LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 7/1 pp. 9-14
  • “Raġel U Mara Ħalaqhom”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Raġel U Mara Ħalaqhom”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Maskilità Vera u Femminilità Vera
  • L-​Apparenza Minn Barra
  • Irġiel u Nisa Kristjani—Irġiel u Nisa Taʼ Veru
  • L-Irwol tal-Mara fl-Iskrittura
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Ir-Raġel u l-Mara—Irwol Dinjituż għat-Tnejn li Huma
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • X’inhu l-irwol tan-nisa fl-iskop taʼ Ġeħova?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • L-Irwol Dinjituż tan-Nisa Fost il-Qaddejja Bikrin t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 7/1 pp. 9-14

“Raġel U Mara Ħalaqhom”

“Alla ħalaq il-​bniedem fuq xbihietu fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom.”—ĠENESI 1:27.

1. Il-​verità kif inhi barka għall-​Kristjani rġiel u nisa?

KEMM hu pjaċevoli li tkun fost in-​nies taʼ Jehovah u li tassoċja maʼ rġiel u nisa, kif ukoll maʼ subjien u bniet, li l-​prijorità tagħhom fil-​ħajja hi li jħobbu u li jobdu ’l Alla! Il-​verità wkoll teħlisna minn attitudnijiet u kondotta li ma jogħġbux lil Alla Jehovah, u tgħallimna ngħixu kif suppost jgħixu l-​Kristjani. (Ġwann 8:32; Kolossin 3:8-10) Per eżempju, in-​nies kullimkien għandhom tradizzjonijiet jew kunċetti dwar il-​mod kif l-​irġiel għandhom jesprimu l-​maskilità tagħhom, u n-​nisa l-​femminilità tagħhom. Huwa sempliċement li l-​irġiel jitwieldu maskili, u n-​nisa femminili? Jew hemm xi fatturi oħrajn li jridu jiġu kkunsidrati?

2. (a) X’għandu jiddetermina l-​ħarsa tagħna dwar il-​maskilità u l-​femminilità? (b) Xi ġralhom l-​opinjonijiet dwar is-​sessi?

2 Għall-​Kristjani, il-​Kelma t’Alla hija l-​awtorità li aħna noqogħdu għaliha, kienu x’kienu l-​ideat persunali, kulturali, jew tradizzjonali li forsi stajna ksibna. (Mattew 15:1-9) Il-​Bibbja ma telaborax fuq l-​aspetti kollha tal-​maskilità u l-​femminilità. Minflok, tħalli l-​wisaʼ għal varjetà, bħalma nsibu f’kulturi differenti. Biex ikunu kif Alla ħalaqhom li jkunu, l-​irġiel iridu jkunu maskili, u n-​nisa femminili. Għala? Għaliex minbarra li r-​raġel u l-​mara ntgħamlu biex jikkomplimentaw lil xulxin fiżikament, huma kellhom ukoll jikkomplimentaw lil xulxin permezz taʼ kwalitajiet maskili u femminili. (Ġenesi 2:18, 23, 24; Mattew 19:4, 5) Madankollu, l-​opinjonijiet dwar is-​sessi saru mgħawġin u mħawdin. Ħafna jassoċjaw il-​maskilità maʼ dominanza ħarxa, severità, jew imġiba aggressiva fl-​irġiel. F’ċerti kulturi jkun rari jew t’għajb għal raġel li jibki, fil-​pubbliku jew saħansitra fil-​privat. Madankollu, fil-​folla quddiem il-​qabar taʼ Lazzru, “Ġesù beka.” (Ġwann 11:35) Dak ma kienx barra minn loku għal Ġesù, li l-​maskilità tiegħu kienet perfetta. Illum ħafna saru żbilanċjati dwar il-​femminilità, billi jqisuha bħala sempliċi sbuħija fiżika u sesswali.

Maskilità Vera u Femminilità Vera

3. L-​irġiel u n-​nisa kif inhuma differenti?

3 X’inhi l-​maskilità vera, u x’inhi l-​femminilità vera? The World Book Encyclopedia tistqarr: “Il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​irġiel u n-​nisa jvarjaw minn xulxin mhux biss fl-​anatomija, imma wkoll fl-​imġiba u fl-​interessi. Xi ftit minn dawn id-​differenzi huma ddeterminati bijoloġikament. . . . Imma ħafna differenzi li m’humiex anatomiċi jidhru li huma bbażati fuq irwoli sesswali li kull individwu jitgħallem. In-​nies jitwieldu rġiel jew nisa, imma jitgħallmu jkunu maskili jew femminili.” Il-​mod kif aħna magħmulin ġenetikament jistaʼ jeffettwa ħafna affarijiet, imma l-​iżvilupp taʼ maskilità u femminilità xierqa jiddependi fuq li nitgħallmu dak li Alla jirrikjedi u fuq dak li nagħżlu li nsegwu fil-​ħajja.

4. Il-​Bibbja x’tirrivela dwar l-​irwoli tar-​raġel u l-​mara?

4 L-​istorja tal-​Bibbja tirrivela li l-​irwol t’Adam kien li jieħu l-​inizjattiva bħala kap taʼ martu u wliedu. Kellu wkoll jikkonforma mar-​rieda t’Alla li jimla l-​art, irażżanha, u jkollu l-​ħolqien inferjuri kollu taʼ l-​art sottomess lejh. (Ġenesi 1:28) L-​irwol femminil fil-​familja għal Eva kien bħala “għajnuna” li tgħodd għal Adam, sottomessa lejh bħala l-​kap tagħha, billi tikkopera miegħu fit-​twettiq taʼ l-​iskop li Alla ddikjara għalihom.—Ġenesi 2:18; 1 Korintin 11:3.

5. Ir-​relazzjoni bejn ir-​raġel u l-​mara kif tħassret?

5 Imma Adam ma wettaqx ir-​responsabbiltà tiegħu, u Eva wżat il-​femminilità tagħha b’mod persważiv biex tħajjar lil Adam ħa jingħaqad magħha f’li ma jobdux lil Alla. (Ġenesi 3:6) Billi ħalla lilu nnifsu jagħmel dak li kien jaf li kien ħażin, Adam naqas li juri maskilità vera. B’mod dgħajjef għażel li jaċċetta l-​kelma tas-​sieħba mqarrqa tiegħu minflok dak li kien qal il-​Missier u l-​Ħallieq tiegħu. (Ġenesi 2:16, 17) L-​ewwel koppja malajr bdew jesperjenzaw dak li Alla kien ra minn qabel bħala l-​konsegwenza tad-​diżubbidjenza. Adam, li kien qabel iddeskriva lil martu b’termini poetiċi mill-​isbaħ, issa xott xott irrefera għaliha bħala “l-​mara li inti tajtni għal miegħi.” L-​imperfezzjoni tiegħu issa ċajpret u żvijat il-​maskilità tiegħu, bir-​riżultat li hu sar ‘jaħkem fuq martu.’ Eva, mill-​banda l-​oħra, kien se jkollha ‘xewqa’ għal żewġha, x’aktarx b’mod eċċessiv jew żbilanċjat.—Ġenesi 3:12, 16.

6, 7. (a) Liema tgħawwiġ tal-​maskilità żviluppa qabel id-​Dilluvju? (b) X’nistgħu nitgħallmu mis-​sitwazzjoni taʼ qabel id-​Dilluvju?

6 Użu ħażin tal-​maskilità u l-​femminilità sar jidher b’mod li jispikka qabel id-​Dilluvju. Anġli li ċaħdu l-​pożizzjoni oriġinali tagħhom fis-​sema mmaterjalizzaw f’iġsma umani sabiex igawdu relazzjonijiet sesswali man-​nisa. (Ġenesi 6:1, 2) Ir-​rakkont isemmi li subjien biss twieldu minn dawn ir-​relazzjonijiet mhux naturali. U donnu li n-​nisel kollu kienu bgħula, mingħajr l-​abbiltà li jirriproduċu. Saru magħrufin bħala wħud setgħanin, Nefilim, jew “Fellers” (uħud li jwaqqgħu), peress li kienu se jġagħlu lil oħrajn jaqgħu. (Ġenesi 6:4; ara nota taʼ taħt fin-​New World Translation Reference Bible) Evidentement dawn kienu vjolenti, aggressivi, u ma wrew ebda mogħdrija tenera lejn oħrajn.

7 Huwa ċar li s-​sbuħija fiżika, l-​għamla tal-​ġisem, id-​daqs, jew is-​saħħa minnhom infushom ma jipproduċux maskilità jew femminilità aċċettabbli. L-​anġli li mmaterjalizzaw kienu x’aktarx attraenti. U n-​Nefilim kienu kbar u mmuskolati, imma l-​attitudni mentali tagħhom kienet mgħawġa. L-​anġli diżubbidjenti u n-​nisel tagħhom imlew l-​art bl-​immoralità sesswali u l-​vjolenza. Għalhekk, Jehovah ġab it-​tmiem fuq dik id-​dinja. (Ġenesi 6:5-7) Id-​Dilluvju, iżda, ma warrabx min-​nofs l-​influwenza demonika, lanqas ma elimina r-​riżultati tad-​dnub t’Adam. Riflessjoni mhix xierqa tal-​maskilità u l-​femminilità reġgħet feġġet wara l-​Għarqa, u hemm eżempji fil-​Bibbja, kemm tajbin u kemm ħżiena, li nistgħu nitgħallmu minnhom.

8. Ġużeppi liema eżempju taʼ maskilità xierqa ħalla?

8 Ġużeppi u mart Putifar jippreżentaw kuntrast qawwi rigward maskilità xierqa kkonfrontata minn femminilità dinjija. Mart Putifar, billi kienet tilfet rasha wara Ġużeppi, li kien raġel attraenti, ipprovat tisseduċih. Dak iż-​żmien ma kien hemm ebda liġi miktuba mingħand Alla li tipprojbixxi ż-​żína jew l-​adulterju. Madankollu, Ġużeppi ħarab minn dik il-​mara immorali u ta prova li kien tabilħaqq raġel t’Alla, wieħed li wera maskilità li kellha l-​approvazzjoni t’Alla.—Ġenesi 39:7-9, 12.

9, 10. (a) Ir-​reġina Vasti kif abbużat mill-​femminilità tagħha? (b) Ester liema eżempju mill-​aħjar taʼ femminilità pprovditilna?

9 Ester u r-​Reġina Vasti jipprovdu kuntrast rimarkabbli għan-​nisa. Vasti evidentement ħasbet li kienet tant sabiħa li s-​Sultan Assweru kien dejjem se jċedi għax-​xewqat tagħha. Imma s-​sbuħija tagħha ma kinitx tinżel fil-​fond, bħall-​ħafna kremi tal-​wiċċ li jinbiegħu llum. Kienet nieqsa mill-​modestja u l-​femminilità, għax naqset li turi sottomissjoni lejn żewġha, li kien ukoll is-​sultan tagħha. Is-​sultan warrabha u għażel mara verament femminili li, fil-​fatt, kellha l-​biżaʼ taʼ Jehovah biex tkun ir-​reġina tiegħu.—Ester 1:10-12; 2:15-17.

10 Ester isservi t’eżempju mill-​aqwa għan-​nisa Kristjani. Hi “kienet sabiħa fis-​sura tagħha u ġmielha kien jolqot l-​għajn,” madankollu wriet ‘it-​tiżjin li ma jitħassarx moħbi f’qalbha’ taʼ spirtu kwiet u ġwejjed. (Ester 2:7; 1 Pietru 3:4) Ma qisitx it-​tiżjin li jidher bħala li jiġi l-​ewwel. Ester uriet tattika u kontroll fuqha nfisha, billi kienet sottomessa lejn żewġha, Assweru, saħansitra meta l-​ħajjiet taʼ niesha kienu fil-​periklu. Ester baqgħet siekta meta kien għaqli li tagħmel hekk imma tkellmet bil-​qlubija u bla biżaʼ meta kien hemm bżonn u meta kien il-​waqt. (Ester 2:10; 7:3-6) Aċċettat il-​pariri taʼ Mordekaj, il-​kuġin matur tagħha. (Ester 4:12-16) Uriet imħabba u lealtà lejn niesha.

L-​Apparenza Minn Barra

11. X’għandna nżommu f’moħħna rigward l-​apparenza minn barra?

11 X’inhi ċ-​ċavetta għal femminilità xierqa? Waħda omm stqarret: “Qarrieqa l-​ħlewwa tal-​mara, fiergħa sbuħitha; mara li tibżaʼ mill-​Mulej taʼ min ifaħħarha.” (Proverbji 31:30) Mela biżaʼ reverenzjali lejn Alla hu essenzjali, u qalb tajba bl-​imħabba, ħlewwa, modestja, u użu ħlejju taʼ l-​ilsien jikkontribwixxu ħafna iktar lejn il-​femminilità milli tagħmel is-​sbuħija fiżika.—Proverbji 31:26.

12, 13. (a) B’sogħba, biex inhu mmarkat il-​kliem taʼ ħafna? (b) X’ifisser Proverbji 11:22?

12 B’dispjaċir, ħafna rġiel u nisa ma jiftħux fommhom bil-​għerf, lanqas m’għandhom il-​qalb tajba bl-​imħabba fuq ilsienhom. Id-​diskors tagħhom hu abbużiv, sarkastiku, vulgari, u b’nuqqas taʼ ħsieb. Xi rġiel jaħsbu li l-​kliem oxxen hu prova tal-​maskilità, u xi nisa bi bluha jimitawhom. Madankollu, jekk mara hi ħelwa iżda hi bla sens u argumentattiva, sarkastika, jew arroganti, tistaʼ verament tkun ħelwa fil-​veru sens tal-​kelma, verament femminili? “Bħal ħolqa tad-​deheb fi mnieħer ħanżir, hi mara sabiħa imma bla għaqal.”—Proverbji 11:22.

13 Is-​sbuħija msieħba maʼ diskors maħmuġ, sarkażmu, jew nuqqas t’għaqal tkun inkompatibbli, bla ebda armonija maʼ kwalunkwe dehra femminili li persuna tistaʼ tagħti l-​impressjoni li għandha. Fil-​fatt, kondotta ħażina bħal din tistaʼ saħansitra tagħmel lil persuna attraenti fiżikament tidher kerha. Nistgħu faċilment napprezzaw li d-​dehra fiżika taʼ raġel jew taʼ mara ma tistax fiha nfisha tpatti għal, jew tiġġustifika, tfaqqigħ taʼ korla, twerżiq, jew diskors abbużiv. Il-​Kristjani kollha jistgħu, u għandhom, jagħmlu lilhom infushom attraenti għal Alla u għal bnedmin sħabhom permezz tad-​diskors u l-​kondotta tagħhom imħarrġin fuq il-​Bibbja.—Efesin 4:31.

14. Liema tip taʼ tiżjin hu mfaħħar fl-1 Pietru 3:3-5, u kif tħossok dwar dan?

14 Fil-​waqt li femminilità u maskilità ġenwini huma bbażati fuq kwalitajiet spiritwali, il-​komportament u d-​dehra fiżiċi, inklużi l-​ħwejjeġ li nilbsu u l-​mod kif nilbsuhom, jagħtu messaġġ dwarna. L-​appostlu Pietru bla dubju kellu f’moħħu ċerti stili taʼ lbies u moda tax-​xagħar fl-​ewwel seklu, meta lin-​nisa Kristjani tahom il-​parir: “Ħa tkun is-​sbuħija tagħkom mhux dik li tidher minn barra bħad-​dafra tax-​xagħar u t-​tiżjin tad-​deheb u l-​ilbies ilellex, imma dik li hi moħbija f’qalbkom, mlibbsa b’tiżjin li ma jitħassarx; hi l-​qalb ħelwa u twajba tagħkom; dan hu li Alla jgħożż ħafna. Hekk dari kienu jiżżejjnu dawk in-​nisa qaddisa li kienu jittamaw f’Alla; kienu joqogħdu għas-​setgħa taʼ żwieġhom.”—1 Pietru 3:3-5.

15. In-​nisa Kristjani x’għandhom jirsistu biex juru fi lbieshom?

15 Fl-​Ewwel Timotju 2:9, 10, insibu l-​kummenti taʼ Pawlu dwar l-​ilbies femminili: “Nixtieq li n-​nisa jiżżejjnu bi lbies xieraq, bil-​modestja u bl-​għaqal . . . bl-​għemil it-​tajjeb, kif jixraq lil nisa li jridu jkunu twajbin.” Hu hemmhekk enfasizza l-​ħtieġa għall-​modestja u lbies addattat li jirrifletti l-​għaqal.

16, 17. (a) L-​ilbies kif ġie wżat ħażin minn ħafna rġiel u nisa llum? (b) X’għandna nikkonkludu dwar il-​parir misjub f’Dewteronomju 22:5?

16 Li raġel jew mara, tifel jew tifla, jaġixxu jew jilbsu b’mod li jkun sesswalment provokattiv ma jsebbaħx il-​maskilità jew il-​femminilità veri, u ċertament li ma jonorax lil Alla. Ħafna nies fid-​dinja jmorru fl-​estrem biex jesponu s-​sesswalità maskili jew femminili fl-​ilbies u fil-​kondotta. Oħrajn jaħbu d-​differenzi taʼ bejn is-​sessi minħabba skopijiet immorali. Kemm nistgħu nkunu grati aħna l-​Kristjani li l-​Bibbja tirrivela l-​ħsieb t’Alla! Jehovah ddikjara lil Iżrael tal-​qedem: “Ebda mara ma għandha tilbes ħwejjeġ taʼ raġel, anqas raġel ma jxidd libsa taʼ mara; għax il-​Mulej ma jaħmilx lil min jagħmel ħwejjeġ bħal dawn.”—Dewteronomju 22:5.

17 F’dan ir-​rigward, x’aktarx tieħu pjaċir tirrevedi dak li qal It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Novembru, 1988, f’paġna 13: “Il-​kwistjoni mhix jekk ċertu stil hux tal-​moda b’mod estrem imma jekk jixraqx lil wieħed li jgħid li hu ministru t’Alla. (Rumani 12:2; 2 Korintin 6:3) Ilbies każwali jew issikkat iżżejjed jistaʼ jnaqqas mill-​messaġġ tagħna. Stili li b’mod ċar u maħsub lill-​irġiel jagħmluhom jidhru qishom nisa jew lin-​nisa jagħmluhom jidhru qishom irġiel huma definittivament barra minn posthom. (Qabbel Dewteronomju 22:5.) Naturalment, drawwiet lokali jistgħu jvarjaw, skond it-​temp, il-​ħtiġijiet tax-​xogħol, u nibqgħu sejrin, u b’hekk il-​kongregazzjoni Kristjana ma tagħmilx regoli stretti biex tkopri l-​fratellanza mad-​dinja kollha.”

18. X’passi nistgħu nieħdu biex napplikaw il-​pariri tal-​Bibbja dwar l-​ilbies u d-​dehra tagħna?

18 X’parir ibbilanċjat u li jixraq! B’dispjaċir, xi Kristjani, irġiel u nisa, isegwu bl-​amment dak kollu li tippromwovi d-​dinja fl-​ilbies u fid-​dehra persunali mingħajr ma jikkunsidraw kif dan jistaʼ jirrifletti fuq Jehovah u fuq il-​kongregazzjoni Kristjana. Kull wieħed minna jistaʼ jeżamina ftit lilu nnifsu biex naraw jekk ġejniex influwenzati minn kif taħsibha d-​dinja. Jew nistgħu navviċinaw lil xi ħu jew oħt irrispettati u t’esperjenza u nistaqsuhom jekk jinnotawx xi ħaġa rigward tibdil li għandna nagħmlu fl-​istil taʼ l-​ilbies tagħna u mbagħad niżnu serjament is-​suġġerimenti tagħhom.

Irġiel u Nisa Kristjani—Irġiel u Nisa Taʼ Veru

19. Liema influwenza mhix mixtieqa jeħtieġ li niġġieldu kontrieha?

19 L-​alla taʼ din id-​dinja huwa Satana, u l-​influwenza tiegħu tistaʼ tidher fil-​konfużjoni rigward is-​sessi, u dan ma jidhirx biss fl-​ilbies. (2 Korintin 4:4) F’xi pajjiżi ħafna nisa jikkompetu maʼ l-​irġiel fuq l-​istat taʼ kap, u b’hekk jinjoraw il-​prinċipji Bibliċi. Min-​naħa l-​oħra, għadd kbir taʼ rġiel sempliċement jabbandunaw ir-​responsabbiltajiet tagħhom taʼ kapijiet, bħalma għamel Adam. Hemm dawk li saħansitra jipprovaw ibiddlu l-​irwol sesswali tagħhom fil-​ħajja minn wieħed għall-​ieħor. (Rumani 1:26, 27) Il-​Bibbja ma tistabbilixxix stili taʼ ħajja alternattivi li huma approvati minn Alla. U dawk li, qabel ma saru Kristjani, kienu konfużi dwar l-​identità jew il-​preferenzi sesswali tagħhom, jistgħu jkunu fiduċjużi li se jkun għall-​benefiċċju dejjiemi tagħhom li jgħixu fi qbil mal-​livell t’Alla, livell li ċertament se jkun apprezzat minn dawk kollha li jilħqu l-​perfezzjoni umana.

20. Galatin 5:22, 23 x’konnessjoni għandu jkollu mal-​ħarsa tagħna dwar il-​maskilità u l-​femminilità?

20 L-​Iskrittura turi li rġiel u nisa Kristjani jeħtieġu li jiżviluppaw u juru l-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla​—l-​imħabba, il-​ferħ, il-​paċi, is-​sabar fit-​tul, il-​qalb tajba, it-​tjubija, il-​fidi, il-​ħlewwa, u l-​kontroll fuqna nfusna. (Galatin 5:22, 23) Alla, fl-​għerf kbir tiegħu, għamel li l-​irġiel jistgħu jsebbħu l-​maskilità tagħhom, u n-​nisa jsebbħu l-​femminilità tagħhom, billi jikkultivaw dawn il-​kwalitajiet. Huwa faċli li tirrispetta lil raġel li juri l-​frott taʼ l-​ispirtu, u faċli li tħobb mara li tagħmel dan.

21, 22. (a) Ġesù x’mudell ħallielna rigward stili taʼ ħajja? (b) Ġesù kif wera l-​maskilità tiegħu?

21 L-​aqwa bniedem li qatt għex kien Ġesù Kristu, u huwa l-​mod taʼ ħajja tiegħu li l-​Kristjani għandhom jimitaw. (1 Pietru 2:21-23) Bħal Ġesù, kemm l-​irġiel u kemm in-​nisa għandhom ikunu leali lejn Alla u ubbidjenti lejn il-​Kelma Tiegħu. Ġesù wera kwalitajiet mill-​aqwa taʼ mħabba, tenerezza, u ħniena. Bħala Kristjani veri, hu mistenni minna li nimitawh biex nagħtu prova li aħna d-​dixxipli tiegħu.—Ġwann 13:35.

22 Ġesù Kristu kien raġel taʼ veru, u nistgħu naraw il-​kwalitajiet maskili tiegħu hekk kif nistudjaw ir-​rakkont taʼ ħajtu kif imniżżel fl-​Iskrittura. Hu baqaʼ ma żżewwiġx, imma l-​Bibbja turi li kien igawdi sħubija bbilanċjata man-​nisa. (Luqa 10:38, 39) Ir-​relazzjonijiet tiegħu maʼ l-​irġiel u man-​nisa kienu dejjem nodfa u onorabbli. Hu l-​mudell perfett tal-​maskilità. Ma ħalla lil ħadd​—la raġel, la mara, jew lanqas lil xi anġlu diżubbidjenti—​jisraqlu l-​maskilità kif iridha Alla u l-​fedeltà tiegħu lejn Jehovah. Ma qagħadx jaħsibha biex jaċċetta r-​responsabbiltajiet tiegħu, u għamel dan mingħajr tgergir.—Mattew 26:39.

23. Rigward l-​irwoli tas-​sessi, il-​veri Kristjani kif inhuma mberkin b’mod distint?

23 X’għaxqa li nkunu fost il-​poplu taʼ Jehovah u li nassoċjaw maʼ rġiel u nisa, kif ukoll maʼ subjien u bniet, li l-​prijorità tagħhom fil-​ħajja hi li jħobbu u li jobdu lil Alla Jehovah! M’aħniex ristretti talli nobdu l-​Kelma t’Alla. Minflok, aħna meħlusin minn din id-​dinja u t-​triqat tagħha li jbaxxu s-​sbuħija, l-​iskop, u l-​irwoli distinti tas-​sessi. Nistgħu nesperjenzaw l-​hena ġenwin li jiġi milli nwettqu l-​pożizzjoni tagħna mogħtija minn Alla fil-​ħajja, kemm jekk aħna rġiel u kemm jekk aħna nisa. Iva, kemm aħna grati lejn Alla Jehovah, il-​Ħallieq, għall-​provvedimenti taʼ mħabba kollha tiegħu għalina u talli ħalaqna rġiel u nisa! (w97 6/15)

Kif Twieġeb Int?

◻ Il-​Bibbja liema rwoli xierqa għall-​irġiel u għan-​nisa tiddeskrivi?

◻ Il-​maskilità kif ġiet mgħawġa qabel id-​Dilluvju, u din flimkien mal-​femminilità kif ġew mgħawġin fi żmienna?

◻ Liema parir tal-​Bibbja dwar l-​apparenza se tfittex int li tapplika?

◻ Irġiel u nisa Kristjani kif jistgħu jagħtu prova li huma rġiel u nisa taʼ veru?

[Stampa f’paġna 12]

Għalkemm kienet mara sabiħa, lil Ester niftakruha partikolarment għall-​modestja u għall-​karattru kwiet u ġwejjed tagħha

[Stampa f’paġna 13]

Agħti attenzjoni raġonevoli lid-​dehra tiegħek fil-​waqt li tagħti enfasi akbar lis-​sbuħija ġewwinija

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja