LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w91 10/1 pp. 8-12
  • L-Irwol tal-Mara fl-Iskrittura

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Irwol tal-Mara fl-Iskrittura
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Maħluga bħala l-​Parti l-​Oħra tar-​Raġel
  • L-​Irwol Loġiku tal-​Mara
  • Id-​Dnub Sfigura l-​Irwol tal-​Mara
  • In-​Nisa Taħt il-​Liġi taʼ Mosè
  • Nisa li Jispikkaw
  • Nisa Taħt il-​Ġudaiżmu
  • Nisa Leali li Kienu Qed Jistennew lill-​Messija
  • X’inhu l-irwol tan-nisa fl-iskop taʼ Ġeħova?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • L-Irwol Dinjituż tan-Nisa Fost il-Qaddejja Bikrin t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Ir-Raġel u l-Mara—Irwol Dinjituż għat-Tnejn li Huma
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • “Nisa li Qed Jaħdmu Iebes fil-Mulej”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
w91 10/1 pp. 8-12

L-​Irwol tal-​Mara fl-​Iskrittura

“Din se tissejjaħ Mara, għaliex mir-​raġel din ittieħdet.”—ĠENESI 2:23.

1, 2. (a) Xi nies kif jaħsbu li l-​Bibbja tqis linnisa? (b) Biex inkunu ġusti, x’paragun għandu jsir, u ktieb taʼ referenza x’jistqarr?

L-​ISKRITTURA Mqaddsa kif tħares lejn in-​nisa? Opinjonijiet dwar dan ivarjaw. Ktieb riċenti dwar is-​suġġett jistqarr: “Idea kurrenti mfassla minn qabel hi li l-​Bibbja ċekknet lin-​nisa.” Xi nies isostnu li kemm fil-​partijiet Ebrajki u kemm f’dawk Griegi tagħha, il-​Bibbja hija iebsa fuq in-​nisa. Dan veru?

2 Biex inkunu ġusti, huwa xieraq li l-​ewwel neżaminaw kif in-​nisa kienu jiġu stmati fi żminijiet Bibliċi fost popli li ma kinux iqimu lil Jehovah. F’xi ċiviltajiet antiki li kienu jipprattikaw il-​qima tal-​alla mara omm, in-​nisa kienu onorati bħala simboli tal-​fertilità. Jidhru li kienu jinżammu bi stima għolja fil-​Babilonja u fl-​Eġittu. Imma bnadi oħra ma ħabtux daqstant tajjeb. Fl-​Assirja tal-​qedem raġel setaʼ jkeċċi lil martu meta ried u saħansitra joqtolha jekk ma kinetx tkun leali. Barra mid-​dar, riedet tilbes velu. Fil-​Greċja u Ruma, in-​nisa għonja biss, li ħafna minnhom kienu kortiġjani, jew prostituti taʼ klassi għolja, setgħu jiksbu edukazzjoni u gawdew ċertu ammont taʼ libertà. Għaldaqstant, huwa rinfreskanti li taqra f’The New International Dictionary of New Testament Theology:a “F’kuntrast mal-​bqija tad-​dinja (reliġjuża) tal-​orjent, [il-mara fl-​Iskrittura Ebrajka] hija rikonoxxuta bħala persuna u bħala s-​sieħba tar-​raġel.” Dan hu mistqarr tajjeb fil-​ktieb tal-​egħluq tal-​Iskrittura Ebrajka, fejn il-​profeta taʼ Jehovah jiddeskrivi mart ir-​raġel bħala s-​“sieħba” tiegħu, billi jżid: “Mal-​mara taʼ żgħożitek jalla ħadd ma jittratta b’ingann.”−Malakija 2:14, 15.

Maħluga bħala l-​Parti l-​Oħra tar-​Raġel

3 u nota taʼ taħt. (a) Wara li ħalaq lil Adam, Jehovah liema inkarigi taʼ xogħol tah? (b) Għalkemm sa dak iż-​żmien ma kellux mara, x’kien veru dwar Adam qabel il-​ħolqien taʼ Eva, u x’kien veru wkoll dwar “l-​aħħar Adam,” Ġesù?

3 Skond il-​Bibbja, Jehovah ħalaq lil Adam “mit-​trab tal-​art” u poġġieh fil-​ġnien taʼ Għeden, biex jikkultivah. Alla ġab il-​bhejjem selvaġġi tar-​raba u l-​ħlejjaq li jtiru lil Adam sabiex jistaʼ jistudjahom u jagħtihom l-​isem. Matul kwalunkwe żmien li Adam ħa biex jagħmel dan, hu kien waħdu. Għall-​inkarigi li rċeva mingħand Jehovah sa dak iż-​żmien, hu kien perfett, komplut, nieqes minn xejn.b Hu ma kellu “ebda waħda li tgħin bħala kompliment tiegħu.”−Ġenesi 2:7, 15, 19, 20.

4, 5. (a) Meta ma kienx għadu tajjeb għal Adam li jibqaʼ waħdu, Jehovah x’għamel? (b) Jehovah ta liema inkarigu għal tul taʼ żmien lil Adam u Eva u dan x’kien jirrikjedi minnhom it-​tnejn?

4 Madankollu, wara li għadda ftit żmien, Jehovah iddikjara li ma kienx “tajjeb għar-​raġel li jibqaʼ waħdu,” u ssokta jipprovdi sieħba għal Adam biex taqsam miegħu fix-​xogħol li kellhom quddiemhom. Hu raqqad lil Adam, ħadlu waħda mill-​kustilji, u bnieha f’mara, ‘għadma minn għadam Adam u laħam minn laħmu.’ Issa Adam kellu jkollu “waħda li tgħin,” “kompliment,” jew il-​parti l-​oħra. “Iktar minn hekk, Alla berikhom u qalilhom Alla: ‘Kunu għammiela u siru ħafna u imlew l-​art u rażżnuha, u ħa jkollkom suġġetti lejkom il-​ħut tal-​baħar u l-​ħlejjaq li jtiru tas-​smewwiet u kull ħlejqa ħajja li qed tiċċaqlaq fuq l-​art.”ˈ—Ġenesi 1:25, 28; 2:18, 21-23.

5 Innota li dan l-​inkarigu kien mogħti ‘lilhom,’ kemm lir-​raġel u kemm lill-​mara. Il-​kollaborazzjoni tagħhom ma kellhiex tkun limitata f’li jimlew l-​art. Kellha tinkludi wkoll it-​trażżin tal-​art u l-​eżerċitar taʼ ħakma xierqa fuq il-​ħlejjaq kollha iktar baxxi minnhom. Kellha tinkludi kwalitajiet intellettwali u spiritwali, u kemm ir-​raġel kif ukoll il-​mara kellhom il-​potenzjal neċessarju biex jiżżviluppaw dawn fi qbil mar-​rieda t’Alla.

L-​Irwol Loġiku tal-​Mara

6. (a) Il-​Bibbja x’tindika dwar is-​saħħa fiżika relattiva tar-​raġel u l-​mara? (b) In-​nisa kif jagħmlu tajjeb li jirraġunaw sabiex jaċċettaw l-​arranġament taʼ affarijiet taʼ Jehovah?

6 Naturalment, li trażżan l-​art kien se jirrikjedi wħoll saħħa fiżika. Fil-​għerf infinit tiegħu, Jehovah ħalaq lil Adam l-​ewwel, imbagħad lil Eva. Hi kienet maħluqa “mir-​raġel,” “għar-​raġel,” u mid-​dehra b’inqas saħħa fiżika mir-​raġel. (1 Timotew 2:13; 1 Korintin 11:8, 9; qabbel 1 Pietru 3:7.) Dan huwa fatt tal-​ħajja li ħafna femministi, u xi nisa oħra wkoll, jidhru li jsibu diffiċli biex jaċċettawh. Huma ċertament li jkunu iżjed henjin li kieku jippruvaw jifhmu għala Jehovah irranġa l-​affarijiet b’dan il-​mod, billi b’hekk jaċċettaw l-​irwol tagħhom mogħti minn Alla. Persuni li jilmentaw dwar l-​arranġamenti t’Alla jistgħu jiġu mqabblin maʼ rużinjol li jagħmel il-​geddum waqt li jibqaʼ fil-​bejta għaliex mhux b’saħħtu daqs gawwija, minflok ma jtir fuq fergħa għolja u jgħanni bi gratitudni għall-​għotjiet uniti li Alla tah.

7. Adam għala kien f’pożizzjoni tajba biex jeżerċita awtorità fuq Eva u t-​tfal li jitwieldu, imma kien dan taʼ detriment għal Eva?

7 Qabel ma ġiet maħluqa Eva, Adam bla dubju akkwista ħafna esperjenza fil-​għixien. Matul dan iż-​żmien, Jehovah tah ċerti struzzjonijiet. Adam kellu jgħaddi dawn lil martu, billi b’hekk jaġixxi bħala l-​kelliemi t’Alla. Loġikament, hu kien imissu jieħu t-​tmexxija fil-​kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-​qima u maʼ attivitajiet taʼ tjieba li huma kellhom jagħmlu bil-​għan li jwettqu l-​inkarigu tagħhom. Meta jitwieldu t-​tfal, hu kien se jkun il-​kap tal-​familja. Imma dan ma kienx se jkun taʼ detriment għal martu. Minflok, kien se jkun għall-​vantaġġ tagħha għaliex se jkollha lil xi ħadd li jappoġġjaha meta hi tħaddem l-​awtorità tagħha stess mogħtija minn Alla fuq uliedha.

8. Liema ordni divina taʼ affarijiet hija mfissra fil-​Bibbja?

8 Skond l-​ordni divina tal-​affarijiet, Adam ried jagħti kont lil Jehovah, Eva kienet taħt l-​awtorità taʼ Adam, it-​tfal kienu taħt id-​direzzjoni tal-​ġenituri tagħhom, u l-​annimali kienu sottomessi lejn il-​bnedmin. Ir-​raġel u l-​mara kellhom l-​irwolijiet rispettivi tagħhom, u kull wieħed setaʼ jgħix ħajja hienja u produttiva. B’hekk,‘l-​affarijiet kollha setgħu jseħħu b’mod diċenti u skond l-​ordni.’—1 Korintin 11:3; 14:33, 40, nota taʼ taħt.

Id-​Dnub Sfigura l-​Irwol tal-​Mara

9, 10. X’kienu l-​konsegwenzi tal-​waqgħa fid-​dnub għar-​raġel u l-​mara, u dan fiex irriżulta għal ħafna nisa?

9 Naturalment, l-​invażjoni tad-​dnub u tal-​imperfezzjoni fil-​Ġenna oriġinali ħassret dan l-​arranġament taʼ ordni tal-​affarijiet. (Rumani 7:14-20) Hija ġabet tbatija għar-​raġel ribelluż u għal martu diżubbidjenti. (Ġenesi 3:16-19) Minn dak iż-​żmien ’il hawn, ħafna rġiel egoisti abbużaw mill-​awtorità bi dritt tagħhom, billi ġabu ħafna tbatija lin-​nisa matul is-​sekli.

10 Billi ra bil-​quddiem din il-​konsegwenza partikulari tad-​dnub, Jehovah qal lil Eva: “Ix-​xenqa tiegħek se tkun għal żewġek, u hu se jiddominak.” (Ġenesi 3:16) Din id-​dominazzjoni taʼ abbuż ma kinetx l-​eżerċitar xieraq taʼ awtorità. Irriflettiet il-​qagħda midinba tar-​raġel u wkoll l-​imperfezzjoni tal-​mara, għax xi drabi n-​nisa sofrew għaliex ippruvaw jieħdu b’forza l-​awtorità taʼ żwieġhom.

11. X’inhu minnu dwar ħafna nisa u waħda awtriċi x’kitbet dwar in-​nisa fi żmien il-​patrijarki?

11 Imma sal-​punt li l-​prinċipji tal-​Bibbja ġew imħarsa, ħafna nisa sabu twettieq u hena. Dan kien minnu saħansitra fi żmien il-​patrijarki. Waqt li titkellem dwar dak il-​perijodu fil-​ktieb tagħha La Bible au Feminin (Il-Bibbja fil-​Femminil), l-​awtriċi Laure Aynard tikteb: “Dak li b’mod partikulari jispikka f’dawn ir-​rakkonti kollha hu l-​irwol importanti li kellhom in-​nisa, il-​prestiġju tagħhom f’għajnejn il-​patrijarki, l-​inizzjattiva kuraġġuża tagħhom, u l-​klima taʼ libertà li kienu jgħixu fiha.”

In-​Nisa Taħt il-​Liġi taʼ Mosè

12, 13. (a) X’kien l-​istat tan-​nisa taħt il-​Liġi taʼ Mosè? (b) In-​nisa kif kampaw spiritwalment taħt il-​Liġi?

12 Skond il-​liġijiet taʼ Jehovah mogħtijin permezz taʼ Mosè, in-​nisa miżżewġin kellhom ikunu “għeżież.” (Dewteronomju 13:6) Id-​dinjità tan-​nisa kellha tiġi rrispettata fi kwistjonijiet sesswali, u l-​ebda mara ma kellha tiġi abbużata sesswalment. (Levitiku 18:8-19) Irġiel u nisa kienu ndaqs quddiem il-​Liġi jekk kienu jinstabu ħatja taʼ adulterju, inċest, jew bestjalità. (Levitiku 18:6, 23; 20:10-12) Il-​ħames kmandament kien jirrikjedi li unur indaqs jingħata lill-​missier u lill-​omm.—Eżodu 20:12.

13 Fuq kollox, il-​Liġi pprovdiet lin-​nisa b’opportunità sħiħa biex jiżżviluppaw l-​ispiritwalità tagħhom. Huma bbenefikaw mill-​qari tal-​Liġi. (Ġożwe 8:35; Neħemija 8:2, 3) Huma kienu meħtieġa li josservaw festi reliġjużi. (Dewteronomju 12:12, 18; 16:11,14) Huma ħadu sehem fis-​Sabat taʼ kull ġimgħa u setgħu jieħdu l-​wegħda tan-​Nażariti. (Eżodu 20:8; Numri 6:2) Huma kellhom relazzjoni persunali maʼ Jehovah u talbuh individwalment.—1 Samwel 1:10.

14. Studjuż Kattoliku tal-​Bibbja xi jgħid dwar nisa Ebrej, u x’jistaʼ jingħad dwar l-​irwol tal-​mara taħt il-​Liġi?

14 Waqt li jikkummenta dwar nisa Ebrej l-​istudjuż Kattoliku tal-​Bibbja Roland de Vaux jikteb: “Ix-​xogħol iebes kollu fid-​dar ċertament waqaʼ fuqha; hi kienet tindokra l-​merħliet, taħdem fl-​egħlieqi, issajjar l-​ikel, tagħżel is-​suf, eċċ. Dan l-​iffattikar kollu, madankollu, mhux talli ma baxxiex l-​istat tagħha, anzi kisbilha konsiderazzjoni.... U dawk is-​siltiet rari li jagħtuna ħarsa ġol-​intimità tal-​ħajja tal-​familja juru li l-​mara miżżewġa Iżraelita kienet maħbuba u stmata minn żewġha, u meqjusa minnu bħala daqsu.... U m’hemmx dubju li din kienet l-​istampa normali. Kienet riflessjoni leali tat-​tagħlim inkwadrat f’Ġenesi, fejn jintqal li ħalaq lil mara bħala għajnuna għar-​raġel, li magħha kellu jingħaqad (Ġn 2:18, 24); u l-​aħħar kapitlu taʼ Proverbji jgħanni t-​tifħir taʼ mara tad-​dar tajba, imbierka minn uliedha, u l-​kburija taʼ żewġha (Pr 31:10-31).” (Ancient Israel—Its Life and Institutions) Bla dubju, meta l-​Liġi kienet tiġi segwita f’Iżrael, in-​nisa ma kinux jiġu stmati ħażin.

Nisa li Jispikkaw

15. (a) Il-​kondotta taʼ Sara kif turi relazzjoni xierqa bejn raġel u martu? (b) Il-​każ taʼ Raħab għala hu taʼ min jinnotah?

15 L-​Iskrittura Ebrajka fiha ħafna eżempji taʼ nisa li kienu qaddejja li jispikkaw taʼ Alla Jehovah. Sara tipprovdi tixbieha mill-​aħjar taʼ kif mara taʼ tjieba tistaʼ tkun f’daqqa sottomessa lejn żewġha u taʼ għajnuna għalih f’li jieħu deċiżjonijiet. (Ġenesi 21:9-13; 1 Pietru 3:5, 6) Il-​każ taʼ Raħab huwa notevoli. Igiddeb l-​akkuża li Jehovah juri preġudizzju razzjali u li hu aħrax man-​nisa. Raħab kienet prostituta mhux Iżraelita. Mhux talli Jehovah aċċettaha bħala adoratriċi imma minħabba l-​fidi kbira tagħha, appoġġjata minn xogħlijiet inkluża bidla fl-​istil taʼ ħajja, hu ddikjaraha taʼ tjieba. Barra minn hekk, hu ppremjaha bi privileġġ bħala sinjal billi saret antenata tal-​Messija.—Mattew 1:1, 5; Ebrej 11:31; Ġakbu 2:25.

16. L-​eżempju taʼ Abigajl x’juri, u l-​korsa taʼ azzjoni tagħha għala kienet iġġustifikata?

16 Biex naraw li Jehovah ma jirrikjedix li mara tkun sottomessa b’mod għami lejn żewġha hemm il-​każ taʼ Abigajl. Żewġha kien raġel għani, b’merħliet kbar taʼ ngħaġ u mogħoż. Imma hu kien “aħrax u ħażin fil-​prattiċi tiegħu.” Abigajl irrifjutat li ssegwi lil żewġha fil-​korsa ħażina tiegħu. Billi wriet diskrezzjoni, sens tajjeb, umiltà u ħeffa taʼ ħsieb, hi evitat sitwazzjoni li setgħet kienet diżastruża għal darha, u ġiet imbierka b’mod għani minn Jehovah.—1 Samwel 25:2-42.

17. (a) Liema privileġġ li jispikka kellhom xi nisa f’Iżrael? (b) X’lezzjoni jagħti l-​eżempju taʼ Miriam lil nisa Kristjani li forsi ngħatawlhom xi privileġġi taʼ servizz?

17 Xi nisa kienu saħansitra profetessi. Dan kien il-​każ taʼ Debora, matul iż-​żmien tal-​Imħallfin. (Imħallfin, kapitli 4 u 5) Ħulda kienet profetessa f’Ġuda, ftit qabel il-​qerda taʼ Ġerusalemm. (2 Slaten 22:14-20) Il-​każ taʼ Miriam hu taʼ min jinnotah. Għalkemm tissemma bħala profetessa, mibgħuta minn Jehovah, mid-​dehra dan il-​privileġġ telgħalha għal rasha f’ċertu punt. Hi naqset li tirrikonoxxi l-​awtorità li Jehovah kien ta lil ħuha iżgħar Mosè biex imexxi lil Iżrael, u ġiet ikkastigata taʼ dan, għalkemm mid-​dehra nidmet u ġiet restawrata.—Eżodu 15:20, 21; Numri 12:1-15; Mikea 6:4.

Nisa Taħt il-​Ġudaiżmu

18, 19. X’kien l-​istat tan-​nisa taħt il-​Ġudaiżmu, u kif ġara dan?

18 Kif rajna, il-​Liġi taʼ Mosè pproteġiet id-​drittijiet tan-​nisa u, meta kienet tiġi segwita, ippermettiet lin-​nisa li jgħixu ħajja sodisfaċenti. Imma mal-​mogħdija taż-​żmien, b’mod partikulari wara l-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K., żviluppat ir-​reliġjon tal-​Ġudaiżmu, ibbażata iżjed fuq tradizzjonijiet orali milli fuq il-​Liġi miktuba taʼ Jehovah. Mir-​rabaʼ seklu Q.E.K. ’l quddiem, il-​Ġudaiżmu assorba ħafna filosofija Griega. Fil-​biċċa l-​kbira l-​filosfi Griegi ftit li xejn taw kas tad-​drittijiet tan-​nisa, u għalhekk bl-​istess mod l-​istat tal-​mara tbaxxa fil-​Ġudaiżmu. Mit-​tielet seklu Q.E.K., in-​nisa bdew jiġu sseparati mill-​irġiel fis-​sinagogi Lhud u bdew jiġu skuraġġiti milli jaqraw it-​Tora (il-Liġi taʼ Mosè). L-​Encyclopaedia Judaica tirrikonoxxi: “Bħala riżultat ftit nisa kienu mgħallmin.” L-​edukazzjoni kienet prinċipalment għas-​subien.

19 Fil-​ktieb tiegħu Jerusalem in the Time of Jesus, J. Jeremias jikteb: “Fil-​biċċa l-​kbira, il-​pożizzjoni tan-​nisa f’legiżlazzjoni reliġjuża hi espressa bl-​aħjar mod f’dan il-​kliem ripetut kontinwament: ‘Nisa, irsiera (Ġentili) u tfal.’. . . Nistgħu nżidu maʼ dan kollu li kien hemm ħafna opinjonijiet taʼ disprezz mitkellma dwar in-​nisa. . . . Għandna għalhekk l-​impressjoni li l-​Ġudaiżmu fi żmien Ġesù wkoll kellu opinjoni baxxa ħafna tan-​nisa.”

Nisa Leali li Kienu Qed Jistennew lill-​Messija

20, 21. (a) Minkejja l-​attitudni taʼ stmerrija tal-​mexxejja reliġjużi Lhud lejn in-​nisa, min kien jinsab fost dawk għassa hekk kif qorob iż-​żmien għall-​Messija? (b) X’juri li Eliżabetta u Marija kellhom devozzjoni profonda lejn Alla?

20 Din l-​attitudni taʼ disprezz lejn in-​nisa kien mod ieħor li bih ir-​rabbini Lhud ‘għamlu l-​kelma t’Alla invalida bit-​tradizzjoni tagħhom.’ (Mark 7:13) Imma minkejja dan it-​tmaqdir, hekk kif qorbot il-​miġja tal-​Messija, xi nisa taʼ tjieba kienu għassa b’għajnejhom miftuħin. Waħda minn dawn kienet Eliżabetta, mart il-​qassis Levita Żakkarija. Hi u żewġha kienu “tajbin quddiem Alla għaliex kienu jimxu bla ħtija fi qbil mal-​kmandamenti kollha u mal-​ħtiġijiet legali kollha taʼ Jehovah.” (Luqa 1:5, 6) Eliżabetta sabet favur maʼ Jehovah għaliex, għalkemm ħawlija u avvanzata fis-​snin, hi saret omm Ġwanni l-​Għammied.—Luqa 1:7, 13.

21 Imqanqla mill-​ispirtu qaddis, Eliżabetta esprimiet imħabba profonda lejn mara oħra taʼ tjieba fi żmienha, qariba tagħha li kien jisimha Marija. Meta, lejn it-​tmiem tas-​sena 3 Q.E.K. l-​anġlu Gabrijel informa lil Marija li hi b’mod mirakoluż kienet se tikkonċepixxi tarbija (Ġesù), hu ndirizzaha, “Waħda ffavorita ferm,” billi żied: “Jehovah huwa miegħek.” Ftit wara, Marija żaret lil Eliżabetta, li bierket lilha u lit-​tarbija li kienet qed iġġorr fil-​ġuf, billi sejħet lil Ġesù “Mulej” saħansitra qabel ma twieled. Għal dan Marija nfexxet f’espressjoni taʼ tifħir lil Jehovah li tagħti evidenza elokwenti tad-​devozzjoni profonda tagħha lejn Alla.—Luqa 1:28, 31, 36-55.

22. Wara t-​twelid taʼ Ġesù, liema mara li kellha l-​biżaʼ t’Alla wriet li hi kienet fost dawk li kienu jistennew lill-​Messija?

22 Meta twieled Ġesù u Marija ġabitu fit-​tempju f’Ġerusalemm biex tippreżentah lil Jehovah, mara oħra li kellha l-​biżaʼ t’Alla, il-​profetessa Anna, esprimiet il-​ferħ tagħha. Hi raddet ħajr lil Jehovah u tkellmet dwar Ġesù maʼ dawk kollha li kienu b’mod ħerqan qed jistennew lill-​Messija mwiegħed.—Luqa 2:36-38.

23. L-​appostlu Pietru kif jitkellem dwar nisa leali taʼ qabel l-​era Kristjana, u x’mistoqsijiet se jiġu eżaminati fl-​artiklu li jmiss?

23 B’hekk, hekk kif qorob iż-​żmien għall-​ministeru taʼ Ġesù fuq l-​art, kien għad hemm jeżistu “nisa qaddisin li kienu qed jittamaw f’Alla.” (1 Pietru 3:5) Xi ftit minn dawn in-​nisa saru dixxipli taʼ Kristu. Ġesù kif kien jittrattahom? U hemm nisa llum li bil-​ferħ jaċċettaw l-​irwol tagħhom kif imfisser fil-​Bibbja? Dawn il-​mistoqsijiet se jiġu eżaminati fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a Volum 3, paġna 1055.

b “L-​aħħar Adam,” Ġesù Kristu, kien bl-​istess mod raġel perfett, komplet, għalkemm ma kellu ebda mara umana.—1 Korintin 15:45.

Mistoqsijiet għal Reviżjoni

◻ It-​trattament tan-​nisa f’Iżrael kif kien taʼ kuntrast maʼ dak f’artijiet oħra?

◻ X’kienu l-​pożizzjonijiet relattivi taʼ Adam u Eva, u għala?

◻ In-​nisa Iżraeliti xi stat kellhom taħt il-​Liġi, u spiritwalment kienu fi żvantaġġ?

◻ Liema huma xi lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu mill-​ħajjiet taʼ nisa li jispikkaw fl-​Iskrittura Ebrajka?

◻ Liema eżempji mill-​aħjar taʼ fidi jistgħu jinstabu minkejja l-​ħarsiet fil-​Ġudaiżmu?

[Kaxxa f’paġna 9]

“IL-​MARA LL TIBŻAʼ MINN JEHOVAH”

“10 Mara miżżewġa kapaċi min jistaʼ jsib? Il-​valur tagħha huwa ferm iktar minn dak tal-​qroll. 11 Fiha qalb sidha fdat, u m’hemm ebda qligħ nieqes. 12 Hi ppremjatu bil-​ġid, u mhux bid-​deni, il-​jiem kollha taʼ ħajjitha. 13 Hi fittxet suf u għażel, u hi taħdem f’dak kollu li huwa l-​għuxqa taʼ jdejha. 14 Hi tat prova li hi bħall-​bastimenti taʼ negozjant. Mill-​bogħod hi ġġib l-​ikel tagħha. 15 Hi tqum ukoll waqt li għadu l-​lejl, u tagħti ikel lin-​nies taʼ darha u l-​porzjon preskritt lin-​nisa żgħażagħ tagħha. 16 Hi kkunsidrat għalqa u ssoktat tiksibha; mill-​frott taʼ jdejha hi ħawlet għalqa dwieli. 17 Hi ħażżmet ġenbejha bis-​saħħa, u tqawwi dirgħajha. 18 Hi ħasset li n-​negozju tagħha huwa tajjeb; il-​lampa tagħha ma tintefiex bil-​lejl. 19 Idejha ħarġithom ’il barra lejn il-​fettiela, u jdejha stess jaqbdu ż-​żarżur. 20 Il-​pala taʼ idha ħarġitha ’l barra lill-​wieħed maħqur, u jdejha ħarġithom ’il barra lill-​wieħed fqir. 21 Hi ma tibżax għan-​nies taʼ darha minħabba l-​borra, għax in-​nies kollha taʼ darha mlibbsin ilbiesi doppji. 22 Gvieret għamlet għaliha nfisha. L-​ilbies tagħha huwa taʼ għażel u suf miżbugħ vjola ħamrani. 23 Sidha huwa xi ħadd magħruf fix-​xtiebi, meta joqgħod bil-​qiegħda mal-​irġiel ixjeħ tal-​pajjiż. 24 Hi għamlet saħansitra lbiesi taʼ taħt u ssoktat tbigħhom, u ċintorini tat lin-​negozjanti. 25 Saħħa u ġmiel huma l-​ilbies tagħha, u hi tidħaq b’jum fil-​futur. 26 Ħalqha fetħitu bil-​għerf, u l-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba qiegħda fuq ilsienha. 27 Hi qed tgħasses fuq il-​mixi tan-​nies taʼ darha, u ħobż il-​għażż hi ma tikolx. 28 Uliedha qamu u ssoktaw igħidulha hienja; sidha jqum, u jfaħħarha. 29 Hemm ħafna wlied bniet li wrew kapaċità, imma int—int tlajt fuqhom ilkoll. 30 Il-​ħlewwa tistaʼ tkun falza, u l-​ġmiel jistaʼ jkun frugħa; imma l-​mara li tibżaʼ minn Jehovah hi dik li taqlaʼ tifhir għaliha nfisha. 31 Agħtuha mill-​frott taʼ jdejha, u ħalli x-​xogħlijiet tagħha jfaħħruha saħansitra fix-​xtiebi.”−Proverbji 31:10-31.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja