LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 4/1 pp. 20-25
  • Tagħlim Divin Kontra Tagħlim tad-Demonji

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tagħlim Divin Kontra Tagħlim tad-Demonji
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tagħlim Tad-​Demonji Rrivelat
  • It-​Tagħlim Tad-​Demonji Llum
  • Nidentifikaw It-​Tagħlim Tad-​Demonji
  • Inżommu Sod Mat-​Tagħlim Divin
  • Żgħażagħ—It-Tagħlim taʼ Min Tagħtu Kas?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Min Huma l-Għedewwa t’Alla?
    Int Tistaʼ Tkun il-Ħabib t’Alla!
  • Kun af lill-għadu tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Id-Demonji—Kif Nistgħu Nirreżistuhom?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 4/1 pp. 20-25

Tagħlim Divin Kontra Tagħlim tad-Demonji

“Xi wħud se jaqgħu ’l hemm mill-​fidi, billi jagħtu kas ħwejjeġ mitkellma u spirati li jiżżvijaw u tagħlim tad-​demonji.”—1 TIMOTEW 4:1.

1. Il-​Kristjani f’nofs liema battalja jinstabu?

IMMAĠINAK tgħix ħajtek kollha f’zona taʼ gwerra. Kif tħossok li kellek tmur torqod għall-​istorbju taʼ l-​isparar u tqum għall-​ħoss taʼ l-​artillerija? B’sogħba, f’xi partijiet tad-​dinja, dak hu tabilħaqq kif jgħixu n-​nies. F’sens spiritwali, iżda, il-​Kristjani kollha jgħixu b’dan il-​mod. Jinsabu f’nofs battalja kbira li ilha tbaqbaq għal xi 6,000 sena u fi żmienna intensifikat. X’inhi din il-​gwerra li ħadet daqshekk fit-​tul? Il-​battalja tal-​verità kontra l-​gideb, taʼ tagħlim divin kontra tagħlim tad-​demonji. Mhix xi esaġerazzjoni li ssejħilha—għall-​inqas min-​naħa taʼ wieħed mill-​protagonisti tagħha—l-iktar konflitt bla ħniena u qattiel fl-​istorja tal-​bniedem.

2. (a) Skond Pawlu, liema żewġ naħat jinsabu f’oppożizzjoni għal xulxin? (b) Pawlu x’ried ifisser bil-​“fidi”?

2 L-​appostlu Pawlu semma ż-​żewġ naħat taʼ dan il-​konflitt meta kiteb lil Timotew: “Il-​ħaġa mitkellma spirata tgħid definittivament li f’perijodi taʼ żmien iktar tard xi wħud se jaqgħu ’l hemm mill-​fidi, billi jagħtu kas ħwejjeġ mitkellma u spirati li jiżżvijaw u tagħlim tad-​demonji.” (1 Timotew 4:1) Innota li t-​tagħlim tad-​demonji kellu jkun b’mod partikulari taʼ influwenza f’“perijodi taʼ żmien iktar tard.” Mitqies minn żmien Pawlu, aħna qegħdin ngħixu fi żmien bħal dan. Innota, ukoll, x’inhu oppost għat-​tagħlim tad-​demonji, jiġifieri “l-​fidi.” Hawn, “[i]l-fidi” tirrappreżenta tagħlim divin, ibbażat fuq affarijiet mitkellma t’Alla mnebbħin b’mod divin li jinsabu fil-​Bibbja. Din il-​fidi tagħti l-​ħajja. Tgħallem lil Kristjan biex jagħmel ir-​rieda t’Alla. Hija l-​verità li twassal għall-​ħajja eterna.—Ġwann 3:16; 6:40.

3. (a) X’jiġrilhom il-​vittmi fil-​battalja bejn il-​verità u l-​gideb? (b) Min hemm wara t-​tagħlim tad-​demonji?

3 Kulmin ma jibqax fil-​fidi jitlef il-​ħajja taʼ dejjem. Huma jsiru vittmi tal-​gwerra. X’riżultat traġiku talli wieħed iħalli lilu nnifsu jiġi żvijat mit-​tagħlim tad-​demonji! (Mattew 24:24) Kif nistgħu aħna bħala individwi nevitaw li nkunu vittmi? Billi niċħdu totalment dan it-​tagħlim giddieb, li jaqdi biss l-​iskop tal-​“ħakkiem tad-​demonji,” Satana x-​Xitan. (Mattew 12:24) Ovvjament, it-​tagħlim taʼ Satana hu gideb, ladarba Satana hu “missier il-​gidba.” (Ġwann 8:44) Ikkunsidra s-​sengħa li uża biex jiżżvija lill-​ewwel ġenituri tagħna.

