-fattur tal-ħażen fis-soprannaturali.”—Religious Superstition Through the Ages.
Għalhekk, x’inhi l-verità rigward din il-kwistjoni? Huwa x-Xitan sempliċement superstizzjoni bla sens? Jew huwa xi ħadd li jrid jittieħed bis-serjetà anki fis-seklu 21?
[Stampa f’paġna 4]
Bħalma jidher f’dan it-tinqix minn Gustave Doré, is-superstizzjonijiet tal-qedem pinġew lix-Xitan bħala nofsu bniedem u nofsu bhima
[Sors]
The Judecca—Lucifer/The Doré Illustrations For Dante’s Divine Comedy/Dover Publications Inc.