Kapitlu 6
Għala Nixjieħu u Mmutu?
1. Ix-xjenzati x’ma kinux kapaċi jispjegaw dwar il-ħajja umana?
IX-XJENZATI ma jafux għala l-bnedmin jixjieħu u jmutu. Donnu li ċ-ċelloli tagħna għandhom jibqgħu jiġu mġeddin u li aħna għandna ngħixu għal dejjem. Il-ktieb Hyojun Soshikigaku (Istoloġija Stabbilita) jgħid: “Huwa misterju kbir kif ix-xjuħija taċ-ċelloli hija relatata max-xjuħija u l-mewt taʼ individwu.” Bosta xjenzati jemmnu li hemm limitu “naturali u inerenti” għall-ħajja. Taħseb li għandhom raġun?
2. Xi wħud x’għamlu minħabba li l-ħajja hija tant qasira?
2 Il-bnedmin minn dejjem ixxennqu għal għomor twil u saħansitra pprovaw jiksbu l-immortalità. Mir-rabaʼ seklu Q.E.K. ’l hawn, drogi li suppost kienu ddisinnjati biex jagħmlu l-immortalità possibbli attiraw l-attenzjoni taʼ nobbli Ċiniżi. Xi wħud mill-imperaturi Ċiniżi li ġew iktar tard ipprovaw taħlitiet li jtawlu l-ħajja—magħmulin mill-merkurju—u mietu! Madwar il-globu kollu, in-nies jemmnu li l-mewt m’hijiex it-tmiem taʼ l-eżistenza tagħhom. Il-Buddisti, il-Ħindu, il-Musulmani, u oħrajn kollha għandhom tamiet sbieħ taʼ ħajja wara l-mewt. Fil-Kristjaneżmu, ħafna jimmaġinaw ħajja wara din f’estasi kbira fis-sema.
3. (a) Il-bnedmin għala jixxennqu għall-ħajja eterna? (b) Liema mistoqsijiet dwar il-mewt jeħtieġ li jiġu mweġbin?
3 Kunċetti t’hena wara l-mewt jirriflettu xenqa għall-ħajja eterna. “Qiegħed ukoll il-ħsieb taʼ l-eternità fil-qalb tal-bniedem,” tgħid il-Bibbja rigward l-idea taʼ l-eternità li Alla żeraʼ ġo fina. (Koħelet 3:11) Hu ħalaq lill-ewwel bnedmin bil-prospett li setgħu jgħixu għal dejjem fuq l-art. (Ġenesi 2:16, 17) Il-bnedmin għala, allura, imutu? Il-mewt kif ġiet introdotta fid-dinja? L-għarfien dwar Alla jitfaʼ dawl fuq dawn il-mistoqsijiet.—Salm 119:105.
KOMPLOTT MALINN
4. Ġesù kif identifika l-kriminal responsabbli għall-mewt tal-bnedmin?
4 Kriminal jipprova jgħatti t-traċċi tiegħu. Dan kien ukoll veru dwar il-wieħed responsabbli għal delitt li rriżulta fil-mewt taʼ biljuni. Huwa mmanuvra l-affarijiet biex igeżwer il-mewt umana f’misterju. Ġesù Kristu identifika lil dan il-kriminal meta Hu qal lil dawk li kienu qegħdin ifittxu biex joqtlu Lilu: “Intom ġejjin minn missierkom, li hu x-xitan, u x-xewqat taʼ missierkom tridu tagħmlu. U dan kien qattiel sa mill-bidu, u qatt ma żamm mal-verità, għax il-verità ma tinsabx fih.”—Ġwann 8:31, 40, 44.
5. (a) X’kien l-oriġini tal-wieħed li sar Satana x-Xitan? (b) X’ifissru l-kelmiet “Satana” u “Xitan”?
5 Iva, ix-Xitan huwa “qattiel” malizzjuż. Il-Bibbja tirrivela li huwa persuna reali, mhux sempliċement il-ħażen f’qalb xi ħadd. (Mattew 4:1-11) Għalkemm maħluq bħala anġlu twajjeb, “qatt ma żamm mal-verità.” Kemm huwa xieraq li ġie msemmi Satana x-Xitan! (Rivelazzjoni 12:9, KŻ) Huwa jissejjaħ “Satana,” jew “wieħed li jirreżisti,” għaliex oppona u rreżista lil Jehovah. Dan il-kriminal huwa wkoll imsejjaħ “Xitan,” li tfisser “kalunnjatur,” għax huwa b’mod midgħi rrappreżenta ħażin lil Alla.
6. Satana għala rribella kontra Alla?
6 X’kien li qanqal lil Satana biex jirribella kontra Alla? Ir-regħba. Huwa b’mod rgħib ixxennaq għall-qima li Jehovah irċieva mingħand il-bnedmin. Ix-Xitan ma rrifjutax ix-xewqa li jirċievi qima bħal din, li bi dritt kienet tappartjeni biss lill-Ħallieq. (Qabbel Eżekjel 28:12-19.) Minflok, l-anġlu li sar Satana żamm din ix-xewqa rgħiba sakemm saret fertili u welldet id-dnub.—Ġakbu 1:14, 15.
7. (a) X’jikkaġuna l-mewt umana? (b) X’inhu d-dnub?
7 Aħna identifikajna l-mingħul li l-att kriminali tiegħu wassal għall-mewt tal-bnedmin. Imma x’inhu l-kaġun speċifiku għall-mewt umana? Il-Bibbja tgħid: “In-niggieża tal-mewt hi d-dnub.” (1 Korintin 15:56) U x’inhu d-dnub? Biex nifhmu din il-kelma, ejjew nikkunsidraw it-tifsira li kellha fil-lingwi oriġinali tal-Bibbja. Il-verbi bl-Ebrajk u bil-Grieg li b’mod komuni kienu tradotti “li tidneb” ifissru “li timmissja” fis-sens li timmissja marka jew ma tilħaqx mira. Liema marka nimmissjaw ilkoll kemm aħna? Il-marka t’ubbidjenza perfetta lejn Alla. Kif, iżda, ġie introdott id-dnub fid-dinja?
KIF TWETTAQ IL-KOMPLOTT
8. Satana kif ipprova jikseb il-qima tal-bnedmin?
8 Satana bir-reqqa kollha ppjana komplott li huwa ħaseb li kellu jwasslu biex jaħkem lill-bnedmin kollha u biex jirċievi l-qima tagħhom. Huwa ddeċieda li jġiegħel lill-ewwel koppja umana, Adam u Eva, jidinbu kontra Alla. Jehovah kien ta lill-ewwel ġenituri tagħna għarfien li kellu jwassalhom għall-ħajja taʼ dejjem. Kienu jafu li l-Ħallieq tagħhom kien tajjeb għaliex hu kien poġġiehom fil-ġnien sabiħ t’Għeden. Adam b’mod speċjali ħass it-tjubija taʼ Missieru tas-sema meta Alla tah mara sabiħa li kienet t’għajnuna. (Ġenesi 1:26, 29; 2:7-9, 18-23) Il-kontinwazzjoni tal-ħajja taʼ l-ewwel par uman iddependiet minn ubbidjenza lejn Alla.
9. Alla ta liema kmand lill-ewwel bniedem, u dan għala kien raġonevoli?
9 Alla kkmanda lil Adam: “Mis-siġar kollha tal-ġnien tistaʼ tiekol, imma mis-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut.” (Ġenesi 2:16, 17) Bħala l-Ħallieq, Alla Jehovah kellu d-dritt li jistabbilixxi livelli morali u li jiddefinixxi x’kien tajjeb u x’kien ħażin għall-ħlejjaq tiegħu. Il-kmand tiegħu kien raġonevoli għaliex Adam u Eva kienu ħelsin li jieklu l-frott mis-siġar l-oħrajn kollha fil-ġnien. Setgħu juru l-apprezzament tagħhom għall-istat taʼ ħakkiem bi dritt taʼ Jehovah billi jobdu din il-liġi minflok li bil-kburija jistabbilixxu l-livelli morali tagħhom stess.
10. (a) Satana kif avviċina lill-bnedmin biex jiġbidhom lejn in-naħa tiegħu? (b) Satana liema motivi attribwixxa lil Jehovah? (ċ) X’taħseb int dwar l-attakk taʼ Satana fuq Alla?
10 Ix-Xitan ikkomplotta biex jiġbed lill-ewwel umani ’l bogħod minn Alla. Biex iħajjarhom ħalli jżommu miegħu, Satana gideb. Billi uża serpent, bħalma ventrilokwist juża pupu, ix-Xitan staqsa lil Eva: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien?’” Meta Eva ċċitat il-kmand t’Alla, Satana ddikjara: “Le żgur li ma tmutux.” Huwa mbagħad attribwixxa motivi ħżiena lil Jehovah billi qal: “Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.” (Ġenesi 3:1-5) Ix-Xitan b’hekk insinwa li Alla kien qiegħed iċaħħadhom minn xi ħaġa tajba. X’assalt mimli kalunnji fuq il-Missier tas-sema kollu verità u mħabba, Jehovah!
11. Adam u Eva kif saru kompliċi maʼ Satana?
11 Eva ħarset lejn is-siġra mill-ġdid, u l-frott tagħha issa deher speċjalment mixtieq. Għalhekk ħadet il-frotta u kilitha. Iktar tard, żewġha minn jeddu ngħaqad magħha f’dan l-att midneb taʼ diżubbidjenza lejn Alla. (Ġenesi 3:6) Għalkemm Eva kienet imqarrqa, kemm hi u kemm Adam appoġġjaw il-komplott taʼ Satana biex jaħkem lir-razza umana. Fil-fatt, huma saru kompliċi miegħu.—Rumani 6:16; 1 Timotju 2:14.
12. X’irriżulta mill-irvell tal-bnedmin kontra Alla?
12 Adam u Eva kellhom jiffaċċjaw il-konsegwenzi taʼ l-azzjonijiet tagħhom. Ma sarux bħal Alla, b’għarfien speċjali. Minflok, huma bdew jistħu u nħbew. Jehovah sejjaħ lil Adam biex jitlob kont u ppronunzja din is-sentenza: “Bil-għaraq taʼ ġbinek tiekol ħobżok, sakemm terġaʼ lura lejn l-art, għax minnha int meħud. Għax trab int, u fit-trab terġaʼ tmur.” (Ġenesi 3:19) “Dak in-nhar” li l-ewwel ġenituri tagħna kielu mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin, huma ġew issentenzjati minn Alla u mietu mill-punto di vista tiegħu. Imbagħad ġew imkeċċijin mill-Ġenna u bdew in-niżla tagħhom lejn il-mewt fiżika.
KIF INFIRXU D-DNUB U L-MEWT
13. Id-dnub kif infirex fuq ir-razza umana kollha?
13 Satana milli jidher irnexxielu fil-komplott tiegħu biex jirċievi venerazzjoni umana. Madankollu, ma setax iżomm lill-adoraturi tiegħu ħajjin. Meta d-dnub beda jaħdem fl-ewwel koppja umana, ma setgħux iktar jgħaddu l-perfezzjoni lin-nisel tagħhom. Bħal iskrizzjoni minquxa fil-ġebel, id-dnub kien skolpit fil-fond fil-ġeni taʼ l-ewwel ġenituri tagħna. B’hekk, setgħu jipproduċu biss nisel imperfett. Ladarba t-tfal tagħhom kollha ġew ikkonċeputi wara li Adam u Eva dinbu, in-nisel tagħhom wirtu d-dnub u l-mewt.—Salm 51:7 [51:5, NW]; Rumani 5:12.
14. (a) Maʼ min nistgħu nxebbhu lil dawk li jiċħdu d-dnub tagħhom? (b) L-Iżraeliti kif saru konxji taʼ l-istat midneb tagħhom?
14 Illum, madankollu, ħafna ma jaħsbux li huma midinbin. F’xi partijiet tad-dinja, il-kunċett tad-dnub tan-nisel ġeneralment lanqas jafu bih. Imma dan m’huwiex prova biżżejjed li d-dnub ma jeżistix. Tifel b’wiċċu mgermed jistaʼ jsostni li hu nadif, u jistaʼ jiġi konvint li m’huwiex hekk biss wara li jħares fil-mera. L-Iżraeliti tal-qedem kienu jixbhu lil tifel bħal dan meta rċevew il-Liġi t’Alla permezz tal-profeta Tiegħu Mosè. Il-Liġi għamlitha ċara li d-dnub kien jeżisti. “Imma ma kontx inkun naf x’inhu dnub, kieku ma kinetx il-liġi,” jispjega l-appostlu Pawlu. (Rumani 7:7-12) Bħat-tifel li qiegħed iħares fil-mera, billi jużaw il-Liġi biex iħarsu lejhom infushom, l-Iżraeliti setgħu jaraw li huma ma kinux nodfa f’għajnejn Jehovah.
15. X’jiġi rrivelat meta nħarsu fil-mera tal-Kelma t’Alla?
15 Billi nħarsu fil-mera tal-Kelma t’Alla u ninnotaw il-livelli tagħha, nistgħu naraw li aħna imperfetti. (Ġakbu 1:23-25) Per eżempju, ikkunsidra dak li Ġesù Kristu qal lid-dixxipli tiegħu dwar li jħobbu lil Alla u lill-proxxmu tagħhom, kif inhu ddokumentat f’Mattew 22:37-40. Kemm spiss il-bnedmin jimmissjaw il-marka f’dawn l-oqsma! Ħafna ma jħossu saħansitra l-ebda rimors fil-kuxjenza meta jonqsu li juru mħabba għal Alla u għall-proxxmu tagħhom.—Luqa 10:29-37.
ATTENT GĦAT-TATTIĊI TAʼ SATANA!
16. X’nistgħu nagħmlu biex nevitaw li nsiru vittmi tal-komplotti taʼ Satana, u dan għala huwa diffiċli?
16 Satana jipprova jġegħilna nipprattikaw id-dnub apposta. (1 Ġwann 3:8) Hemm xi mod li bih nistgħu nevitaw li nkunu vittmi tal-komplotti tiegħu? Iva, imma dan jirrikjedi li niġġieldu kontra inklinazzjonijiet lejn id-dnub apposta. Dan m’huwiex faċli għaliex it-tendenza li twelidna biha għad-dnub hija qawwija ħafna. (Efesin 2:3) Pawlu kellu taqbida kbira miegħu nnifsu. Għala? Għaliex id-dnub kien ġewwa fih. Jekk irridu l-approvazzjoni t’Alla, aħna wkoll irridu niġġildulhom it-tendenzi midinbin taʼ ġewwa fina.—Rumani 7:14-24; 2 Korintin 5:10.
17. X’inhu dak li jagħmel il-ġlieda kontra t-tendenzi midinbin tagħna iktar diffiċli?
17 Ladarba Satana b’mod kostanti jfittex opportunitajiet biex iħajjarna niksru l-liġijiet t’Alla, il-ġlieda tagħna kontra d-dnub m’hijiex faċli. (1 Pietru 5:8) Billi wera tħassib għal sħabu Kristjani, Pawlu qal: “Jiena nibżaʼ li, bħalma s-serp qarraq b’Eva bil-ħażen tiegħu, hekk fehmietkom jitħassru mis-sempliċità u s-safa tagħhom fi Kristu.” (2 Korintin 11:3) Satana juża tattiċi simili llum. Jipprova jiżraʼ żrieragħ taʼ dubju dwar it-tjubija taʼ Jehovah u l-benefiċċji taʼ li nobdu l-kmandi t’Alla. Ix-Xitan jipprova jieħu vantaġġ mit-tendenzi midinbin li writna u jġegħilna niġru wara korsa taʼ kburija, regħba, mibgħeda, u preġudizzju.
18. Satana kif juża d-dinja biex jippromwovi d-dnub?
18 Wieħed mill-pjanijiet makakki li x-Xitan juża kontra tagħna huwa d-dinja, li qiegħda taħt il-poter tiegħu. (1 Ġwann 5:19) Jekk ma noqogħdux attenti, nies korrotti u diżonesti fid-dinja taʼ madwarna se jagħmlulna pressjonijiet biex naqbdu korsa midinba li tmur kontra l-livelli morali t’Alla. (1 Pietru 4:3-5) Bosta jinjoraw il-liġijiet t’Alla u saħansitra jwarrbu fil-ġenb it-tingiż tal-kuxjenza tagħhom, billi eventwalment ma jħalluhiex tibqaʼ sensittiva. (Rumani 2:14, 15; 1 Timotju 4:1, 2) Xi wħud bil-mod il-mod jadottaw korsa li saħansitra l-kuxjenza imperfetta tagħhom qabel ma kenitx tippermettilhom li jieħdu.—Rumani 1:24-32; Efesin 4:17-19.
19. Għala m’huwiex biżżejjed sempliċement li ngħixu ħajja nadifa?
19 Li ngħixu ħajja nadifa huwa xi ħaġa kbira f’din id-dinja. Biex nogħġbu lill-Ħallieq tagħna, madankollu, iktar huwa meħtieġ. Irridu wkoll ikollna fidi f’Alla u nħossu responsabbiltà lejh. (Lhud 11:6) “Jekk mela xi ħadd jagħraf it-tajjeb li għandu jagħmel u ma jagħmlux, jagħmel dnub,” kiteb id-dixxiplu Ġakbu. (Ġakbu 4:17) Iva, li ninjoraw apposta ’l Alla u l-kmandamenti tiegħu huwa fih innifsu forma taʼ dnub.
20. Satana kif jistaʼ jipprova jżommok lura milli tagħmel dak li huwa sewwa, imma x’se jgħinek tirreżisti pressjonijiet bħal dawn?
20 Satana wisq probabbli se jqanqal oppożizzjoni għat-tiftix tiegħek għall-għarfien dwar Alla permezz taʼ l-istudju tiegħek tal-Bibbja. Huwa sinċerament ittamat li ma tħallix pressjonijiet bħal dawn iżommuk lura milli tipprattika dak li huwa sewwa. (Ġwann 16:2) Għalkemm bosta ħakkiema poġġew fidi f’Ġesù matul il-ministeru tiegħu, huma ma stqarrewhx minħabba li kienu beżgħanin li jiġu evitati mill-komunità tagħhom. (Ġwann 12:42, 43) Satana b’mod spjetat jipprova jintimida lil kwalunkwe wieħed li qiegħed ifittex l-għarfien dwar Alla. Madankollu, għandek dejjem tiftakar u tapprezza l-affarijiet taʼ l-għaġeb li Jehovah għamel. Int tistaʼ saħansitra tkun kapaċi tgħin lil opponenti jiksbu l-istess apprezzament.
21. Kif nistgħu nikkonkwistaw lid-dinja u lit-tendenzi midinbin tagħna stess?
21 Sakemm aħna imperfetti, se nidinbu. (1 Ġwann 1:8) Minkejja dan, għandna l-għajnuna f’li niġġieldu din il-battalja. Iva, huwa possibbli li noħorġu rebbiħin fil-ġlieda tagħna kontra l-wieħed mill-agħar, Satana x-Xitan. (Rumani 5:21) Fi tmiem il-ministeru taʼ Ġesù fuq l-art, hu inkuraġġixxa lis-segwaċi tiegħu b’dan il-kliem: “Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!” (Ġwann 16:33) Saħansitra għal bnedmin imperfetti, huwa possibbli li jikkonkwistaw lid-dinja bil-għajnuna t’Alla. Satana m’għandu ebda qabda fuq dawk li jopponuh u li ‘joqogħdu għar-rieda t’Alla.’ (Ġakbu 4:7; 1 Ġwann 5:18) Bħalma se naraw, Alla pprovda ħruġ mill-jasar għad-dnub u l-mewt.
ITTESTJA L-GĦARFIEN TIEGĦEK
Min huwa Satana x-Xitan?
Il-bnedmin għala jixjieħu u jmutu?
X’inhu d-dnub?
Satana kif jiġbed lin-nies għad- dnub apposta kontra Alla?
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 54]