Tagħlim Tad-​Demonji Rrivelat

4, 5. Satana liema gidba qal lil Eva, u dik għala kienet daqshekk mill-​agħar?

4 Il-​ġrajjiet huma miktubin fil-​Bibbja f’​Ġenesi 3:1-5. Billi uża serpent, Satana avviċina lill-​mara Eva u staqsieha: “Huwa tassew hekk li Alla qalilkom li ma tridux tieklu minn kull siġra tal-​ġnien?” Il-​mistoqsija tidher innoċenti, imma ħares lejha mill-​ġdid. “Huwa tassew hekk?” Satana jinstemaʼ sorpriż, bħal li kieku jrid jgħid, ‘Alla għala qal ħaġa bħal dik?’

5 Fl-​innoċenza tagħha, Eva indikat li dan kien minnu. Hi kienet taf it-​tagħlim divin fuq dil-ħaġa, li Alla kien qal lil Adam li huma kellhom imutu jekk jieklu mis-​siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u tal-​ħażin. (Ġenesi 2:16, 17) Il-​mistoqsija taʼ Satana b’mod evidenti qajmet l-​interess tagħha, u għalhekk hi tat widen hekk kif hu ġie għall-​punt: “Għal dan is-​serpent qal lill-​mara: ‘Intom żgur li m’intomx se tmutu.’” X’ħaġa mill-​agħar qal! Satana akkuża lil Jehovah, dak Alla tal-​verità, dak Alla taʼ mħabba, il-​Ħallieq, li gideb lill-​ulied umani Tiegħu!—Salm 31:5; 1 Ġwann 4:16; Rivelazzjoni 4:11.

6. Satana kif sfida t-​tjubija u s-​sovranità taʼ Jehovah?

6 Imma Satana qal iżjed. Hu ssokta: “Għax Alla jaf li fl-​istess jum li tieklu minnha għajnejkom ikollhom jinfetħu u intom ikollkom issiru bħal Alla, tafu t-​tajjeb u l-​ħażin.” Skond Satana, Alla Jehovah​—li pprovda b’mod tant abbundanti għall-​ewwel ġenituri tagħna—​ried iċaħħadhom minn xi ħaġa taʼ l-​għaġeb. Hu ried iżommhom milli jkunu bħal allat. B’hekk, Satana sfida t-​tjubija t’Alla. Hu ppromwova wkoll li wieħed jiggratifika lilu nnifsu u li wieħed jinjora apposta l-​liġijiet t’Alla, billi qal illi li wieħed jaġixxi b’dan il-​mod ikun taʼ benefiċċju. Fil-​fatt, Satana sfida s-​sovranità t’Alla fuq il-​ħolqien Tiegħu stess, billi allega li Alla ma kellu ebda dritt ipoġġi limiti fuq dak li għamel il-​bniedem.

7. It-​tagħlim tad-​demonji meta nstemaʼ l-​ewwel, u kif inhu simili llum?

7 B’dawk il-​kelmiet taʼ Satana, it-​tagħlim tad-​demonji beda jinstemaʼ. Dan it-​tagħlim mill-​agħar għadu jippromwovi prinċipji ħżiena simili. L-​istess bħalma għamel fil-​ġnien taʼ Għeden, Satana, issa akkumpanjat minn spirti ribellużi oħrajn, għadu jisfida d-​dritt t’Alla li jistabbilixxi livelli taʼ azzjoni. Hu għadu jattakka s-​sovranità taʼ Jehovah u jipprova jinfluwenza lill-​bnedmin biex ma jobdux lil Missierhom tas-​sema.—1 Ġwann 3:8, 10.

8. Adam u Eva x’tilfu f’Għeden, iżda Jehovah kif ġie pprovat li kien veru?

8 F’dak l-​ewwel konfront fil-​battalja bejn it-​tagħlim divin u t-​tagħlim tad-​demonji, Adam u Eva ħadu deċiżjoni ħażina u tilfu t-​tama tagħhom taʼ ħajja taʼ dejjem. (Ġenesi 3:19) Hekk kif gerbbu s-​snin u l-​iġsma tagħhom bdew jiddeterjoraw, ġie kkonfermat b’mod abbundanti għalihom dwar min kien gideb u min kien qal il-​verità lura f’Għeden. Madankollu, mijiet taʼ snin qabel ma mietu f’sens fiżiku, huma saru l-​ewwel vittmi fil-​battalja bejn il-​verità u l-​gideb meta ġew iġġudikati li ma jistħoqqilhomx il-​ħajja mill-​Ħallieq tagħhom, is-​Sors tal-​ħajja. Dak kien meta mietu f’sens spiritwali.—Salm 36:9; qabbel Efesin 2:1.

It-​Tagħlim Tad-​Demonji Llum

9. It-​tagħlim tad-​demonji kemm kien effettiv matul is-​sekli?

9 Kif inhu miktub fil-​ktieb taʼ Rivelazzjoni, l-​appostlu Ġwanni nġarr b’ispirazzjoni f’“jum il-​Mulej,” li beda fl-​1914. (Rivelazzjoni 1:10) F’dak iż-​żmien Satana u d-​demonji tiegħu ntefgħu ’l barra mis-​sema lejn il-​viċinanza taʼ l-​art​—daqqa taʼ ħarta kbira għal dan l-​opponent tal-​Ħallieq Grandjuż tagħna. Il-​leħen tiegħu ma baqax iżjed jinstemaʼ fis-​sema kontinwament jagħmel akkużi kontra l-​qaddejja taʼ Jehovah. (Rivelazzjoni 12:10) Liema progress, iżda, kien għamel it-​tagħlim tad-​demonji fuq l-​art minn Għeden ’il hawn? Il-​kitba tgħid: “Ġie mixħut ’l isfel id-​dragun il-​kbir, is-​serpent oriġinali, il-​wieħed imsejjaħ Xitan u Satana, li qiegħed jiżżvija lill-​art abitata kollha.” (Rivelazzjoni 12:9) Dinja sħiħa kienet ċediet għall-​gideb taʼ Satana! Mhux taʼ b’xejn li Satana jissejjaħ “il-​ħakkiem taʼ din id-​dinja”!—Ġwann 12:31; 16:11.

10, 11. Satana u d-​demonji tiegħu b’liema modi huma attivi llum?

10 Ammetta Satana t-​telfa wara li tkeċċa mis-​sema? Żgur li le! Hu deċiż li jibqaʼ jagħmel battalja kontra t-​tagħlim divin u dawk li jżommu miegħu. Wara li ntefaʼ ’l barra mis-​sema, Satana ssokta fil-​gwerra tiegħu: “[I]d-dragun [Satana] sar mgħaddab għall-​mara, u telaq biex jagħmel gwerra mal-​bqija taż-​żerriegħa tagħha, li josservaw il-​kmandamenti t’Alla u li għandhom ix-​xogħol taʼ li jagħtu xiehda dwar Ġesù.”—Rivelazzjoni 12:17.

11 Minbarra li jiġġieled kontra l-qaddejja t’Alla, Satana qed ifawwar id-​dinja bil-​propaganda tiegħu, billi jistinka biex iżomm il-​qabda tiegħu fuq l-​umanità. F’waħda mill-​viżjonijiet tiegħu fil-​ktieb taʼ Rivelazzjoni taʼ jum il-​Mulej, l-​appostlu Ġwanni ra tliet annimali selvaġġi li simbolikament kienu jirrappreżentaw lil Satana, lill-​organizzazzjoni politika tiegħu taʼ l-​art, u lill-​qawwa dinjija dominanti taʼ żmienna. Mill-​ħluq taʼ dawn it-​tlieta, ħarġu żrinġijiet. Dawn x’kienu jissimbolizzaw? Ġwanni jikteb: “Huma, fil-​fatt, espressjonijiet imnebbħin minn demonji u jwettqu sinjali, u jmorru għand is-​slaten taʼ l-​art abitata kollha, biex jiġimgħuhom flimkien għall-​gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” (Rivelazzjoni 16:14) B’mod ċar, it-​tagħlim tad-​demonji hu attiv ħafna fuq l-​art. Satana u d-​demonji tiegħu għadhom jiġġieldu kontra t-​tagħlim divin, u se jkomplu jagħmlu dan sakemm jiġu mwaqqfin bil-​forza minn Ġesù Kristu, is-​Sultan Messjaniku.—Rivelazzjoni 20:2.

Nidentifikaw It-​Tagħlim Tad-​Demonji

12. (a) Għala huwa possibbli li tirreżisti t-​tagħlim tad-​demonji? (b) Satana kif jipprova jikseb l-​għanijiet tiegħu mal-​qaddejja t’Alla?

12 Jistgħu bnedmin li għandhom il-​biżaʼ t’Alla jirreżistu t-​tagħlim tad-​demonji? Jistgħu tabilħaqq, għal żewġ raġunijiet. L-​ewwel, għaliex it-​tagħlim divin huwa iżjed qawwi; u t-​tieni, għaliex Jehovah kixef l-​istrateġiji taʼ Satana sabiex inkunu nistgħu nirreżistuhom. Kif qal l-​appostlu Pawlu, “m’aħniex li ma nafux bil-​pjanijiet tiegħu.” (2 Korintin 2:11) Aħna nafu li Satana juża l-​persekuzzjoni bħala mezz wieħed biex jikseb l-​għanijiet tiegħu. (2 Timotew 3:12) Bil-​wisq iżjed sottili, iżda, hu jipprova jinfluwenza l-​imħuħ u l-​qlub taʼ dawk li jaqdu lil Alla. Hu żvija lil Eva u poġġa xewqat ħżiena f’qalbha. Hu jipprova l-​istess ħaġa llum. Pawlu kiteb lill-​Korintin: “Nibżaʼ li b’xi mod, bħalma s-​serpent isseduċa lil Eva bil-​makakkerija tiegħu, imħuħkom jistgħu jiġu korrotti lil hinn mis-​sinċerità u l-​kastità li jixirqu lill-​Kristu.” (2 Korintin 11:3) Ikkunsidra kif hu kkorrompa l-​ħsibijiet taʼ l-​umanità inġenerali.

13. Satana liema gideb qal lill-​bnedmin minn Għeden ’l hawn?

13 Maʼ Eva, Satana akkuża lil Jehovah b’gideb u qal li l-​bnedmin jistgħu jkunu bħal allat jekk ma jobdux lill-​Ħallieq tagħhom. Il-​qagħda midinba taʼ l-​umanità llum tagħti prova li Satana, mhux Jehovah, kien il-​giddieb. Il-​bnedmin illum m’humiex allat! Madankollu, Satana ġonġa gideb ieħor maʼ dik l-​ewwel gidba. Hu introduċa l-​idea li r-​ruħ umana hi immortali, ma tmutx. Hu b’hekk dendel quddiem l-​umanità l-​possibiltà li jkunu bħal allat b’mod ieħor. Imbagħad, ibbażat fuq dik id-​duttrina falza, hu ppromwova t-​tagħlim tan-​nar taʼ l-​infern, il-​purgatorju, l-​ispiritiżmu, u l-​qima taʼ l-​antenati. Dan il-​gideb għadu jżomm mijiet taʼ miljuni taʼ nies fil-​jasar tiegħu.​—Dewteronomju 18:​9-13.

14, 15. X’inhi l-​verità dwar il-​mewt u t-​tama tal-​bniedem għall-​futur?

14 M’għandniex xi ngħidu, dak li Jehovah qal lil Adam kien il-​verità. Adam tassew li miet meta dineb kontra Alla. (Ġenesi 5:5) Meta Adam u d-​dixxendenti tiegħu mietu, saru erwieħ mejtin, ma jafu u ma jħossu xejn u inattivi. (Ġenesi 2:7; Ekkleżjasti 9:​5, 10; Eżekjel 18:4) Minħabba li wirtu d-​dnub minn Adam, l-​erwieħ umani kollha jmutu. (Rumani 5:12) Lura f’Għeden, madankollu, Jehovah wiegħed il-​miġja taʼ żerriegħa li kellu jikkombatti kontra x-​xogħlijiet tax-​Xitan. (Ġenesi 3:15) Dak iż-​Żerriegħa kien Ġesù Kristu, l-​Iben uniġenitu t’Alla stess. Ġesù miet bla dnub, u l-​ħajja ssagrifikata tiegħu saret rahan biex jixtri lill-​umanità mill-​qagħda moribonda tagħhom. Dawk li b’ubbidjenza jeżerċitaw fidi f’Ġesù għandhom l-​opportunità li jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem li tilef Adam.—Ġwann 3:36; Rumani 6:23; 1 Timotew 2:5, 6.

15 Ir-​rahan, mhux xi idea vaga li xi ruħ tibqaʼ ħajja wara l-​mewt, hu t-​tama vera għall-​umanità. Dan hu tagħlim divin. Huwa l-verità. Huwa wkoll turija taʼ l-​għaġeb taʼ l-​imħabba u l-​għerf taʼ Jehovah. (Ġwann 3:16) Kemm imissna nkunu grati li tgħallimna din il-​verità u li ġejna meħlusin mit-​tagħlim tad-​demonji f’dawn l-​affarijiet!—Ġwann 8:32.

16. X’inhuma r-​riżultati fit-​tul meta bnedmin isegwu l-​għerf tagħhom stess?

16 Bil-​gideb tiegħu fil-​ġnien taʼ Għeden, Satana inkuraġġixxa lil Adam u Eva biex jaspiraw li jkunu indipendenti minn Alla u biex jistrieħu fuq l-​għerf tagħhom stess. Illum, naraw ir-​riżultati fit-​tul taʼ dak fil-​kriminalità, fit-​tbatija ekonomika, fil-​gwerer, u fin-​nuqqas kbir taʼ ugwaljanza li jeżistu fid-​dinja llum. Mhux taʼ b’xejn li l-​Bibbja tgħid: “L-​għerf taʼ din id-​dinja huwa bluha m’Alla”! (1 Korintin 3:19) Minkejja dan, il-​biċċa l-​kbira tal-​bnedmin b’mod iblah jippreferu jsofru milli jagħtu kas tat-​tagħlim taʼ Jehovah. (Salm 14:1-3; 107:17) Kristjani, li aċċettaw it-​tagħlim divin, jevitaw li jaqgħu f’dik in-​nassa.

17. Satana liema ‘għarfien imsejjaħ b’mod falz’ ippromwova, u x’inhu l-​frott tiegħu?

17 Pawlu kiteb lil Timotew: “O Timotew, għasses dak li ġie fdat lilek, billi ddur lil hinn mid-​diskors vojt li jiddisprezza dak li hu qaddis u mill-​kontradizzjonijiet taʼ dak li b’mod falz jissejjaħ ‘għarfien.’ Talli għamlu wirja taʼ għarfien bħal dan xi wħud telqu mill-​fidi.” (1 Timotew 6:20, 21) Dak l-​“għarfien” jirrappreżenta wkoll it-​tagħlim tad-​demonji. Fi żmien Pawlu, wisq probabbli li kien jirreferi għall-​ideat apostati li xi wħud fil-​kongregazzjonijiet kienu qegħdin jippromwovu. (2 Timotew 2:16-18) Iktar tard, dak li b’mod falz issejjaħ għarfien, bħalma huma l-​Gnostiċiżmu u l-​filosofija Griega, ikkorrompa l-​kongregazzjoni. Fid-​dinja llum, l-​ateiżmu, l-​agnostiċiżmu, it-​teoriji taʼ l-​evoluzzjoni, u l-​kritika iktar għolja tal-​Bibbja huma eżempji taʼ dak li b’mod falz jissejjaħ għarfien, bħalma huma l-​ideat mhux skritturali li jippromwovu l-​apostati moderni. Il-​frott taʼ dan kollu li b’mod falz jissejjaħ għarfien jidher fid-​degradazzjoni morali, il-​firxa tan-​nuqqas taʼ rispett lejn l-​awtorità, id-​diżonestà, u l-​egoiżmu li jikkaratterizzaw is-​sistema taʼ affarijiet taʼ Satana.

Inżommu Sod Mat-​Tagħlim Divin

18. Min illum ifittex it-​tagħlim divin?

18 Għalkemm Satana fawwar l-​art b’tagħlim tad-​demonji minn żmien Għeden ’l hawn, minn dejjem kien hemm xi wħud li fittxew it-​tagħlim divin. Uħud bħal dawn jammontaw fil-​miljuni llum. Huma jinkludu l-​fdal taʼ Kristjani midlukin li għandhom it-​tama ċerta li jsaltnu maʼ Ġesù fis-​Saltna tas-​sema tiegħu u l-​folla kbira li dejjem tiżdied taʼ “ngħaġ oħrajn” li t-​tama tagħhom hi li jirtu l-​qasam taʼ l-​art taʼ dik is-​Saltna. (Mattew 25:34; Ġwann 10:16; Rivelazzjoni 7:3, 9) Illum, dawn ġew miġburin flimkien ġo organizzazzjoni waħda mad-​dinja kollha li għaliha japplika l-​kliem taʼ Isaija: “[U]liedek subien kollha se jkunu persuni mgħallmin minn Jehovah, u l-​paċi taʼ wliedek subien se tkun abbundanti.”—Isaija 54:13.

19. Li tkun mgħallem minn Jehovah x’jinkludi?

19 Li tkun imgħallem minn Jehovah ifisser iktar milli tkun taf duttrini veri​—għalkemm dak hu importanti. Jehovah jistruwina dwar kif ngħixu, kif napplikaw it-​tagħlim divin fil-​ħajjiet persunali tagħna. Per eżempju, nirreżistu l-​egoiżmu, l-​immoralità, u l-​ispirtu taʼ indipendenza li huma tant abbundanti fid-​dinja madwarna. Aħna nirrikonoxxu xi jsarraf il-​ġiri bla ħniena wara l-​ġid materjali f’din id-​dinja​—iwassal għall-​mewt. (Ġakbu 5:1-3) Aħna qatt ma ninsew it-​tagħlim divin espress fil-​kelmiet taʼ l-​appostlu Ġwanni: “Kunu tħobbu la lid-​dinja u lanqas l-​affarijiet fid-​dinja. Jekk xi ħadd iħobb lid-​dinja, l-​imħabba tal-​Missier mhix fih.”—1 Ġwann 2:15.

20, 21. (a) Satana x’juża fl-​isforzi tiegħu biex jgħami lill-​bnedmin? (b) Liema barkiet jiġu għand dawk li jżommu sod mat-​tagħlim divin?

20 L-​effett tat-​tagħlim tad-​demonji fuq il-​vittmi tiegħu jidher fil-​kliem taʼ Pawlu lill-​Korintin: “[Satana] għama l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux, biex id-​dawl taʼ l-​aħbar tajba glorjuża dwar il-​Kristu, li hu x-​xbiha t’Alla, jistaʼ ma jiddix.” (2 Korintin 4:4) Satana jixtieq jgħami lill-​Kristjani veri b’dan il-​mod ukoll. Lura f’Għeden, hu uża serpent biex jiżżvija lil waħda mill-​qaddejja t’Alla. Illum, hu juża films u programmi televiżivi vjolenti jew immorali. Hu jisfrutta r-​radju, il-​letteratura, u l-​mużika. Arma setgħana għad-​dispożizzjoni tiegħu hi s-​sħubija ħażina. (Proverbji 4:14; 28:7; 29:3) Irrikonoxxi dejjem affarijiet bħal dawn x’isarrfu​—għodod u tagħlim tad-​demonji.

21 Ftakar, il-​kliem taʼ Satana f’Għeden kien gideb; il-​kliem taʼ Jehovah ta prova li kien veru. Minn dawk il-​jiem bikrin ’l hawn, l-​istess ħaġa baqgħet issir. Satana dejjem ta prova li kien giddieb, u t-​tagħlim divin bla ma jfalli kien veru. (Rumani 3:4) Jekk aħna nżommu sod mal-​Kelma t’Alla, se nkunu dejjem man-​naħa rebbieħa fil-​battalja bejn il-​verità u l-​gideb. (2 Korintin 10:4, 5) Ejjew, allura, inkunu determinati li nirrifjutaw kull tagħlim tad-​demonji. B’dak il-​mod se nissaportu saż-​żmien meta l-​gwerra bejn il-​verità u l-​falzità tkun intemmet. Il-​verità se tkun rebħet. Satana se jkun telaq, u t-​tagħlim divin biss se jinstemaʼ fuq l-​art.—Isaija 11:9. (w94 4/1)

Tistaʼ Tispjega?

◻ It-​tagħlim demoniku meta nstemaʼ l-​ewwel?

◻ Liema hu xi gideb miġjub ’il quddiem minn Satana u d-​demonji tiegħu?

◻ Satana b’liema modi hu attiv ħafna llum?

◻ Satana x’juża biex jippromwovi t-​tagħlim tad-​demonji?

◻ Liema barkiet jappartjenu lil dawk li jżommu sod mat-​tagħlim divin?

[Stampa f’paġna 20]

Tagħlim demoniku kien l-​ewwel mismugħ fil-​ġnien taʼ Għeden

[Stampa f’paġna 21]

Tagħlim divin dwar ir-​rahan u s-​Saltna joffri l-​unika tama għall-​umanità

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja