Ikun Pedament Tajjeb għaż-Żwieġ Jekk Tnejn Jgħixu Flimkien?
LI TNEJN min-nies tas-sess oppost jgħixu flimkien mingħajr ma jiżżewġu “saret xi ħaġa komuni f’soċjetajiet industrijalizzati mad-dinja kollha,” jgħid il-Journal of Marriage and Family. “Nofs il-koppji li jgħixu flimkien iqisu din is-sitwazzjoni bħala mod kif jaraw jekk humiex kompatibbli qabel ma jiżżewġu.” Allura, jekk dan hu minnu, wieħed jistenna li b’hekk “se jiġi eliminat in-nuqqas taʼ kompatibiltà, u meta l-koppja tasal għaż-żwieġ, dan ikun iktar stabbli,” josserva l-Journal.
“Madankollu, l-evidenza tissuġġerixxi l-oppost,” ikompli jgħid il-Journal. “Fost il-miżżewġin, il-koppji li kienu jgħixu flimkien qabel iż-żwieġ isibu inqas sodisfazzjon fiż-żwieġ, iqattgħu inqas ħin f’attivitajiet flimkien, jaqblu bejniethom inqas, ikollhom inqas appoġġ mis-sieħeb jew is-sieħba tagħhom, huma inqas kapaċi jsolvu l-problemi, [u] ikollhom iktar problemi fiż-żwieġ . . . Barra minn hekk, meta jitqabblu maʼ koppji li jidħlu direttament għaż-żwieġ, dawk li l-ewwel jgħixu flimkien għandhom riskju akbar li ż-żwieġ tagħhom jispiċċa fix-xejn.”
Bħalma juri dan l-istudju, dak li jistaʼ jidher għaqli mill-ħarsa tal-bniedem jistaʼ fir-realtà ma jkunx. Dan il-fatt jenfasizza l-verità tal-kliem taʼ Ġeremija 10:23 li ‘l-bniedem ma jistax jidderieġi l-passi tiegħu.’ Kemm huwa iktar għaqli li tħares fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja, li tipprovdi ħafna pariri tajbin fuq is-suġġett taż-żwieġ! (2 Timotju 3:16) Per eżempju, rigward ir-relazzjoni taż-żwieġ, il-Bibbja tgħid: “Ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu u jsiru ġisem wieħed.”—Ġenesi 2:24; Mattew 19:5.
Jekk insegwu din id-direzzjoni divina, minflok ma noqogħdu fuq l-irraġunar uman difettuż u li spiss ikun inkonsistenti, nistgħu niġu megħjunin biex intejbu ħafna l-prospetti tagħna għal żwieġ verament hieni u dejjiemi.—Proverbji 3:5, 6.