Il-Hemm fil-Familja—Sinjal taż-Żminijiet
IL-HEMM fil-familja—ħafna jarawh bħala sinjal li r-regoli tradizzjonali taż-żwieġ u tat-trobbija tat-tfal huma antikwati. Oħrajn jarawh bħala riżultat taʼ bidla politika, ekonomika, u soċjali. Jerġaʼ oħrajn jarawh biss bħala daqqa taʼ ħarta oħra mit-teknoloġija moderna. Fir-realtà il-problemi li l-familji jridu jikkumbattu magħhom illum jippuntaw lejn xi ħaġa taʼ sinjifikat bil-wisq akbar. Innota l-kelmiet tal-Bibbja fit-2 Timotew 3:l-4:
“Kun af dan, li fl-aħħar jiem se jkun hawn żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom. Għax il-bnedmin se jkunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, faħħarin, kburin, midgħajja, ma jobdux lill-ġenituri, ma jroddux ħajr, m’humiex leali, m’għandhom ebda affezzjoni naturali, mhux lesti li jiftehmu, kalunnjaturi, mingħajr kontroll fuqhom infushom, feroċi, mingħajr imħabba lejn it-tjubija, tradituri, rashom iebsa, minfuħin bil-kburija, iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu ’l Alla.”
M’humiex qegħdin dawn il-kelmiet imorru fil-għerq tal-problemi tal-lum? Il-hemm tal-lum fil-familji jidher b’mod ċar li hu riżultat dirett tal-kundizzjonijiet ipprofetizzati li kellhom iseħħu matul l-aħħar jiem taʼ din id-dinja. U hemm evidenza li tipperswadik li dan il-perijodu taʼ hemm beda fis-sena 1914.a Minn dak in-nhar ’il hawn, l-influwenza tal-ħlejqa spirtu superuman imsejjaħ Satana x-Xitan kienet b’mod partikulari fatali.—Mattew 4:8-10; 1 Ġwann 5:19.
Billi mill-1914 kien kostrett għall-viċinanza tal-art, Satana għandu “rabja kbira, billi jaf li għandu perijodu qasir taʼ żmien.” (Rivelazzjoni 12:7-12) Ladarba Satana ħalef li jkun il-għadu t’Alla “li lilu kull familja fis-sema u fuq l-art taf isimha,” m’hijiex xi ħaġa tal-iskantament li l-art saret post tant perikoluż għall-familji? (Efesin 3:15) Satana huwa determinat li jdawwar lill-umanità kollha ’l bogħod minn Alla. B’liema mod aħjar jistaʼ jwettaq dan jekk mhux billi jassalta l-familji bil-problemi?
Hemm bżonn iktar mill-partita teoriji taʼ dawk li jgħidu li huma esperti biex jipproteġu l-familji minn attakk superuman bħal dan. Minkejja dan, il-Bibbja tgħid dwar Satana: “M’aħniex li ma nafux bit-tfassil tiegħu.” (2 Korintin 2:11) Hemm ċertu ammont taʼ protezzjoni f’li tkun taf xi wħud mill-modi speċifiċi li bihom jagħmel l-assalt tiegħu.
Flus u Xogħol
Pressjoni ekonomika hija waħda mill-iktar armi potenti taʼ assalt. Dawn huma “żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom,” jew kif tpoġġieha r-Revised Standard Version fit-2 Timotew 3:1, “żmien taʼ pressjoni.” F’artijiet li qegħdin jiżżviluppaw, problemi bħalma huma l-qagħad, il-pagi baxxi, u n-nuqqas tan-neċessitajiet bażiċi jikkaġunaw tant tbatija lill-familji. Madankollu, saħansitra fl-Istati Uniti li huwa relattivament pajjiż sinjur, il-pressjonijiet ekonomiċi kellhom il-konsegwenzi tagħhom. Stħarriġ wieħed fl-Istati Uniti kixef li l-flus huma wieħed mill-kaġuni prinċipali tal-konflitt fil-familja. Il-ktieb Secrets of Strong Families jispjega li “l-ħin, l-attenzjoni, [u] l-enerġija” li jinħlew f’li jissodisfaw il-ħtiġijiet tax-xogħol jistgħu wkoll ikunu “għadu sottili” li jħassar l-impenn matrimonjali.
Ċirkostanzi sfurzaw lil numru rekord taʼ nisa f’li jfittxu mpjieg. Il-kittieb Vance Packard jirrapporta: “Fil-preżent, minn tal-inqas kwart mit-tfal taʼ taħt it-tliet snin fl-Amerka għandhom ommijiethom li għandhom xi tip jew ieħor taʼ mpjieg barra mid-dar.” Li tieħu ħsieb tal-ħtiġijiet li qatt ma jispiċċaw tat-tfal iż-żgħar kif ukoll li jkollok impjieg jistaʼ jkun sforz kbir iżżejjed u li jeżawrik—b’effetti negattivi kemm fuq il-ġenituri kif ukoll fuq it-tfal. Packard iżid li minħabba n-nuqqas taʼ provvedimenti adattati għat-trobbija tat-tfal fl-Istati Uniti, “miljuni mhux ħażin taʼ tfal qegħdin fi żmien qasir tinbidlilhom il-kura tajba fi ċkunithom.”−Our Endangered Children.
L-istess post tax-xogħol taʼ spiss idgħajjef l-armonija tal-familja. Ħafna ħaddiema jiġu miġbudin f’relazzjonijiet illeċti maʼ sħabhom taʼ fuq ix-xogħol. Jerġaʼ oħrajn jinqabdu fil-ġiri vanituż wara s-suċċess u jissagrifikaw il-ħajja tal-familja tagħhom biex javanzaw fil-karriera. (Qabbel Ekkleżjasti 4:4) Wieħed raġel tant sar mehdi bl-impjieg tiegħu bħala rappreżentant li jbigħ li martu ddiskriviet lilha nfisha bħala “omm waħedha de facto.”
Rabtiet taż-Żwieġ Imdgħajfin
L-istess istituzzjoni taż-żwieġ ġiet ukoll taħt assalt. Igħid il-ktieb The Intimate Environment: “Fil-passat, l-istennija kienet li l-koppja jibqgħu miżżewġin sakemm xi ħadd minnhom jikkommetti xi offiża kbira kontra ż-żwieġ—adulterju, krudeltà, traskuraġni estrema. Issa l-biċċa l-kbira tan-nies jaraw l-iskop taż-żwieġ bħala twettieq persunali.” Iva, iż-żwieġ jiġi ttrattat bħala doża kontra n-niket, id-dwejjaq, jew is-solitudni—mhux bħala impenn għal tul il-ħajja lejn persuna oħra. Li qed jiġi ffokat issa hu dak li tistaʼ takkwista miż-żwieġ, mhux dak li tagħti għalih. (Agħmel kuntrast maʼ Atti 20:35.) Din “il-bidla kbira fil-valuri li qed jiċċirkondaw iż-żwieġ” dgħajfet ferm lill-irbit matrimonjali. Meta twettieq persunali jiskappalhom, il-koppji taʼ spiss jaħtfu mad-divorzju bħala s-soluzzjoni taʼ malajr.
Nies f’dawn “l-aħħar jiem” huma deskritti b’mod profetiku fil-Bibbja bħala li “għandhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma jagħtu prova li huma foloz għall-qawwa tagħha.” (2 Timotew 3:4, 5) Ħafna esperti jħossu li l-waqgħa fir-reliġjon kellha parti f’li jinkiser iż-żwieġ. Fil-ktieb tagħha The Case Against Divorce, Dr. Diane Medved kitbet: “Skond il-biċċa l-kbira tar-reliġjonijiet, Alla qal li ż-żwieġ kellu jkun permanenti. Meta ma tkunx ċert dwar Alla jew ma temminx Bih, allura tagħmel li trid.” Bħala riżultat, meta fiż-żwieġ ikun hemm il-problemi, il-koppji ma jfittxux soluzzjonijiet sodi. “Huma malajr jiskartaw l-isforz kollu.”
Żgħażagħ taħt Attakk
It-tfal qegħdin jagħqdu fin-nofs bil-pressjonijiet tal-lum. Numri li jgħaġġbuk taʼ tfal qegħdin jiġu mbiċċrin u abbużati verbalment jew sesswalment mill-ġenituri tagħhom stess. Permezz tad-divorzju, miljuni oħrajn jiġu mxennqin mill-influwenza taʼ mħabba taż-żewġ ġenituri, u l-uġigħ tad-divorzju tal-ġenituri taʼ spiss jibqaʼ għal tul ħajjithom.
Iż-żgħażagħ huma bbombardjati minn influwenzi qawwijin. Sakemm xi żagħżugħ Amerikan jasal għal 14-il sena, hu jkun xhud taʼ 18,000 qtil u numru bla għadd taʼ forom oħrajn taʼ vjolenza, sess illeċitu, sadiżmu, u delitti sempliċement billi jara t-televiżjoni. Il-mużika wkoll teżerċita qawwa kbira fuq iż-żgħażagħ, u ħafna minnha hija b’mod tal-għaġeb suġġestiva, espliċita sesswalment, jew saħansitra satanika fil-kontenut. L-iskejjel jesponu liż-żgħażagħ għal teoriji bħalma hi l-evoluzzjoni li tasal biex tkisser il-fidi f’Alla u l-Bibbja. Pressjoni minn sħabhom tħeġġeġ lil ħafna biex jieħdu sehem fis-sess qabel iż-żwieġ u fl-alkoħol jew fl-abbuż tad-drogi.
Il-Għeruq tal-Hemm fil-Familja
L-assalt fuq il-familji huwa għalhekk akbar fl-iskop u jistaʼ jkun qerriedi. X’jistaʼ jgħin lill-familji biex isalvaw? John Bradshaw, wieħed li jagħti l-pariri dwar il-familja, jissuġġerixxi: “Ir-regoli tagħna bħala ġenituri ma ġewx immodernizzati serjament f’150 sena. . . . Jiena nemmen li r-regoli l-qodma m’għadhomx jaħdmu.” Madankollu, iktar liġijiet magħmulin mill-bniedem m’humiex is-soluzzjoni. Alla Jehovah huwa l-Oriġinatur tal-familja. Hu jaf aħjar minn kwalunkwe ieħor kemm hu importanti rwol tal-ħajja fil-familja għall-hena persunali tagħna u x’jinħtieġ biex jagħmel il-ħajja tal-familja ferħana u b’saħħitha. Għandu jissorprendina li l-Kelma tiegħu, il-Bibbja, tipprovdi s-soluzzjoni għall-hemm fil-familja?
Dak il-ktieb antik jispjega kif il-ħajja tal-familja bdiet tmajna. L-ewwel koppja umana, Adam u Eva, ġew impoġġijin fi sfond taʼ ġnien sabiħ u ġew mogħtijin l-isfida premjanti taʼ li jittrasformaw l-art f’ġenna globali. Alla ħareġ id-digriet li Adam kellu jkun il-kap tal-familja. Eva kellha tikkopera mat-tmexxija tiegħu bħala “għajnuna għalih,” jew “komplement.” Imma Eva rribellat għal dan l-arranġament. Hi ħatfet it-tmexxija taʼ kap mingħand ir-raġel tagħha u ma obdietx l-unika projbizzjoni li Alla poġġa fuqhom. Adam imbagħad ċeda l-istat taʼ kap tiegħu u ngħaqad magħha f’din ir-rewwixta.—Ġenesi 1:26-3:6.
L-effetti distruttivi taʼ li ma baqgħux taħt l-arranġament t’Alla deher iktar ċar immedjatament. Billi ma baqgħux puri u innoċenti, Adam u Eva rreaġixxew b’mistħija u ħtija. Adam, li iktar qabel iddeskriva lil martu b’termini brillanti u poetiċi, issa kiesaħ u biered irrefera għaliha bħala ‘l-mara li tajtni.’ Dik ir-rimarka negattiva kienet sempliċement il-bidu taʼ miżerja matrimonjali. L-attentati inutli taʼ Adam biex jerġaʼ jikseb l-istat tiegħu taʼ kap kellhom jirriżultaw f’li hu ‘jiddominaha.’ Eva, mill-banda l-oħra, kellha jkollha “xenqa” għal żewġha, x’aktarx b’mod eċċessiv u mhux ibbilanċjat.—Ġenesi 2:23; 3:7-16.
Ma nistagħġbux li l-pika matrimonjali bejn Adam u Eva kellha impatt taʼ ħsara fuq nisilhom. L-ewwel iben tagħhom, Kajjin, sar qattiel bla skruplu. (Ġenesi 4:8) Lamek, dixxendent taʼ Kajjin, żied mal-waqgħa tal-ħajja fil-familja billi sar l-ewwel poligamista li qatt kien hawn. (Ġenesi 4:19) Adam u Eva b’hekk mhux biss għaddew legat taʼ dnub u mewt imma mudell marid tal-familja li kien il-wirt tar-razza umana minn dak in-nhar. Matul dawn l-aħħar jiem, in-nuqqas taʼ ftehim fil-familja laħaq quċċata li qatt ma kien hawn bħalha.
Familji li Baqgħu Sodi
Mhux il-familji kollha, madankollu, qed jissieltu taħt pressjonijiet illum. Ċertu raġel miżżewweġ, per eżempju, jgħix maʼ martu u ż-żewġ uliedu bniet f’komunità ċkejkna fl-Istati Uniti. Għalkemm ħafna mill-ġirien tagħhom għandhom dik li jsejħulha generation gap bejn il-ġenituri u wliedhom, hu u martu m’għandhomx, lanqas ma jinkwetaw li l-bniet tagħhom jistgħu jesperimentaw bid-drogi jew sess. Kull nhar taʼ Tnejn fil-għaxija, meta żgħażagħ oħrajn ikun mwaħħlin mat-televiżjoni, il-familja kollha jkunu miġburin madwar il-mejda tal-ikel għal diskussjoni mill-Bibbja. “Nhar taʼ Tnejn fil-għaxija hija l-lejla speċjali tagħna biex inkunu miġburin flimkien u nitkellmu,” huwa jispjega. “Uliedna jħossuhom liberi li jitkellmu dwar il-problemi tagħhom magħna.”
Mill-banda l-oħra, hemm omm mingħajr raġel fi New York City li wkoll tgawdi għaqda mhux tas-soltu tal-familja maż-żewġ bniet tagħha. Is-sigriet tagħha? “Inħallu t-televiżjoni mitfi sa tmiem il-ġimgħa,” hi tispjega. “Ikollna diskussjoni tat-test Bibliku kuljum. Inwarrbu wkoll lejla waħda għal diskussjoni tal-familja fuq il-Bibbja.”
Iż-żewġ familji huma Xhieda taʼ Jehovah. Huma jsegwu l-parir għall-familji mniżżel fil-Bibbja—u dan jirnexxi. Iżda, m’humiex xi eċċezzjonijiet. Hemm mijiet taʼ eluf taʼ familji eżatt bħalhom li qed jiksbu riżultati tajbin billi japplikaw ir-regoli għal ħajja tal-familja misjubin f’dak il-ktieb.b Eżatt x’inhuma dawk ir-regoli? Kif jistgħu jibbenefikaw lilek u lill-familja tiegħek? Bi tweġiba nistednuk tikkunsidra l-artikli li jibdew fil-paġna li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
a Għal iktar evidenza li l-aħħar jiem bdew fl-1914, ara kapitlu 18 tal-ktieb Int Tistaʼ Tgħix għal Dejjem f’Ġenna tal-Art, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b Permezz taʼ studju b’xejn tal-Bibbja fid-dar ix-Xhieda taʼ Jehovah joffru għajnuna persunali f’li jiġu applikati prinċipji Bibliċi fil-familja. Huma jistgħu jiġu kkuntattjati billi tikteb lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista.