LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 1/1 pp. 4-7
  • Il-Messija—Tama Vera?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Messija—Tama Vera?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Messijiet tas-​Seklu 20
  • Tama Vera?
  • Is-​Salvatur taʼ l-​Umanità
  • Il-​Messija u Gvern
  • Il-Messija! il-Mezz taʼ Salvazzjoni t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • “Sibna lill-Messija”!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • “Sibna ’l-Messija”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Huma Stennew lill-Messija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 1/1 pp. 4-7

Il-Messija—Tama Vera?

Sejjaħ lilu nnifsu Mosè. Ismu veru, iżda, m’huwiex magħruf fl-​istorja. Fil-​ħames seklu E.K., hu vvjaġġa mal-​gżira kollha taʼ Kreta, billi kkonvinċa lil-​Lhud t’hemmhekk li hu kien il-​messija li kienu jistennew. Hu qalilhom li dalwaqt l-​oppressjoni tagħhom, l-​eżilju u l-​iskjavitù tagħhom kienu se jintemmu. Huma emmnuh. Meta ġie jum il-​liberazzjoni tagħhom, il-​Lhud segwew lil “Mosè” fuq biċċa blata maħruġa ’l barra għal fuq il-​baħar Mediterran. Hu qalilhom li kellhom biss jaqbżu l-​baħar u l-​baħar kien se jinferaq quddiemhom. Ħafna obdew, billi ntefgħu f’baħar li ma kienx lest li jinferaq. Numru kbir minnhom għerqu; xi wħud ġew salvati minn baħrin u sajjieda. Mosè, madankollu, ma setaʼ jinstab imkien. Dak il-​messija sparixxa.

X’INHU messija? Il-​kelmiet “salvatur,” “feddej,” u “mexxej” jistgħu jiġu f’moħħok. Ħafna nies jaħsbu li messija huwa figura li jqanqal tama u devozzjoni fis-​segwaċi tiegħu, billi jwiegħed li jmexxihom minn oppressjoni għal ħelsien. Ladarba l-​istorja umana hija fil-​biċċa l-​kbira storja taʼ oppressjoni, mhux taʼ b’xejn li ftit mhux ħażin taʼ messijiet bħal dawn ħarġu matul is-​sekli. (Qabbel Ekkleżjasti 8:9.) Imma bħal dak li għamel lilu nnifsu Mosè taʼ Kreta, dawn il-​messijiet taʼ spiss mexxew lis-​segwaċi tagħhom lejn diżappunt u diżastru minflok lejn liberazzjoni.

“Dan hu s-​Sultan Messija!” Dan hu l-​mod li bih ir-​rabbi stmat Akiba ben Joseph laqaʼ lil Simeon Bar Kokhba fis-​sena 132 C.E. Bar Kokhba kien raġel setgħan li kien jikkmanda armata potenti. Fl-​aħħar, ħasbu ħafna Lhud, kien wasal il-​bniedem li se jtemm l-​oppressjoni twila tagħhom taħt idejn il-​Qawwa Dinjija Rumana. Bar Kokhba fallielu; mijiet taʼ eluf taʼ nies minn pajjiżu ħallsu għal dak il-​falliment b’ħajjithom.

Fis-seklu 12, messija Lhudi ieħor deher, din id-​darba fil-​Yemen. Meta l-​kalif, jew ħakkiem, staqsieh għal sinjal biex jipprova li hu kien il-​messija, dan il-​messija ppropona li l-​kalif jaqtagħlu rasu u jħalli l-​irxoxt taʼ malajr tiegħu jservi bħala sinjal. Il-​kalif aċċetta l-​pjan—u dak kien l-​aħħar tal-​messija mill-​Yemen. F’dak l-​istess seklu, raġel jismu David Alroy qal lil-​Lhud fil-​Lvant Nofsani biex jippreparaw biex isegwuh fuq il-​ġwienaħ tal-​anġli lura lejn l-​Art Imqaddsa. Ħafna emmnu li hu kien il-​messija. Il-​Lhud f’Bagdad stennew bil-​paċenzja kollha fuq il-​bjut tagħhom, u bil-​kuntentizza kollha injoraw lill-​ħallelin li serqulhom ħwejjiġhom.

Sabbatai Zevi ħareġ fis-​seklu 17 minn Smirna. Hu pproklama d-​dritt tiegħu taʼ messija lil Lhud mifruxin mal-​Ewropa. Il-​Kristjani, ukoll, semgħuh. Zevi offra lis-​segwaċi tiegħu liberazzjoni—milli jidher billi ħalliehom jipprattikaw id-​dnub mingħajr l-​ebda restrizzjoni. Is-​segwaċi l-​iktar qrib tiegħu tawha għal xalar sfrenat, nudiżmu, żina, u inċest, imbagħad kienu jsawtu lilhom infushom bi swat bil-​ħbula, billi jitgerbbu għarwenin fis-​silġ, u billi jidfnu lilhom infushom sa għonqhom fil-​ħamrija kiesħa. Meta vvjaġġa lejn it-​Turkija, Zevi ġie maħtuf u ntqallu li jew jikkonverti għall-​Islam jew inkella jmut. Hu kkonverta. Ħafna mid-​devoti tiegħu spiċċaw fix-​xejn. Iżda, għaż-​żewġ sekli taʼ wara, Zevi kien għadu msejjaħ messija f’xi kwartieri.

Il-​Kristjaneżmu wkoll ipproduċa s-​sehem tiegħu taʼ messijiet. Fis-​seklu 12, raġel jismu Tanchelm bena armata taʼ nies li jappoġġjawh u ddomina l-​belt taʼ Antwerp. Dan il-​messija sejjaħ lilu nnifsu alla; hu saħansitra biegħ l-​ilma tal-​banju tiegħu stess biex is-​segwaċi tiegħu jixorbuh bħala sagrament! Messija “Kristjan” ieħor kien Thomas Müntzer tas-​seklu 16 fil-​Ġermanja. Hu mexxa rewwixta kontra l-​awtoritajiet ċivili lokali, billi qal lis-​segwaċi tiegħu li din kienet il-​gwerra taʼ Armageddon. Hu wiegħed li kellu jaqbad il-​balal tal-​kanuni tal-​għedewwa fil-​kmiem tiegħu. Minflok, in-​nies tiegħu ġew immassakrati, u lil Müntzer qatgħulu rasu. Ħafna messijiet oħra bħal dawn ħarġu mill-​Kristjaneżmu matul is-​sekli.

Reliġjonijiet oħra, ukoll, għandhom il-​figuri messjaniċi tagħhom. L-​Islam jipponta lejn il-​Mahdi, jew wieħed iggwidat tajjeb, li kellu jdaħħal era taʼ ġustizzja. Fl-​Induiżmu, xi wħud sostnew li kienu avatari, jew inkarnazzjonijiet, taʼ diversi allat. U, kif tinnota The New Encyclopoedia Britannica, “saħansitra reliġjon li mhix messjanika bħalma hu l-​Buddiżmu pproduċa t-​twemmin, fost gruppi Mahāyāna, fil-​Budda Maitreya tal-​futur li kellu jinżel mill-​għamar tas-​sema tiegħu u jġib lill-​fidili fil-​ġenna.”

Messijiet tas-​Seklu 20

Fis-​seklu tagħna stess, il-​ħtieġa taʼ messija ġenwin saret iktar urġenti minn qatt qabel; mhux taʼ b’xejn, allura, li ħafna riedu għalihom dan it-​titlu. Fil-​Kongo Afrikan fi żmien is-​snin għoxrin, tletin, u erbgħin, Simon Kimbangu u s-​suċċessur tiegħu Andre “Jesus” Matswa ġew milqugħin bħala messijiet. Huma mietu, imma s-​segwaċi tagħhom għadhom jistennewhom jerġgħu lura biex idaħħlu millennju Afrikan.

Dan is-​seklu ra wkoll iż-​żjieda taʼ “kulti tal-​merkanzija” fi New Guinea u fil-​Melaneżja. Il-​membri jistennew bastiment jew ajruplan jasal, mimli rġiel bojod li jriduha taʼ messija li kienu se jagħmluhom għonja u jdaħħlu era taʼ hena meta saħansitra l-​mejtin kienu se jqumu.

Il-ġnus industrijalizzati kellhom il-​messijiet tagħhom ukoll. Xi wħud kienu mexxejja reliġjużi, bħalma hu Sun Myung Moon, wieħed li għamel lilu nnifsu suċċessur taʼ Ġesù Kristu u li għandu l-​għan li jippurifika lid-​dinja permezz taʼ familja unita taʼ devoti. Mexxejja politiċi wkoll ippruvaw jassumu pożizzjoni messjanika, b’Adolf Hitler li kien l-​iktar eżempju tal-​biżaʼ f’dan is-​seklu bil-​kliem għoli tiegħu taʼ Reich għal Elf Sena.

Filosofiji u organizzazzjonijiet politiċi laħqu bl-​istess mod pożizzjoni messjanika. Per eżempju, The Encyclopedia Americana tinnota li t-​teorija politika Marxista-Leninista għandha tifsir ieħor messjaniku. L-​organizzazzjoni tal-​Ġnus Magħquda, li kienet imsejħa minn ħafna bħala l-​unika tama għal paċi dinjija, jidher li saret qisha xi sostitut messjaniku fl-​imħuħ taʼ ħafna wħud.

Tama Vera?

Din il-​ħarsa fil-​qosor li rajna tagħmilha ċara biżżejjed li l-​istorja taʼ movimenti messjaniċi hija fil-​biċċa l-​kbira storja taʼ delużjoni, taʼ tamiet imfarrkin u taʼ ħolm li tar mar-​riħ. Ma tantx hi ħaġa tal-​iskantament, allura, li ħafna nies illum saru jiżżuffjettaw bit-​tama taʼ messija.

Qabel ma ninjoraw għalkollox it-​tama messjanika,iżda, għandna l-​ewwel nitgħallmu minfejn ġejja. Fil-​fatt, “messija” hija kelma fil-​Bibbja. Il-​kelma Ebrajka hija ma·shi’ach, jew “wieħed midluk.” Fi żminijiet Bibliċi, is-​slaten u l-​qassisin xi kultant kienu jiġu maħturin għall-​pożizzjonijiet tagħhom b’ċerimonja taʼ dlik, fejn żejt ifuħ kien jiġi msawwab fuq ir-​ras. B’hekk it-​terminu ma·shi’ach kien jiġi bix-​xieraq applikat għalihom. Kien hemm ukoll irġiel li kienu midlukin, jew maħturin għal pożizzjoni speċjali, mingħajr ċerimonja tad-​dlik. Mosè huwa msejjaħ “Kristu,” jew “wieħed midluk,” f’​Ebrej 11:24-26, għaliex hu kien magħżul bħala l-​profeta u r-​rappreżentant t’Alla.

Din id-​definizzjoni taʼ messija bħala “wieħed midluk” ipoġġi lill-​messijiet Bibliċi apparti sew mill-​messijiet foloz li ddiskutejna. Il-​messijiet Bibliċi ma ħatrux lilhom infushom; lanqas ma ġew magħżulin minn massa taʼ adoraturi segwaċi. Le, il-​ħatra tagħhom oriġinat minn fuq, minn Alla Jehovah innifsu.

Waqt li l-​Bibbja titkellem dwar ħafna messijiet, hi żgur tgħolli lil wieħed ħafna iktar ’il fuq mill-​oħrajn. (Salm 45:7) Dan il-​Messija huwa l-​figura ċentrali fil-​profezija tal-​Bibbja, il-​muftieħ għat-​twettiq tal-​iktar wegħdiet li jispiraw tal-​Bibbja. U dan il-​Messija tabilħaqq jittratta mal-​problemi li aħna niffaċċjaw illum.

Is-​Salvatur taʼ l-​Umanità

Il-​Messija tal-​Bibbja jittratta mal-​problemi tal-​umanità billi jmur fil-​għeruq tagħhom. Meta l-​ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, irvellaw kontra l-​Ħallieq minħabba t-​tħeġġiġ tal-​ħlejqa spirtu ribelluż Satana, huma kienu fil-​fatt qed jieħdu f’idejhom bla ma kienu ġġustifikati d-​dritt assolut taʼ gvern. Huma riedu jkunu dawk li jiddeċiedu x’kien sewwa u x’kien ħażin. B’hekk huma ħarġu minn taħt il-​gvern taʼ mħabba u protettiv taʼ Jehovah u daħħlu lill-​familja umana fil-​kaos u l-​miżerja taʼ li jaħkmu lilhom infushom, fl-​imperfezzjoni, u fil-​mewt.—Rumani 5:12.

Kemm hu taʼ mħabba, allura, li Alla Jehovah għażel dak il-​mument mudlam fl-​istorja umana biex jipprovdi lill-​umanità kollha b’xaqq taʼ tama. Billi ppronunzja s-​sentenza fuq ir-​ribelli umani, Alla bassar li n-​nisel tagħhom kellu jkollu ħellies. Billi ġie rreferut bħala ż-​“żerriegħa,” dan is-​Salvatur kellu jiġi biex isolvi x-​xogħol terribbli li Satana kien għamel hemm ġewwa Għeden; iż-​Żerriegħa kellu jbenġel lil dak is-​“serpent,” Satana, fir-​ras, billi jisħqu billi jeqirdu mill-​eżistenza.—Ġenesi 3:14, 15.

Minn żmien il-​qedem, il-​Lhud qiesu din il-​profezija bħala Messjanika. Diversi Targumi, parafrasi Lhud taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa wżati ħafna fl-​ewwel seklu, spjegaw li din il-​profezija kellha tiġi mwettqa “fil-​jum tas-​Sultan Messija.”

Mhux taʼ b’xejn, allura, li mill-​bidunett, irġiel taʼ fidi kienu affaxxinati bil-​wegħda taʼ Żerriegħa, jew Salvatur, li kellu jiġi. Immaġina x’ħass Abraham meta Jehovah qallu li ż-​Żerriegħa kellu jiġi mil-​linja tiegħu stess u li “l-​ġnus kollha tal-​art”−mhux biss id-​dixxendenti tiegħu—kellhom “[i]bierku lilhom infushom” permezz taʼ dak iż-​Żerriegħa.—Ġenesi 22:17, 18.

Il-​Messija u Gvern

Profeziji li ġew iktar tard rabtu din it-​tama mal-​prospett taʼ gvern tajjeb. F’Ġenesi 49:10, lil Ġuda, li bużnannuh kien Abraham, intqallu: “Ix-​xettru mhux se jdur fil-​ġenb minn Ġuda, lanqas il-​ħatar tal-​kmandant minn bejn riġlejh, sakemm jiġi Xilo; u lilu se tappartjeni l-​ubbidjenza tal-​popli.” Biċ-​ċar, dan “Xilo” kellu jiggverna—u kellu jiggverna mhux biss lil-​Lhud imma lil “popli.” (Qabbel Danjel 7:13, 14.) Xilo ġie identifikat mal-​Messija mil-​Lhud tal-​qedem; fil-​fatt, xi wħud mit-​Targumi Lhud sempliċement issostitwew il-​kelma “Xilo” b’“Messija” jew “is-​sultan Messija.”

Hekk kif id-​dawl tal-​profezija mnebbħa kompla jiddi, iktar ġie rrivelat dwar il-​ħakma taʼ dan il-​messija. (Proverbji 4:18) Fit-​2 Samwel 7:12-16, lis-​Sultan David, dixxendent taʼ Ġuda, intqallu li ż-​Żerriegħa kellu jiġi mil-​linja tiegħu. Barra minn hekk, dan iż-​Żerriegħa kellu jkun Sultan straordinarju. It-​tron tiegħu, jew il-​ħakma tiegħu, kellu jibqaʼ għal dejjem! Isaija 9:6, 7 jappoġġja dan il-​punt: “Tweldilna tifel, ingħatalna iben; u l-​ħakma taʼ prinċep [“gvern,” King James Version] se tiġi li tkun fuq spalltu. . . . Għall-​abbundanza tal-​ħakma taʼ prinċep u għall-​paċi ma se jkun hemm ebda tmiem, fuq it-​tron taʼ David u fuq saltnatu sabiex jistabbiliha fis-​sod u jwettaqha permezz tal-​ġustizzja u permezz tat-​tjieba, minn issa ’l quddiem u għal żmien indefinit. L-​istess żelu taʼ Jehovah tal-​armati se jagħmel dan.”

Tistaʼ timmaġinah gvern bħal dan? Ħakkiem ġust u twajjeb li jistabbilixxi l-​paċi u li jaħkem għal dejjem. X’differenza kbira hemm mill-​wirja patetika taʼ messijiet foloz tal-​istorja! Altru milli jkun mexxej deluż u li ħatar lilu nnifsu, il-​Messija tal-​Bibbja huwa ħakkiem dinji bil-​poter u l-​awtorità kollha neċessarja biex jibdel il-​kundizzjonijiet tad-​dinja.

Dan il-​prospett għandu tifsira profonda għaż-​żminijiet tagħna kollhom inkwiet. L-​umanità qatt ma kienet fi ħtieġa daqshekk iddisprata taʼ tama bħal din. Ladarba huwa daqstant faċli li toqgħod fuq tamiet foloz, iżda, huwa vitali li kull wieħed minna jagħmel studju bir-​reqqa taʼ din il-​mistoqsija: Kien Ġesù taʼ Nazzaret il-​Messija mbassar bħalma ħafna jemmnu? L-​artiklu li jmiss se jikkunsidra l-​kwistjoni.

[Kaxxa f’paġna 5]

Messija fi Brooklyn?

Kartelluni, billboards, u tabelli mixgħulin f’Iżrael riċentement ħabbru “Ippreparaw għall-​miġja tal-​Messija.” Din il-​kampanja pubbliċitarja taʼ $400,000 ittellgħet mil-​Lubavitchers, setta ultra-ortodossa taʼ Lhud Ħasidiċi. Hemm twemmin imxerred ħafna fost il-​grupp taʼ 250,000 membru li r-​rabbi grandjuż tagħhom, Menachem Mendel Schneerson taʼ Brooklyn, New York, huwa l-​Messija. Għala? Schneerson veru jgħallem li l-​Messija se jiġi f’din il-​ġenerazzjoni. U skond ir-​rivista Newsweek, uffiċjali taʼ Lubavitcher jinsistu li r-​rabbi taʼ 90 sena mhux se jmut qabel ma jasal il-​Messija. Għal sekli sħaħ is-​setta għallmet li kull ġenerazzjoni pproduċiet minn taʼ l-​inqas raġel wieħed li jikkwalifika bħala Messija. Schneerson jidher li hu bniedem bħal dan għas-​segwaċi tiegħu, u ma ħatar l-​ebda suċċessur. Xorta, il-​biċċa l-​kbira tal-​Lhud ma jaċċettawhx bħala l-​Messija, tgħid in-​Newsweek. Skond il-​gazzetta Newsday, ir-​rabbi rivali taʼ 96 sena Eliezer Schach sejjaħlu “messija falz.”

[Stampa f’paġna 6]

It-​twemmin li Mosè taʼ Kreta kien il-​messija sewa l-​ħajjiet taʼ ħafna nies

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja