Filo taʼ Lixandra—Taħlita taʼ Spekulazzjoni maʼ l-Iskrittura
FIS-SENA 332 Q.E.K., Alessandru l-Kbir daħal bl-armata tiegħu fl-Eġittu. Qabel ma mmarċja lejn il-lvant għall-konkwista tiegħu, hu waqqaf belt li semmieha Lixandra. Din saret iċ-ċentru tal-kultura Griega. Hemm, madwar is-sena 20 Q.E.K., twieled konkwistatur ieħor, wieħed li l-armi tiegħu ma kinux ix-xwabel u l-lanez, imma r-raġunamenti filosofiċi. Hu kien magħruf bħala Filo taʼ Lixandra, jew Filo Judaeus minħabba l-isfond Lhudi tiegħu.
Id-Dijaspora, li seħħet wara l-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K., ġagħlet lil ħafna Lhud imorru joqogħdu l-Eġittu. Eluf bdew jgħixu f’Lixandra. Madankollu, kien hemm ħafna problemi bejn il-Lhud u l-ġirien tagħhom il-Griegi. Il-Lhud irrifjutaw li jqimu l-allat Griegi, filwaqt li l-Griegi rridikolaw l-Iskrittura Ebrajka. Minħabba li Filo kellu edukazzjoni Griega u trabba bħala Lhudi, hu kien jaf sew din il-kontroversja. Hu emmen li l-Ġudaiżmu kien ir-reliġjon vera. Imma, kuntrarju għal ħafna, Filo pprova jwassal lill-Griegi lejn Alla b’mod paċifiku. Hu riedhom jaċċettaw il-Ġudaiżmu.
Tifsir Ġdid għal Kitbiet Antiki
Bħal ħafna Lhud f’Lixandra, il-lingwa primarja taʼ Filo kienet il-Grieg. Għalhekk, il-verżjoni Griega tas-Settanta taʼ l-Iskrittura Ebrajka kienet il-bażi taʼ l-istudju tiegħu. Hekk kif eżamina t-test tas-Settanta, hu sar konvint li kien fih element filosofiku u li Mosè kien ‘filosfu tas-sengħa.’
Sekli wara, il-Griegi intelletwali sabuha diffiċli jaċċettaw stejjer dwar allat irġiel u nisa—ġganti u demonji tal-mitoloġija Griega antika tagħhom. Huma reġgħu bdew jinterpretaw dawn l-istejjer antiki. L-istudjuż klassiku James Drummond qal dan dwar il-metodu li kienu jużaw: “Il-filosfu kien ifittex għal tifsir sottili, moħbi taħt il-wiċċ taʼ l-istejjer mitoloġiċi, u mill-kuntest diżgustanti u ridikolu tagħhom jikkonkludi li l-intenzjoni taʼ l-awturi kienet li mil-lingwa figurattiva użata joħorġu verità profonda u li ddawwal.” Dan il-proċess hu msejjaħ interpretazzjoni allegorika, jew simbolika, u Filo pprova juża dan il-metodu sabiex ikun jistaʼ jfiehem l-Iskrittura.
Per eżempju, aħseb ftit dwar Ġenesi 3:22 tas-Settanta fil-verżjoni taʼ Bagster, li jgħid: “Il-Mulej Alla għamel ilbies tal-ġild għal Adam u għal martu, u libbishom.” Il-Griegi ħassew li l-fatt li jagħmel il-ħwejjeġ kien ibaxxi d-dinjità taʼ l-Alla Suprem. Għalhekk, Filo sab simboliżmu f’dan il-vers u qal: “L-ilbies tal-ġild huwa espressjoni figurattiva għall-ġilda naturali, jiġifieri, ġisimna; għax meta Alla l-ewwel għamel l-intellett sejjaħlu Adam; wara dan hu ħalaq l-animazzjoni taʼ barra, li taha l-isem taʼ Ħajja. Imbagħad fit-tielet post, kien hemm bżonn li jagħmel il-ġisem, u b’mod figurattiv sejjaħlu lbies tal-ġild.” Għalhekk, Filo pprova jagħmel il-fatt li Alla libbes lil Adam u ’l Eva punt filosofiku fuq xiex wieħed jaħseb.
Ikkunsidra wkoll Ġenesi 2:10-14, li jiddeskrivi s-sors taʼ l-ilma għall-ġnien taʼ lGħeden u li jsemmi erbaʼ xmajjar li għaddew mill-ġnien. Filo pprova jifhem iktar milli kien hemm miktub u jħares lil hinn mill-pajsaġġ li kien qed jiġi deskritt. Wara li kkummenta fuq l-art infisha, hu qal: “Forsi dan ir-rakkont għandu wkoll tifsira allegorika; għax l-erbaʼ xmajjar jissimbolizzaw erbaʼ virtujiet.” Hu fehem li x-xmara Pison tirrappreżenta l-prudenza, ix-xmara Giħon hija s-simbolu tas-serjetà, ix-xmara Tigri tissimbolizza l-qawwa, u l-Ewfrat tfisser ġustizzja. Għalhekk, l-allegorija ħadet post il-ġeografija.
Filo uża l-interpretazzjoni allegorika sabiex janalizza r-rakkont tal-ħolqien, il-qtil t’Abel minn Kajjin, id-Dilluvju taʼ żmien Noè, il-konfużjoni tal-lingwi f’Babel, u ħafna prinċipji fil-Liġi Mosajka. Bħalma juri l-eżempju tal-paragrafu taʼ qabel, hu spiss irrikonoxxa l-punt letterali tal-vers tal-Bibbja, imma mbagħad ta l-fehma simbolika tiegħu billi uża kliem bħal: “Forsi għandna nqisu dawn l-affarijiet f’sens allegoriku.” Fix-xogħlijiet taʼ Filo, is-simboliżmu jidher ċar filwaqt li, b’sogħba, it-tifsira ovvja taʼ l-Iskrittura ma tidhirx.
Min Hu Alla?
Filo tkellem favur l-eżistenza t’Alla billi uża tixbiha qawwija. Wara li ddeskriva l-art, ix-xmajjar, il-pjaneti, u l-istilel, hu kkonkluda: “Id-dinja hija l-iktar waħda mix-xogħlijiet kollha li saret b’arti u b’sengħa kbira, daqslikieku kienet maħluqa minn xi ħadd li hu komplet għalkollox u għandu għarfien perfett. Huwa għalhekk li ħadna l-idea li Alla jeżisti.” Dan huwa rraġunar f’loku.—Rumani 1:20.
Imma meta Filo spjega n-natura t’Alla li Jistaʼ Kollox, hu mar ’il bogħod ħafna mill-verità. Filo sostna li Alla “m’għandux kwalitajiet li jispikkaw” u li “ma nistgħux nifhmuh.” Filo skuraġġixxa kull sforz biex issir taf lil Alla, billi qal li “kwalunkwe tentattiv biex issir taf iktar, sabiex tagħmel investigazzjonijiet dwar in-natura jew il-kwalitajiet li jispikkaw t’Alla, huwa biss bluha.” Dan l-irraġunar ma ġiex mill-Bibbja, imma mill-filosfu pagan Platun.
Filo qal li Alla tant ma tistax tifhmu li hu impossibbli li ngħajtulu b’isem persunali. Skond Filo m’huwiex raġunevoli li dak li tassew hu Alla l-ħaj jingħata isem li jidher li jixraqlu. Kemm mar ’il bogħod mill-fatti!
Il-Bibbja ma tħalli ebda dubju dwar l-isem persunali t’Alla. Salm 83:19 (83:18, NW) jgħid: “Biex jagħrfu li Jaħweh [jew “Ġeħova,” NW] hu ismek, li int waħdek l-Għoli fuq l-art kollha.” Isaija 42:8 juri li Alla jgħid: “Jiena [“Ġeħova,” NW], dan hu ismi.” Filo, Lhudi li kien jaf dawn it-testi Bibliċi, għala għallem li Alla ma kellux isem? Minħabba li hu ma kienx qed jiddeskrivi lil Alla persunali tal-Bibbja, imma kien qed jiddeskrivi alla bla isem u li ma jistax jintlaħaq mill-filosofija Griega.
X’Inhi r-Ruħ?
Filo għallem li r-ruħ hija separata mill-ġisem. Hu jgħid li l-bniedem “jikkonsisti f’ġisem u ruħ.” Tistaʼ tmut ir-ruħ? Ikkunsidra l-ispjegazzjoni li ta Filo: “Meta nkunu ħajjin, ġisimna ħaj imma r-ruħ tagħna hija mejta u midfuna f’ġisimna, daqslikieku qiegħda f’qabar. Imma li kieku kellu jmut [il-ġisem], imbagħad ir-ruħ tagħna tgħix skond il-ħajja proprja tagħha, billi tkun ħielsa mill-ġisem ħażin u mejjet li kienet maqbuda fih.” Għal Filo, il-mewt tar-ruħ kienet simbolika. Fir-realtà din qatt ma tmut. Hija immortali.
Madankollu, il-Bibbja x’tgħallem dwar ir-ruħ? L-1 Korintin 15:45 jgħid: “L-ewwel bniedem Adam sar ruħ ħajja.” Skond il-Bibbja, il-bnedmin m’għandhomx ruħ; minflok, huma ruħ.
Il-Bibbja tgħallem ukoll li r-ruħ m’hijiex immortali. Eżekjel 18:4 (Karm Żammit) jgħid: “Ir-ruħ li tidneb, tmut.” Minn dawn l-iskritturi nistgħu naslu għal konklużjoni xierqa: Il-bniedem huwa ruħ. Għalhekk, meta bniedem imut, ir-ruħ tmut.—Ġenesi 19:19, NW.a
Wara li Filo miet, il-Lhud ma tantx taw kasu. Madankollu, il-Kristjaneżmu aċċettah. Ewsebju u mexxejja oħra tal-knisja emmnu li Filo kkonverta għall-Kristjanità. Ġirolmu niżżlu bħala wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja. Kienu l-Kristjani apostati, u mhux il-Lhud, li żammew il-kitbiet taʼ Filo.
Il-kitbiet taʼ Filo wasslu għal rivoluzzjoni reliġjuża. L-influwenza tiegħu wasslet lill-hekk imsejħa Kristjani sabiex jadottaw id-duttrina taʼ l-immortalità tar-ruħ li tmur kontra l-iskrittura. U t-tagħlim taʼ Filo dwar il-Logos (jew, il-Kelma) ikkontribwixxa għall-iżvilupp tat-twemmin fit-Trinità, domma tal-Kristjanità apostata li ma tinsabx fil-Bibbja.
Titqarrqux
Meta studja l-Iskrittura Ebrajka, Filo għamel ċert li ma “neħħa ebda tifsir allegoriku li għandu mnejn ikun moħbi wara l-lingwa sempliċi.” Madankollu, bħalma nsibu f’Dewteronomju 4:2, Mosè qal hekk dwar il-Liġi t’Alla: “La żżidu xejn maʼ dak li qiegħed nordnalkom u lanqas tnaqqsu minnu; qisu li tħarsu l-liġijiet tal-Mulej, Alla tagħkom, bħalma qiegħed nagħtihomlkom jien.” Minkejja l-intenzjonijiet tajbin li deher li kellu, Filo tant żied spekulazzjonijiet li, bħal sħaba ħoxna, ċajpar l-istruzzjoni ċara tal-Kelma ispirata t’Alla.
L-appostlu Pietru qal: “Ma kienx billi mxejna fuq ħrejjef minsuġin bis-sengħa li għarrafniekom dwar il-qawwa u l-preżenza tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.” (2 Pietru 1:16) Kuntrarju għall-kitbiet taʼ Filo, l-istruzzjoni li Pietru ta lill-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-ewwel seklu kienet ibbażata fuq il-fatti u fuq id-direzzjoni taʼ l-ispirtu t’Alla, “l-ispirtu tal-verità,” li ggwidahom lejn il-verità kollha.—Ġwanni 16:13.
Jekk int interessat f’li tqim lil Alla tal-Bibbja, għandek bżonn gwida vera, u mhux interpretazzjoni bbażata fuq il-ħsieb tal-bniedem. Għandek bżonn l-għarfien eżatt dwar Ġeħova u r-rieda tiegħu, u għandek bżonn l-umiltà biex tkun student sinċier. Jekk tistudja l-Bibbja b’dik l-attitudni tajba, int se ssir taf “il-kitba qaddisa, li tistaʼ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.” Int se tara kif il-Kelma t’Alla tistaʼ tagħmlek “armat bis-sħiħ għal kull għemil tajjeb.”—2 Timotju 3:15-17.
[Nota taʼ taħt]
a Rigward ir-ruħ, The Jewish Encyclopedia taʼ l-1910 tgħid dan: “It-twemmin li r-ruħ tkompli teżisti wara li l-ġisem jitħassar ġie minn spekulazzjoni filosofika jew teoloġika u mhux minn fidi bażika, u m’hu mgħallem imkien b’dan il-mod fl-Iskrittura Qaddisa.”
[Kaxxa/Stampa f’paġna 10]
IL-BELT TAʼ FILO
Filo għex u ħadem f’Lixandra taʼ l-Eġittu. Għal sekli sħaħ, din il-belt kienet il-kapitali tal-kotba u d-diskussjonijiet sekulari tad-dinja.
L-istudenti tgħallmu minn studjużi famużi li għallmu fl-iskejjel tal-belt. Il-librerija taʼ Lixandra saret magħrufa madwar id-dinja. Fil-kollezzjonijiet tagħha kien hemm mijiet t’eluf taʼ materjal minħabba li l-librari pprovaw jiksbu kopja taʼ kull dokument miktub.
Iktar tard, ir-rispett li d-dinja kellha għal Lixandra u għall-maħżen t’għarfien tagħha beda jonqos. Imperaturi f’Ruma taw importanza lill-belt tagħhom, u ċ-ċentru kulturali ċċaqlaq għall-Ewropa. In-niżla li qabdet Lixandra laħqet il-quċċata tagħha fis-sebaʼ seklu E.K. meta xi invażuri rebħu l-belt. Sal-ġurnata taʼ llum, l-istorjografi jibku t-telfa taʼ din il-librerija famuża, u xi wħud jgħidu li dan tefaʼ ċ-ċivilizzazzjoni 1,000 sena lura.
[Sors]
L. Chapons/Illustrirte Familien-Bibel nach der deutschen Uebersetzung Dr. Martin Luthers
[Kaxxa f’paġna 12]
INTERPRETAZZJONI ALLEGORIKA LLUM
Ġeneralment l-allegorija hija “meta persuna tesprimi ruħha b’figuri li huma fittizji u b’azzjonijiet taʼ veritajiet jew ġeneralizzazzjonijiet simboliċi dwar l-eżistenza tal-bniedem.” Jingħad li kitbiet li jużaw l-allegorija jissimbolizzaw affarijiet importanti li huma moħbija. Bħal Filo taʼ Lixandra, xi għalliema reliġjużi llum jużaw l-allegorija sabiex jispjegaw il-Bibbja.
Ikkunsidra Ġenesi kapitli 1-11, li fihom insibu l-istorja tal-bniedem mill-ħolqien sa meta l-popli nfirxu fi żmien it-torri taʼ Babel. Rigward din is-sezzjoni fil-Bibbja, The New American Bible, traduzzjoni Kattolika, tgħid li sabiex il-ġens taʼ Iżrael jibqaʼ jżomm u jifhem il-veritajiet miktuba f’dawn il-versi kien hemm bżonn li dawn il-veritajiet jitniżżlu b’ideat li kienu komuni għan-nies taʼ dak iż-żmien. Tkompli tgħid li għalhekk “il-veritajiet infushom iridu jiddistingwu ruħhom b’mod ċar mill-ilbies letterarju tagħhom.” Skond dan l-irraġunar, Ġenesi kapitli 1-11 m’għandhomx jittieħdu letterali. Minflok, bħalma l-ilbies jgħatti lill-ġisem, hekk ukoll il-kliem jgħatti tifsir iktar fond.
Madankollu, Ġesù għallem li l-ewwel kapitli tal-Ġenesi kienu letterali. (Mattew 19:4-6; 24:37-39) L-appostli Pawlu u Pietru għamlu l-istess. (Atti 17:24-26; 2 Pietru 2:5; 3:6, 7) Studenti sinċieri tal-Bibbja jirrifjutaw kwalunkwe spjegazzjoni li ma taqbilx mal-Kelma t’Alla.
[Stampa f’paġna 9]
Il-fanal il-kbir tal-port taʼ Lixandra
[Sors]
Archives Charmet/Bridgeman Art Library